Jista' l-Ministru jgħid jekk isirx moniteraġġ fuq il-frott li jingħataw lit-tfal fl-iskejjel, kemm dawk privati kif ukoll dawk tal-Gvern għax ġieli jirriżulta li t-tfal qed jingħataw frott skadut?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li, minn żmien għal ieħor, il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima jibgħat rappreżentanti biex jaraw li l-frott li jingħata lit-tfal ma jkunx skadut.
Tista' l-Ministru tgħid jekk min għandu kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (bolol) neqsin għas-snin 1981, 1982, 1984, 1985, 1986 u 1997 hux se jkun possibbli li jħallashom?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum mhux permess li jitħallsu arretrati ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jmorru lura b’aktar minn ħames snin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema Master It li hi ffinanzjata b'fondi Ewropej, tapplikax għal persuni li jkunu se jagħmlu l-kors ta' masters fl-Università ta' Malta jew tapplikax biss għal min se jagħmel kors barra minn Malta? L-iskema hija marbuta ma' data sa meta l-kors tal-masters irid jitlesta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-iskema ta’ Boroż ta’ Studju “MASTER it!” tapplika għall-persuni li jkunu qed isegwu jew li se jibdew isegwu kors kemm mal-Universita` ta’ Malta kif ukoll għal dawk li qed isegwu jew jixtiequ jsegwu kors ma' Universitajiet barra minn Malta.
Ir-riżultat tad-
Degree
jrid jiġi ppubblikat sa Ottubru 2015.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5460, jista' l-Ministru jara li allura jitneħħa l-periklu li hawn b'karozzi telgħin minn Triq il-Lanċa u ħerġin lejn Marsamxett u karozzi deħlin minn Marsamxett lejn Triq San Mark għax bħalissa m'hemmx minn fejn joħorġu l-vetturi lejn Marsamxett?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li uffiċċjali minn Transport Malta għamlu spezzjoni fuq il-post u bħalma jsir dejjem jekk ikun il-każ jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi indirizzata din il-problema.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi restawrat embankment storiku tal-ferrovija li hemm wara l-lukanda Corinthia Palace f'Ħ'Attard peress li jinstab fi stat ta' detorjorazzjoni kbira?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minkejja li m’hemmx xogħol ta’ restawr ippjanat fuq l-imsemmi sit għas-sena 2014, is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kultura u Kunsilli Lokali, b’kollaborazzjoni mal-Aġenziji responsabbli mir-Restawr u mal-Kunsilli Lokali għandu l- ħsieb li jfassal pjan ħolistiku ta’ prijoritajiet ta’ interventi ta’ restawr għas-snin li ġejjin.
Tista' l-Ministru tara li jsir manutenzjoni fir-residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li mill-aperturi jidħol ħafna ilma tax-xita bil-konsegwenza li l-aperturi tal-injam qed jiterrew?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija se tingħata f'seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4979, jista' l-Prim Ministru jirrispondi b'referenza għas-site plan li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-propjeta li tidher fuq is-site-plan li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament hija propjeta tal-Gvern. Id-dipartiment qiegħed jikkunsidra l-possibilità li jiddisponi minn din il-propjeta permezz ta’sejħa għall-offerti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta approvatx it-tneħħija tas-sistema one way fit-triq li mix-xatt ta' Marsamxett tagħti għal Triq San Mark il-Belt minħabba li d-djuq ta' din it-triq joħloq kongestjoni tat-traffiku kull darba li jinżertaw żewġ vetturi kontra xulxin f'din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Transport Malta approvat u mplimentat il-miżura li t-traffiku fi Triq il-Lanċa isir fiż-żewġ direzzjonijiet (two way) sabiex, għal raġunijiet ta’ sigurtà, ikun hemm żewġ aċċessi mix-Xatt tal-Belt, wieħed għal Triq San Mark u l-ieħor għal Triq San Bastjan. L-Awtorità wkoll neħħiet xi parkeġġi min-niżla ta’ Triq il-Lanċa u żiedet xi parkeġġi aktar ‘l isfel. Dan sabiex ikun kemm wisgħa biżżejjed fil-kurva tan-niżla ta’ Triq il-Lanċa fejn m’hemmx viżibilità tal-karozzi ġejjin minn direzzjonijiet opposti.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 5219 u tgħid f'każ ta' kera qadima li ġiet riveduta għal €185 kull meta trid issir reviżjoni tal-kera skont il-liġi?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħti aktar dettalji fuq dan il-każ bħall-isem, l-indirizz u numru tal-karta tal-identità tal-persuna kkonċernata sabiex l-Awtorità tad-Djar tkun tista’ tagħti spjegazzjoni fuq dan il-każ.
