Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lufthansa Technik

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 27798 u 27528 cioe': Peress li l-Prim Ministru ħabbar li l-bini tal-hanger ġdid għall-kumpanija Lufthansa Tecknik hu joint venture bejn il-gvern u l-kumpanija jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' l-ispejjeż tal-bini li se jitħallas mill-gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Enemalta — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li x-xogħol li qed isir mill-Enemalta fl-inħawi ta' l-iskola primarja tal-Mosta jitlesta malajr kemm jista' jkun għax dan ix-xogħol qiegħed ikun ta' inkonvenjent kbir għall-istudenti u l-ġenituri tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol li kien qed isir fuq substation ġdida fl-inħawi ta' l-iskola primarja l-Mosta issa kważi tlesta, jonqos biss jitgħattew it-trufijiet tal-Low Voltage cables bl-asfalt li huma l'bogħod mill-iskola. It-trinka ġiet magħluqa sal-1 t'Ottubru u ingħatat l-asfalt sal-5 t'Ottubru 2007.

H'Attard — Appartamenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx ippjanat bini ta' appartamenti jew maisonettes f'Ħ'Attard? Jekk fl-affermattiv, fejn u kemm se jinbnew units?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar għamlet applikazzjoni mal-MEPA dwar proġett ta’ sheltered housing li jikkonsisti fi blokka ta’ sitt appartamenti fi Triq l-Għenba, Attard. Ninsab infurmata wkoll li din l-applikazzjoni għadha qed tiġi proċessata mill-MEPA.

Buskett — Ġibjun

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ġibjun li hemm fl-inħawi tal-Lawrenti l-Buskett hux proprjeta' tal-Water Services Corporation? Jekk fl-affermattiv dan il-ġibjun jintuża? Jekk le, hemm xi ħsieb x'se jsir bih?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fl-inħawi tal-Lawrenti, limiti tal-Buskett hemm ġibjun li hu propjeta’ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma. Dan il-ġibjun li nbena fl-1985 kien maħsub li jintuża minflok tank tal-ħadid li kien hemm fil-viċinanzi u li kien jitma’ partijiet mis-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ. Iżda dan il-ġibjun qatt ma ntuża peress li jinsab għoli ħafna meta mqabbel mal-lokalitajiet li kien maħsub li jipprovdihom bl-ilma u b’hekk trid tinħela ħafna enerġija biex wieħed itella’ l-ilma fiħ biex jitqassam f'dawn il-lokalitajiet. Diffikulta’ oħra hi l-aċċess biex jitqiegħdu kannen għal u minn ġo fih. Fil-fatt dan il-ġibjun qatt ma tqabbdu kannen miegħu. Illum il-ġurnata, l-provvista ta’ l-ilma tas-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ tiġi minn ġibjuni oħra. Bħalissa il-Korporazzjoni m’għandha l-ebda pjan li tuża dan il-ġibjun tal-Lawrenti għall-provista tal-ilma.

Mosta — Ilma fit-triqat

Question

Jista' l-Ministru jara x'miżuri jistgħu jittieħdu sabiex l-ilma tax-xita fi Triq il-Htajriet, Mosta ma jibqax niżel fi Trejqet it-Tin għax dan l-ilma qiegħed joħloq inkonvenjent kbir għar-residenti ta' din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Ħtajriet hija maqsuma f’diversi fażijiet u s’issa qegħda titlesta t-tielet fażi. Bħala parti ta’ dan ix-xogħol qegħda tinbena ‘stormwater culvert’ sabiex tieħu l-ilma li jinġabar fi Triq il-Ħtajriet.

Siggiewi — Talba għal one way

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq il-Fuqqanija c/w Triq is-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ issir one way bil-kontra jiġifieri l-vetturi jidħlu minn Triq is-Siġġiewi għal Triq il-Fuqqanija peress li l-ħruġ ta' vetturi għal Triq is-Siġġiewi li hi triq arterjali qiegħed joħloq periklu għat-traffiku li jgħaddi minn Triq is-Siġġiewi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li l-Kunsill Lokali ta’ Haż-Żebbuġ kien ressaq din it-talba b’ittra datata 3 ta’ Mejju 2006. It-taqsima kienet talbet lill-kunsill għal xi nformażżjoni addiżżjonali b’ittra datata 14 ta’ Mejju 2006. Sal-lum, it-taqsima għad ma rcivietx l-informażżjoni mitluba mill-kunsill.

