Jista' l-Ministru jgħid meta se jitranġa l-ground tal-football ta' l-iskola ta' H'Attard peress li fl-istat li hu ma jistax isir użu minnu la mill-istudenti ta' l-iskola u lanqas mill-club tal-football tar-raħal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hu previst li l-itranġar tal-ground tal-football jinbeda la darba jkun lest ix-xogħol fuq il-bini tas-sala l-ġdida ta' l-iskola għaliex ma jkunx għaqli li jinbeda xogħol fuq il-ground qabel ikunu ħarġu l-inġenji kollha minnu.
Sadanittant il-kuntrattur qed jiġi mitlub ineħħi t-terrapien li skava mill-post fejn ser issir is-sala biex parti mill-ispazju ta' dan il-ground ikun jista' jsir użu minnha mill-aktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol ta' triq ġdida quddiem il-boathouses fil-Qawra peress li fl-istat li tħalliet ma jistax isir użu mill-istess boathouses?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li din it-triq kienet qiegħda ssir bħala parti mill-proġett ta` l-Embellishment ta` Buġibba, iżda l-Planning Authority ħarġet `Enforcement Notice` fuq dan ix-xogħol għaliex ma kienitx qed tinbena skond il-pjanti.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-applikazzjoni għall-irranġar ta' dar li saret lill-Awtorita' tad-Djar HAS 13/96 f'Ħaż-Żebbuġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-applikant tal-file HAS 13/96 ġie infurmat fil-21 ta' Frar 1997 li l-applikazzjoni tiegħu hija invalida minħabba Klawsola 14 (3)(i) (Dokument A). Din il-Klawsola tgħid hekk:
L-għajnuna f'flus għal xogħolijiet ta' rranġar u titjib ma tingħatax mill-Awtorita' għal xogħolijiet li jkunu diġa saru qabel l-approvazzjoni ta' l-applikazzjoni biex isir dan ix-xogħol u jekk dan ix-xogħol ma jkunx ġie ċertifikat bħala neċessarju minn Perit nominat mill-Awtorita' għal dan il-għan;
Meta fit-28 ta' Jannar 1997 saret spezzjoni fuq il-post instab li x-xogħolijiet mitluba kienu diġa saru (Dokument B).
Skond ċertifikat maħruġ mill-perit ta' l-applikant stess, (Dokument C) ma jirriżultax periklu immedjat li jrid jinbidel is-saqaf.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Dokumenti A, B, u C imsemmija hawn fuq.
11.1.99
Jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 294?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-proċess biex jiġu ffirmati l-kuntratti tal-persuni li għandhom jaqdu dmirijiet fis-Segretarjat Privat tiegħi issa beda imma għadu ma ġiex konkluż. Għalhekk risposta sħiħa għal din il-mistoqsija f'dak li jirrigwarda l-Ministeru tiegħi tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-persuna li isimha qed jintbgħat separatament inħatarx konsulent fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ngħata?
Response (DALLI, JOHN)
Il-kuntratt ta` konsulenza mal-persuna msemmija għadu mhux finalizzat.
Jista' l-Ministru jirrispondi għall-mistoqsija parlamentari numru 2191 li diġa' saret darbtejn qabel, jiġifieri mistoqsijiet parlamentari numru 1819 u 1379?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ngħata l-perit li ismu qed jintbagħat separatament għax-xogħol ta' konsulenza fir-rigward tas-sit ta' l-Opera House?
Jista' l-Ministru jpoġġi wkoll kopja tal-korrispondenza/kuntratt li jindika kif dan il-kuntratt ġie estiż għal konsulenza għal masterplan għal Bieb il-Belt?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-kuntratt ifformulat kif qiegħed jindika l-Onor. Interpellant għadu qiegħed jiġi diskuss biex ikun hemm qbil bejn il-partijiet ikkonċernati.
Irrid ngħid li ma nistax nifhem l-ispirtu li bih l-Onor. Interpellant qiegħed jagħmel din il-mistoqsija meta f'ħin minnhom joqgħod attent li ma jsemmix l-isem tal-perit involut u jgħaddi dan l-isem separatament mill-mistoqsija meta jaf li kuntratt isir bejn żewġ partijiet jew iżjed li isimhom ikun irid jidher fuq l-istess kuntratt. Dan iżjed u iżjed ma jagħmilx sens meta l-Onor. Interpellant diġa' għamel diversi mistoqsijiet fuq l-istess suġġett u liberament semma l-persuna involuta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx impjegati skrivani ġodda mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum?