L-Imġarr (Malta) – Triq Temi Zammit — Pelican lights
Question
Jista’ l-Ministru jara li jitwaħħlu pelican lights fi Triq Temi Zammit, kantuniera ma’ Triq iż-Żebbiegħ fil-Limiti tal-Imġarr peress li din it-triq hi ta’ periklu kbir għall-persuni li jaqsmu speċjalment għat-tfal li jmorru l-iskola?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr għal din il-pelican crossing. Saret spezzjoni fuq il-post minn uffiċjali tal-Awtorità u rriżulta li minħabba l-kurvi vertikali w orizzontali li jinsabu f’din il-parti tat-triq, m’hemmx linji ta’ viżibiltà twal biżżejjed sabiex tiġi approvata pelican crossing fil-viċinanzi ta’ kantuniera ma’ Triq Żebbiegħ minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Il-parti l-aktar viċin ta’ kantuniera ma’ Triq Zebbiegħ, fejn ikun sikur li tiġi kkunsidrata tali pelican crossing, jiġi f’distanza ta’ 116-il metru bogħod minn dik il-pelican crossing eżistenti. Distanza ta’ 116-il metru bogħod hija distanza qasira wisq għal bejn pelican crossings suċċessivi.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess u l-pjanta tal-car park li kellu jsir fiż-żona ta’ Santa Margerita f’Bormla? X’inhu l-ħsieb tal-Gvern dwar dan il-car park?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-Taqsima tax-Xogħlijiet kienet applikat għall-Outline MEPA Permit għal dan il-proġett fl-2003(PA 002243/03) u l-permess ħareġ fit-8 ta' Ottubru 2003. Dan il-permess ġie mġedded mill-MITC fl-2008 (PA 03366/08) u ħareg fid-9 ta' April 2009 u għadu validu sad-9 ta' April 2014.
Il-Carpark ta’ Santa Margerita għall-ewwel darba qiegħed jiġi studjat f’kuntest aktar wiesgħa biex iservi ta’ parkeġġ kemm għall-Birgu kif ukoll għal Bormla apparti l-fatt li qed isir studju fuq l-użu ta’ proġetti futuri fiż-żona.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4762 fejn intqal li l-ħaddiema kellhom jieħdu s-somma ta’ €45,357, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fuq dan il-ħlas u jekk fl-affermattiv, il-ħaddiema tħallsux il-flus dovuti kollha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta saret il-mistoqsija parlamentari numru 4762, il-Kunsill Lokali Valletta għamel pagament ta €5,000 fl-24 ta’ Ottubru. Dan il-pagament se jgħaddi lill-ħaddiema fis-salarju tal-2 ta’ Dicembru 2013. B’hekk il-bilanċ dovut mill-Kunsill Lokali Valletta lid-Direttorat għat-Tindif jammonta għal €40,357.
Jista' l-Prim Ministru jara jekk hux possibli li d-Dipartiment tal-Artijiet jagħmel arranġamenti bħalma kien hemm fi snin imgħoddija biex sidien tal-pleasure boats ikunu jistgħu jtellgħu d-dgħajjes tagħhom fuq l-art biswit il-crane li hemm li jtellgħu d-dgħajjes f'Marsaxlokk?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern qatt ma għamel xi arranġamenti jew ta permessi biex jittellgħu d-dgħajjes fiż-żona indikata mill-Onorevoli Membru.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala Transport Malta waħħlet tabella fil-ħruġ tal-istabbiliment PAVI f'Ħal Qormi li tindika li wieħed jista' jdur għad-direzzjoni ta' Ħaż-Żebbuġ iżda ma jistax idur lejn il-Marsa?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li t-tabella li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant kienet parti mill-Immaniġġjar tat-Traffiku Temporanju li kien hemm fuq il-post bħala parti mill-proġett għall-immaniġġjar tal-għargħar. Jien infurmat li l-kuntrattur intalab ineħħi din it-tabella.
Jista' l-Ministru jara li x-xogħol ta' rinnovar taz-zuntier tal-Knisja tal-Imġarr (Malta) jitlesta peress li fadal biex it-taraġ il-wiesgħa ta' quddiem li jitlesta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-taraġ imsemmi qatt ma kien jifforma parti mill-proġett li wettaq id-Dipartiment tax-Xogħlijiet fiz-zuntier tal-Knisja Parrokjali tal-Imġarr.
Madanakollu wieħed jikkonsidra din it-talba flimkien ma talbiet oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hix proprjetà tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, tista' tinxtara?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn spezzjoni li saret fl-isqaq li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament, ma jirriżultax li hemm in-numru tal-bieb indikat f’dawn id-dettalji, għaldaqstant, ikun aħjar jekk l-Onorevoli Membru jindika dan il-fond fuq pjanta biex jiġi stabbilit għal liema fond qiegħed jirreferi peress li f’dan l-isqaq hemm proprjetà li hija kemm tal-Gvern kif ukoll privata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament huwiex proprjetà tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, hux subasta u jistax jinbiegħ?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-post li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament huwa proprjetà tal-Gvern u amministrat mill-Uffiċċju Konġunt. Preżentament, dan il-fond huwa vojt wara li riċentament ġie vakat permezz ta’ Ordni ta’ Żgumbrament. Kemm il-darba jiġi deċiz li dan il-fond jista’ jintuża għal skop kummerċjali allura d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern ikun jista’ joħroġ sejħa għall-offerti għall-kiri jew bejgħ ta’ dan il-post skont il-każ, filwaqt li jekk il-fond jista’ jintuża bħala residenza, allura ċ-ċwievet tal-fond jgħaddu lill-Awtorità tad-Djar biex din tkun tista’ tikrih għall-akkomodazzjoni soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa reġistrati bħala full-time u kemm part-time? Kemm minn dawn għandhom holding li:
a) jeċċedi l-20 tomna;
b) huwa bejn 10 u 20 tomna;
ċ) huwa bejn 5 u 10 tomon;
d) huwa bejn 2 u 5 tomon; u
e) huwa inqas minn tomnejn?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni ppublikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.