Ħajt madwar bini

Question

B'riferenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 27731 jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ħadet il-MEPA rigward il-plot kbir ta' art vakanti li hemm bejn Triq l-Imdina u Triq il-Ħofor Ħ'Attard (appoġġ ma' l-istabiliment Art at Home)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li t-Taqsima ta' l-Infurzar ta l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qegħda tinvestiga dan is-sit u preżentement qed tipprova tirrintraċċa s-sidien ta' din l-art u ta' xi inġenji li hemm ipparkjati fuq dan is-sit.

Leave għal ommijiet li jaħdmu

Question

Tista' l-Ministru tara x'jista' jsir f'każ ta' ommijiet li jaħdmu u li jitolbu l-leave għal raġunijiet speċifiċi, eż: bidu ta' sena skolastika tat-tfal u ma jingħatawx dan il-leave minħabba li jkun hemm persuni oħrajn li jkunu talbu l-leave għall-istess ġurnata b'mod partikolari fil-fabbriki?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kundizzjonijiet ta' l-impjieg, inkluż id-dritt għall-leave, ma jaqgħux taħt ir-responsabbilta' ta' xi Dipartiment jew entita' taħt id-dekasteru tiegħi. G[alhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tieg[u lill-Ministru kon/ernat.

Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' l-Ministru tara li s-single mother li għandha tifel ta' tnax-il sena li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament tingħata għajnuna sabiex issib akkomodazzjoni alternattiva peress li bid-dħul tagħha hu mpossibbli li takkwista proprjeta' anke tal-Housing Authority (shared ownership)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Customer Caretad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Viset

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27556 u jgħid jekk is-somma li kellhom iħallsu l-konsorzju Viset, Port Cottonera u l-CWG għal xogħlijiet artistiċi skond il-kuntratt taċ-ċens tal-proprjeta' li ingħataw tħallsitx? Kemm kienet din is-somma f'kull każ? Fhiex intnefqu dawn il-flus?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li x-xogħol tal-Landscaping tal-moll tal-Kottonera kien jinkludi kontribużżjoni minn kull konsorzju li jagħmel parti mil-proġet tar-riġenerazzjoni tal-Kottonera skond il-parametri tal-kuntratt u ċens li sar mal-Gvern 2 ta’ Gunju 1999. Il-kontribut li ngħata kien ta’ l-ammonti murija hawn taħt: Cottonera Waterfront Group: Lm47,200 (Vat inkluz) Treasury Development: Lm35,400 (Vat inkluz) Casino di Venezia: Lm35,400.00 (Vat inkluz) Grand Harbour Marina: Lm23,600 (Vat inkluz) Dawn il-kontribużżjonijiet kollha marru biex isir ix-xogħol ta’ landscaping tal-Cottonera Waterfront, liema xogħolijiet jinkludu wkoll tlett xogholijiet artistiċi. Waħda minn dawn ix-xogħolijiet tpoġġiet fil-post u t-tnejn l-oħra huma fil-proċess li jitqiegħdu fil-post skond l-iskema proposta.

Triq b'nuqqas ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27580 u jara li t-triq li tagħti mill-pont tal-Mosta sa San Pawl tat-Tarġa (fuq il-wied, Santa Margherita) tiddawwal peress li din it-triq saret ħafna traffikuża u n-nuqqas ta' dawl adegwat jista' jwassal għal inċidenti serji?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li t-triq msemmija fil-mistoqsija tiegħu taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali. Il-mistoqsija għandha tkun referuta lill-Ministru kkonċentrat.

Hal Far

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27334 u 27581 u jgħid x'possibilta' hemm li l-post ġewwa Hal Far fl-akwati fejn jinżammu t-tlielaq tal-kwart ta' mil tal-karozzi sa ħdejn il-fabbrika Brandt tiġi mdawla aktar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Belt Valletta — Parking bays

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm parking bays ġewwa l-Belt Valletta li huma: i) reserved ii) riservati għal persuni li joqogħdu f'areas pedonali iii) riservati għar-residenti tal-Belt wara s-7.00p.m. iv) miftuħa għall-pubbliku kollu f'kull ħin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li:- i) reserved – 97 parking bays riservati għal vetturi tal-Gvern. Minn dawn, 25 huma fl- area ta' CVA. Skond l-informazzjoni li għandha l-ADT, hemm approvati 49 parking bays oħra riservati ghall persuni b’disabilita. ii) riservati għal persuni li joqogħdu f' areas pedonali - 141 iii) riservati għar-residenti tal-Belt wara s-7.00p.m - 493 iv) miftuħa għall-pubbliku kollu f'kull ħin - 2,502 matul il-ġurnata 2,009 filgħaxija, dawn fl- area ta' CVA. In-numru ta' parking bays fil-Belt iżda 'l barra mis-CVA huma 634 .

