Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mellieħa — Half Way Inn - Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq toroq fl-area tal-madwar il-Half Way Inn l-Għadira, l/o Mellieħa, liema toroq jinsabu fi stat diżastruż ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment; u dan wara li jiġi assigurat li fit-toroq ikun hemm is-servizzi meħtieġa f`posthom.
Leg 9 PQ #1565 Sitting 16 1998-11-25 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Irziezet tal-majjali — Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk f'dawn l-aħħar ġimgħat ġiex ikkummissjonat studju dwar it-trattament tad-drenaġġ mill-irziezet tal-majjali? Jekk fl-affermattiv, minn min qiegħed isir dan l-istudju?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li skond Avviż Legali Nru 8 ta' l-1993, id-Dipartiment tad-Drenaġġ hu responsabbli li jikkontrolla l-kwalita` l-kwantita` tal-likwidu kif indikati fl-iskedi tar-regolament u mhux kif dawn il-valuri massimi ta' konċentrazzjoni fir-rimi jintlaħqu. Għalhekk is-soluzzjonijiet u r-responsabbiltajiet ta' kif jiġi trattat dan l-iskart ma jaqgħax taħt dan id-dipartiment. Peress li din hi kwistjoni ta' natura nazzjonali, id-Dipartiment tad-Drenaġġ dejjem offra l-għajnuna u l-esperjenza tiegħu f'dan il-qasam. Studju fuq problemi mill-irziezet kien sar fuq l-irziezet f'Tal-Ħlas, Ħal-Qormi. Kien hemm 'working committee' magħmul minn diversi entitajiet governativi, biex jistudjaw u jsibu soluzzjoni għal din il-problema. Minħabba li d-Dipartiment tad-Drenaġġ ser ikollu l-impjant tat-trattament, qed iħoss il-ħtieġa li jkun hemm studji bħal dawn mhux biss fuq il-farms imma ukoll fuq kull tip ta' skart likwidu. B'hekk bħala għajnuna lill-entitajiet konċernati, qed jiġi mħejji studju dwar din il-problema u qed isir sforz biex għal dan l-istudju jinġiebu fondi mill-Unjoni Ewropea.
Leg 9 PQ #1505 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Interim From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas overtime l-impjegat tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, li ismu qed jintbagħat separatament, matul il-perjodu Ottubru 1995 - Ottubru 1998, kull sena separatament?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tiġbor l-informazzjoni meħtieġa u għalhekk tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.

Korporazzjonijiet — Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqgħu l-bordijiet tad-diretturi tal-korporazzjoni li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul il-perjodu 1/1/95 - 31/12/96 u mill- 1/1/97 sal-lum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

WSC/Enemalta — Reviżjoni tar-rati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qiegħed jikkonsulta mal-bordijiet tad-diretturi tal-korporazzjonijiet għas-Servizzi ta' l -Ilma u Enemalta fl-eżerċizzju tar-reviżjoni tar-rati tas-servizzi ta' l-ilma u l-elettriku?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-eżerċizzju msemmi saru konsultazzjonijiet mal-Management taż-żewġ Korporazzjonijiet.

Valletta — Triq l-Ifran - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li l-parti ta' Triq l-Ifran, fil-Belt, bejn Triq San Gwann u Triq Santa Lucia, tiġi mdawwla aħjar peress li bħalissa din tinsab mudlama?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-parti tat-triq imsemmija hija mdawwla tajjeb pero hemm ħtieġa ta' xogħolijiet ta' manutenzjoni.
Leg 9 PQ #1509 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Birżebbuga — Bajja ta' San Ġorġ

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta se jispiċċa x-xogħol ta' upgrading tal-playing field fil-Bajja ta' San Ġorġ, Birżebbuga li jifforma parti mill-proġett ta' embellishment tas-South?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-tenders għal 'Play Equipment u Safety Material' tal-playing field fil-Bajja ta' San Ġorġ, Bireżebbuġa ġew awarded. Ix-xogħol mistenni li jkun lest fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #1553 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Valletta — Xogħol fil-knejjes

