Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-MEPA tal-pjanti approvati tal-kumples sportiv fiz-Zurrieq, liema kumpless diġa' nbdew ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-pjanti li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kif ukoll il-permess tal-proġett imsemmi, jistgħu jiġu aċċessati mis-sit elettroniku tal-MEPA u jirreferi għal-permess numru PA 07493/03 u PA 06639/07.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni?
Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni?
Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni?
Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Awtorita' għas-Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xoghol tikkonferma li hija għamlet u għandha fil-pussess tagħha Risk Assessment magħmul skond il-liġi. L-Awtorita' zzomm dan id-dokument bħala wieħed konfidenzjali għall-uzu tagħha.
Tista' l-Ministru tivverfika jekk il-prezz tax-xiri tad-dar tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, hijiex koretta għax jidher li f'dan il-każ il-persuna minkejja li hi pensjonanta ma ngħatat l-ebda sussidju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma kkwalifikatx għal sussidju fuq il-prezz tal-bejgħ tar-residenza tagħha għax ma kienetx tissodisfa l-kundizzjoni dwar l-assi tagħha kif stabbilita f’iskema relevanti.
Jista' l-Ministru jivverifika jekk hemmx xi leakage fil-main ta' l-ilma fi triq ġdida fi Triq id-Dielja, Tar-Rabbat Housing Estate, Hamrun (in-naħa tal-garages) peress li hemm nixxija ta' ilma ċar fil-basements tad-djar tal-madwar?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jindika b'mod aktar preċiż it-triq li qed jirreferi għaliha għax skond ma jien infurmat ma jirriżultax li hemm Triq id-Dielja , Tar-Rabbat Housing Estate, Ħamrun.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fil-canteen fl-isptar Mater Dei li hu miftuħ għall-pubbliku huwiex permess bejgħ ta' xorb alkoħoliku?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fil-Visitors Restaurant ta' l-Isptar Mater Dei, il-kuntrattur huwa permess li jbiegħ xorb alkoħoliku skond kif tippermetti l-liġi u r-regolamenti tal-liċenzja tiegħu mill-Malta Tourism Authority.
Dan il-kuntratt ġie negozjat mill-Ministeru tal-Finanzi.
Jista' l-Ministru jikkonferma (anke wara li jivverfika ma' datatrack) li t-trakkijiet tad-dipartiment bin-numri GVH-024 u GVH-101 intużaw biex nhar is-Sibt 24 ta' Novembru ġarrew materjal tal-kostruzzjoni minn sit f'Tas-Silġ, Marsaxlokk?
Jikkonferma li dan is-sit hu proprjeta' privata ta' wieħed mill-assistenti diretturi? Jekk fl-affermattiv, x'miżuri se jittieħdu kontra dan l-abbuż?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tas-Servizzi ta' l-Indafa Pubblika kellhu bżonn ta' materjal ta' kostruzzjoni (inert waste) biex jiġi livellata area għal skopijiet ta' parkeġġ ta' l-inġenji fil-precincts tad-Dipartiment li jinsab ġewwa Kordin. Dan ix-xogħol sar is-Sibt 24 ta' Novembru 2007 bl-iskop li x-xogħol regolari tal-Cleansing Department ma jitħarbatx fil-ġranet normali tax-xogħol tal-ġimgħa ta' wara. Ninsab infurmat ukoll li kull materjal extra li ma ntużax għall-iskopijiet imsemmija ntbgħat ġol-landfills tal-Wasteserv. Il-miżata dovuta lis-sid tal-landfill kif ukoll ħlasijiet oħra marbuta mal-ġarr ta' l-istess materjal ġew imħallsa mill-individwu li pprovda l-materjal skond rati stabbilliti. Kopji ta' l-irċevuti tal-ħlas qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li inkarigajt lid-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tas-Servizzi sabiex jinforma lid-Diretturi tad-Dipartimenti fi ħdan l-istess taqsima sabiex kemm xiri jew akkwist ta' materjal mingħajr ħlas (bħal ħamrija, ġebel tas-sejjieħ, scarifyed material eċċ) għal użu tad-Dipartimenti konċernati għandu jsir skond il-proċeduri stabbiliti u, fil-każ ta' akkwist ta' materjal mingħajr ħlas mingħand terzi persuni, dan isir bi ftehim bil-miktub minn qabel u b'approvazzjoni tad-Diretturi konċernati.
Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli li titwaħħal kaxxa ta' l-ittri fl-inħawi ta' Triq il-Flora, H'Attard peress li din hi area ġdida u dan is-servizz mhux eżistenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ministeru tiegħi mhux responsabbli għas-servizz postali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-kiri fi ħdan il-ministeru u awtoritajiet li jaqgħtu taħtu? Minn min huma mikrija dawn il-karozzi u x'inhi r-rata tal-ħlas għal kull ġurnata? Kemm ilhom li ngħataw dawn il-kuntratti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informażżjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinvestiga x'inhu jikkawża t-tnixxija ta' l-ilma mill-ħitan tal-mini ta' fejn il-pont Manuel Dimech fi Triq Reġjonali, liema ilma jidher li żdied b'mod sostanzjali matul iż-żmien li qegħdin isiru x-xogħlijiet fuq il-pont?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li din il-problema ha tkun riżolta meta jsir mill-ġdid id-dekorażżjoni tal-mini is-sena d-dieħla. Id-dawl wkoll sa jkun mibdul. Ix-xogħlijiet fuq il-pont Manwel Dimech ma huma bl-ebda mod relatati.
Jista' l-Ministru jivverfika meta se jinqalgħu ż-żewġ arbli ta' l-Enemalta li qegħdin fi Triq il-Gandlora c/w Triq Hali, Żebbuġ liema talba għall-qlugħ ta' l-arbli saret f'Awissu 2007 (D 484/07)?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-talba oriġinali (taħt l-applikazzjoni D484/07) kienet għat–tneħijja t’arblu wieħed. Ix-xogħol tal-linji fuq dan l-arblu sar ġimgħat ilu. Wara li sar dan ix-xogħol, saret talba verbali biex jitneħħa arblu ieħor. Ix-xogħol fuq it-tieni arblu għandu jitkompla fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29017 u jgħid għaliex minkejja li f'mistoqsija parlamentari 27579 intqal li l-bus shelter f'Siġġiewi Road, Żebbuġ kellu jiġi nstallat sa Ottubru, 2007 sal-lum dan għadu ma sarx?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-kuntrattur Faces Ltd informa lill-ADT li d-data tat-twaħħil tal-Bus Shelter in kwestjoni ġiet posposta għall-bidu ta’ Diċembru 2007.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 28875 u 29016 u jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet xahar b'xahar matul dawn l-aħħar tlett snin inkluż il-grad li ngħata kemm jekk hu post kif ukoll position fis-servizz pubbliku?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, bejn l-1 ta’ Ottubru 2004 sa l-31 ta’ Ottubru 2007, ingħataw total ta’ 2513 promozzjoni permezz ta’ sejħiet t’applikazzjonijiet interni u bħala riżultat ta’ numru ta’ snin ta’ servizz sodisfaċenti fil-grad fi ħdan is-Servizz Pubbliku.
Dettalji ta’ l-informazzjoni, kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, jinsabu fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28876 u 29015 u jgħid meta se tingħata lura t-taxxa żejda li tħallset mill-kumpanija, li isimha qed jintbagħat separatament, u li għandha tieħu lura s-somma li teċċedi 'l fuq minn Lm5,000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kumpanija se tkun infurmata bl-informazzjoni mitluba fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jara li tiżdied is-sigurta' madwar l-iskola tal-kindergarten tal-gvern fil-Mosta peress li mhux l-ewwel darba li kien hemm xi inċident ikkaġunat mill-vetturi li jgħaddu minn dawn l-inħawi waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Tista' l-Ministru tara x'inhi r-raġuni għaliex il-kuntratt fuq l-akkwist tal-proprjeta li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma jistax issir?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-kuntratt għax-xiri tal-proprjeta’ indikata mill-Onor. Interpellant ma jistax isir qabel ma’ l-Awtorita’ tad-Djar ikollha t-titolu legali ta’ l-art li fuqha hi mibnija din il-proprjeta’.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw mobile phonesf'dawn l-aħħar tlett snin? Lil min ingħataw dawn il-mobile phones u hemm xi persuni li għandhom aktar minn mobile phonewieħed? Dawn il-mobile phones huma inklużi fl-inventarju? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar tliet snin inxtraw sittax-il mobile phone. Dawn il-mobile phones ingħataw lil persuni li qed jidhru fil-lista t’hawn taħt. L-unika persuna li għandha żewġ mobile phones hu l-Ministru. Il-mobile phones huma nklużi fl-inventarju kif jidhru fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Minister
Head of Secretariat
Private Secretary to Minister
Communications Co-ordinator
Permanent Secretary
Director, People Management and Support Services
Director General (Works Division)
Director General (Services Division)
Director, Oil Exploration Department
Director, Financial Management Department
Director, Construction & Maintenance Department
Operations Manager, Construction & Maintenance Department
Director, Building and Engineering Department
Director, Cleansing Services Department
Executive Secretary, Building Industry Consultative Council
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ingħatatx xi promozzjoni f'dawn l-aħħar tlett snin? X'kien il-grad tagħha qabel ma ngħatat il-promozzjoni u x'inhi l-pożizzjoni tagħha llum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi il-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ingħatat promozzjoni f’dawn l-aħħar tlett snin. Il-grad tagħha kien ta’ General Hand u llum hija Tradesman.