Lufthansa Tecknik

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27528 cioe': Peress li l-Prim Ministru ħabbar li l-bini tal-hanger ġdid għall-kumpanija Lufthansa Tecknik hu joint venture bejn il-gvern u l-kumpanija jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' l-ispejjeż tal-bini li se jitħallas mill-gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27531 u jgħid f'liema stadju wasal il-bini taż-żewġ impjanti tat-trattament tad-drenaġġ fil-Mellieħa u Għawdex? Meta hu maħsub li se jitlestew dawn l-impjanti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f’Għawdex jinsab fi stat avvanzat u hu mistenni li jibda jopera fi żmien qasir. Rigward l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ tal-Mellieħa nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 27796.

Ricasoli — Fabbriki

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27557 u jgħid kemm ġew rilokati fabbriki minn Ricasoli sabiex isir il-proġett ta' SmartCity? Fejn ġew rilokati dawn il-fabbriki kull waħda separatment? Liema fabbriki (bl-isem) ma ġewx rilokati għax huma abbandunati eċċ?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23550.

Mosta — Trinek

Question

Jista' l-Ministru jara li x-xogħol ta' trinek li qiegħed isir mill-Enemalta fl-inħawi ta' l-iskola primarja tal-Mosta jitlesta malajr kemm jista' jkun għax dan ix-xogħol qiegħed ikun ta' inkonvenjent kbir għall-istudenti u l-ġenituri tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Onorevoli Nterpellant huwa mitlub jaghmel il-mistoqsija lill- Ministru kkoncernat.

Miżbla tal-Magħatba — Ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala m'għadux permess li jsir sparar fuq il-ġrieden kbar fil-miżbla tal-Magħtab meta dawn il-ġrieden huma meqjusa bħala pest u meta dawn l-istess ġrieden issa li m'għadhomx isibu l-ikel fil-Magħtab qegħdin jinxterdu fil-kampanja u l-irħula tal-madwar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m’għadniex ngħixu f’dawk iż-żminijiet meta kien jintuża l-isparar biex ikunu kkontrollati il-kwantitajiet ta’ ġrieden. Kif qal sewwa l-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, il-ġrieden m’għadhomx isibu ikel fil-landfill tal-Magħtab iżda, peress li din għalqet kważi erba’ snin ilu, mhuwiex possibbli li dawn il-ġrieden baqgħu jgħixu mingħajr ikel għal żmien daqshekk twil. Għaldaqstant, anke' kif irriżulta minn studju li sar riċenti minn ditta privata, mhuwiex probabbli li l-ġrieden fil-madwar qegħdin joriġinaw mis-sit ta’ l-engineered landfill ta’ Żwejra/Għallis jew minn dak tal-landfill magħluqa tal-Magħtab. Nixtieq inżid li l-WasteServ Malta Limited ħadet il-miżuri kollha meħtieġa biex il-ġrieden meqjusa bħala pests jiġu meqruda qabel tingħalaq il-miżbla. Għaldaqstant, f’Ottubru 2003 sar studju dettaljat meta ġiet stabbilità l-ħtieġa u tħejja l-pjan għall-intervent. Fis-7 ta’ April 2004, qabel ma ġew magħluqin il-miżbliet sar blitz qawwi ħafna biex ma jagħtix ċans lil dan il-pest jirkupra minn dan it-trattament.

Facilatator

Question

Jista' l-Ministru jara li t-tifla li tattendi l-iskola primarja ta' Hal Lija, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata s-servizz ta' facilitator peress li tbati bid-dyslexia u għandha bżonn l-għajnuna fl-istudji tagħha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjoni qed tiġi proċessata.

Birkirkara — Fawran ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi l-problema fis-sistema tad-drenaġġ fit-toroq ta' Birkirkara li bħalissa qiegħed isir xogħol fihom mill-kunsill peress li qiegħed ikun hemm fawran tad-drenaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-toroq li bħalissa qiegħed isir xogħol fihom mill-Kunsill Lokali huma:- Triq San Gużepp Sqaq Matluwa Triq is-Salib Mqaddes Triq il-Kbira (ħdejn l-Għassa tal-Pulizija) Ma hemm l-ebda problemi fis-sistema tad-drenaġġ u ma kien hemm l-ebda fawran riċenti f’dawn it-toroq.