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-konsulent Franċiż Frank Franjou ingħata xogħol ta' konsulenza dwar sistema ta' dawl f'żewġ knejjes ġewwa l-Belt? Minn min inħareġ dan ix-xogħol? Jekk ix-xogħol qiegħed isir mill-kumitat tar-riabilitazzjoni tal-Belt (Valletta), jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumitat approvax dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Onorevoli Interpellant jaf li dan il-konsulent Franċiż ingħata direct order mill-Gvern preċedenti biex jipprepara disinn għad-dawl ta' Triq ir-Repubblika. Peress li hemm ix-xewqa li l-faċċata taż-żewġ knejjes ta' ħdejn Kastilja jingħataw dawl xieraq hu ġie mitlub jagħmel kwotazzjoni għal dan id-disinn u b'hekk jiġu ffrankati spejjeż peress li jista' jagħmel dan ix-xogħol waqt li jkun f'Malta in konnessjoni ma' Triq ir-Repubblika. Kif diġa' rrispondejt lill-Onorevoli Interpellant il-Kumitat il-ġdid għadu ma ġiex imwaqqaf. Madankollu jien infurmat li ilha ħafna li ttieħdet deċiżjoni mill-VRC li l-bini prinċipali jingħata dawl skond rapport li kien tħejja mill-istess kumitat xi żmien ilu.

WSC — Ħlas lid-ditta Megabyte

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mill-1993 sal-lum kemm tħallset id-ditta Megabyte mingħand il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' l-invoices kollha li ntbagħtu lil din il-kumpannija b'diskrizzjoni tas-servizzi jew equipment li ngħata? Jista' l-Ministru jpoġġi lista oħra li tikkonċerna direct order li ngħatat l-istess kumpannija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-servizzi tal-Ilma qed tiġbor l-informazzjoni meħtieġa u tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.

WSC — Kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet sabiex jibdew jintbagħtu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u jgħid ukoll meta l-konsumaturi domestiċi se jirċievu l-ewwel kont?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma u l-Korporazzjoni EneMalta bdew jaħdmu fuq il-ħruġ tal-kontijiet immedjatament wara li tħabbru t-tariffi l-ġodda. Qiegħed isir kull sforz biex dawn il-kontijiet jinħarġu fl-aqsar żmien possibbli.

Bank ta' l-Investiment Ewropew — Tneħħija tat-tariffa tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk matul il-perijodu mis-6 ta' Settembru, 1998 sal-lum kienx hemm xi diskussjonijiet mal-Bank ta' l-Investiment Ewropew rigward it-tneħħija tat-tariffa tad-drenaġġ u jekk l-istess bank ġiex informat b'din id-deċiżjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Mis-6 ta` Settembru 1998 sal-lum, ma sarux diskussjonijiet bejn il-Ministeru u l-Bank ta` l-Investiment Ewropew in konnessjoni mat-tneħħija tat-tariffi tad-dranaġġ, u sal-lum m`hemmx ħtieġa li jinżammu tali diskussjonijiet stante l-fatt li t-tariffi tal-ilma kif imhabbra mill-Gvern waqt il-Konferenza stampa ta` nhar is-Sibt 21 ta` Novembru 1998 mogħtija mill-Prim Ministru, jinkludu dak kontemplat fil-ftehim li kien sar mal-European Investment Bank u cioe` f`paragrafu nru. 6.09 tal-istess ftehim, li kopja relattiva qed titpoġġja fuq il-mejda tal-kamra għas-sodisfazzjon tal-Onorevoli Interpellant.

Enemalta/WSC — Operat

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif sejrin jiġu ffinalizzati l-operat tal-korporazzjonijiet Enemalta u ta' l-Ilma speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' spejjeż ta' produzzjoni, distribuzzjoni u amministrazzjoni wara r-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma? Jista' l-Ministru jgħid b'kemm se tiżdied is-subvention li jalloka l-gvern lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma wara li isir reviżjoni tat-tariffi?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Onorevoli Interpellant japprezza li stante il-fatt illi għadhom qed jiġu finalizzati l-estimi relattivi, tali estimi għadhom mhux konklużi; madana kollu, l-informazzjoni mitluba ser tkun ippubblikata fl-Estimi taż-żewg Korporazzjonijiet.

Dawl/ilma — Reviżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min għamel l-istudji neċessarji rigward ir-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma, jekk din il-persuna għandhiex xi konnessjoni mal-Korporazzjoni Enemalta u ta' l-Ilma u jekk fin-negattiv, min kienu l-uffiċjali taż-żewġ korporazzjonijiet li kienu mdaħħla fid-diskussjonijiet li saru rigward ir-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma? Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset il-persuna li ħadmet fuq ir-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kien hemm diversi persuni, kemm fl-Enemalta kif ukoll fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li ġew ikkonsultati biex jgħinu fl-istudji neċessarji dwar ir-reviżjoni tat-tariffi tal-ilma u l-elettriku. Jien infurmat li ħadd minn dawn il-persuni ma tħallas ta` dan l-istudju. Kien hemm ukoll persuna oħra li għenet f`dan l-eżerċizzju tat-tariffi u li bħalissa qed nikkunsidra nagħtihiex kuntratt ta` konsulenza ekonomika mal-Ministeru. Sa issa għadu ma sar l-ebda ħlas lil din il-persuna.

WSC/Enemalta — Simulation exercises

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju li sar kif ukoll is-simulation exercise in konnessjoni mar-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi waqt il-konferenza stampa fuq ir-rati il-ġodda tad-dawl u l-ilma mogħtija mill-Prim Ministru nhar is-Sibt 21 ta` Novembru 1998, kienu tpoġġew għad-disposizzjoni tal-gurnalisti diversi `handouts`, dettaljati inklużi tabelli relattivi, in konnessjoni mar-reviżjoni tal-imsemmija tariffi.
Leg 9 PQ #926 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Naħa t'Isfel ta' Malta — Pjan ta' żvilupp soċjo-ekonomiku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-Gvern fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-pjan ta' żvilupp soċjo-ekonomiku għan-naħa t'Isfel ta' Malta li Gvern Laburista kien ipprepara b'konsultazzjoni sħiħa mal-kunsilli lokali nvoluti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qiegħda ssir reviżjoni tal-pjanijiet kollha li kienu diġa proġettati, inkluż dak li qed jirreferi għalih l- Onorevoli Membru, bil-għan li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa dwarhom.
Leg 9 PQ #1122 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Karozzi self-drive

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 644, jista' l-Ministru jgħid min kienu dawk il-kumpanniji/individwi li applikaw għas-sejħa ta' kiri ta' karozzi self-drive, x'kienet ir-rata proposta minn kull applikant u min rebaħ din l-offerta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kumpaniji/individwi kienu mistiedna japplikaw għal tlett kategoriji ta' vetturi tal-kiri permezz ta' sejħa li ġiet pubblikata u proċessat qabel il-5 ta' Settembru, 1998. Dawn kienu kategorija A: vetturi minn 1000cc sa 1500cc, kategoria B: vetturi minn 1501cc sa 1800cc, u kategorija C: vetturi minn 2000cc sa 2400cc. Lista tal-kumpaniji/individwi li applikaw bir-rati kuljum proposti minnhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-offerta f'kategorija A intrebħet mill-kumpanija Autorentals, l-offerta f'kategorija B intrebħet minn Swift Rent a Car Ltd u dik f'kategorija C intrebħet mill-kumpanija Butterfly Garage.
Leg 9 PQ #1123 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Golf courses

Question

B'riferenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 392 fejn intqal li l-policy paper fir-rigward tal-golf courses ġiet approvata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-proposti li kienu saru minn diversi żviluppaturi ta' golf courses wara sejħa li saret mill-Amministrazzjoni Laburista ta' qabel?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #1230 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Valletta — Masterplan

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 758, jista' l-Ministru jgħid għal kemm kienet stmata li tammonta l-fee professjonali tal-perit Richard England skond il-kuntratt li kellu qabel? Kemm hi l-variation f'din il-fee, issa li l-kuntratt ġie mwessa' sabiex jinkludi wkoll masterplan għal Bieb il-Belt?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-'Fee' professjonali tal-Perit Richard England hija marbuta mal-kuntratt u hija bbażata fuq skala ta' tariffi simili għal tariffa 'K' u għalhekk tiddependi fuq il-valur tax-xogħol li jkun għamel dan il-Perit.

Attard — Triq tar-Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jitkompla x-xogħol ta' junction ġdida fit-Triq tar-Rabat l/o Ħ'Attard quddiem l-Isptar Monte Carmeli?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant ser jitkompla malli t-tender li kienet ippubblikata xi żmien ilu tiġi aġġudikata.

Attard — Triq tar-Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jitkompla l-proġett ta' upgrading tal-junction mill-aktar perikoluż li hemm fit-Triq tar-Rabat l/o Ħ'Attard fejn din it-triq taqbad ma' Vjal de Paule (quddiem Bonnici petrol station)?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li kemm it-'Traffic Control Board' kif ukoll l-Awtorita' ta' l-Ippjanar approvaw li jsir it- 'traffic lights' fil-'junction' u qegħdin isiru l-pjanti biex ikun jista' jsir ix-xogħol meħtieġ.