Jekk fl-affermattiv, kemm ġew impjegati skrivani?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma impjegatx skrivani ġodda mill-5 ta' Settembru 1998 sa llum.
Jista' l-Ministru jara li mill-aktar fis titneħħa ż-zebra crossing li hemm fejn il-Monument tar-Repubblika fi Triq Diċembru 13, fil-Marsa peress li hi ta' l-akbar periklu kemm għas-sewwieqa kif ukoll għan-nies li jaqsmu minn fuqha?
Jista' l-Ministru jara li jiġi ntrodott xi metodu alternattiv għal min irid jaqsam din it-triq traffikuża?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontrol tat-Traffiku ser jirrikmanda li jsiru pelican lights biex din iz-zebra crossing issir aktar safe kemm għas-sewwieqa kif ukoll għan-nies li jridu jaqsmu minn fuqha.
Il-Bord ser jitlob ukoll lid-Dipartiment tat-Toroq biex jagħmel studju biex jara jekk hux possibli li jiġi ntrodott metodu alternattiv għal min irid jaqsam din it-triq.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ix-xogħol kollu ta' patching (anke xogħol żgħir) kif ukoll ta' twaħħil u rranġar ta' traffic (crash barriers) fit-toroq arterjali qiegħed isir mill-kuntrattur meta dan ix-xogħol faċilment jista' jsir mill-ħaddiema tal-gvern li huma armati għal dan it-tip ta' xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol ta` li qiegħed isir mill-kuntrattur huwa bil-hot asphalt li d-dipartiment tal-Gvern m`humiex attrezzati biex jużaw u jqiegħdu.
Kellu jsir xogħol urgenti ta` twaħħil ta` crash barriers u l-pedament tagħhom mill-kuntrattur meta nstab li l-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħolijiet ma setgħux jagħmlu x-xogħol fil-pront. F`każ ieħor ix-xogħol sar parti mill-kuntrattur biex setgħa jitlesta` malajr u l- periklu li nħoloq jiġi eliminat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1841, jista' l-Ministru jgħid jekk sal-lum il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta ġewx ikkonsultati jew għallinqas ġewx mitluba japprovaw it-tariffi l-ġodda ta' l-ilma u l-elettriku, iva jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif diġa' għidt fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija numru 1841, il-Gvern ikkonsulta mal-partijiet soċjali kollha, kif ukoll mal-management tal-Korporazzjonijiet konċernati qabel wasal biex ħa l-miżura soċjali ta' roħs fit-tariffi tad-dawl u ta' l-ilma.
Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni — Kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta' kuntratti mogħtija bis-sistema ta' direct order, quotations u tenders mid-Dipartiment tat-Toroq mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum,inkluż l-valur ta' kull kuntratt?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħolijiet mogħtija mid-Dipartiment tat-Toroq lill-Kuntratturi mill-5 ta` Settembru 1998 sa l-aħħar ta` Novembru 1998 huma kif murija fl-iskeda li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Minsitru jgħid b'liema mod qiegħed jiġi propost li l-gvern jipprivatizza l-kumpless White Rocks?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Privatizzazzjoni tal-Kumpless White Rocks se tkun parti mill-Programm tal- Privatizzazzjoni li l-Gvern qed jaħdem fuqu u li se jiddikjara ruħu fuqu fil-futur immedjat.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 1789, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħlas li ġie ntrodott mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kull meta wieħed japplika għas-servizzi ta' l-ilma, kemm-il darba din mhux frontage contribution?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif se jiġi indikat fl-Avviż Legali dwar il-fornitura ta' l-ilma
is-service charge ta' Lm70 li ser jiġi introdott jinkludi l-materjal u x-xogħol meħtieġ biex jitwassal l-ilma mill-main tat-triq sal-proprjeta' tal-konsumatur u jinkludi wkoll il-ħlas tad-drenaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas overtime l-impjegat tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, li ismu qed jintbagħat separatament, matul il-perjodu Ottubru 1995 - Ottubru 1998, kull sena separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, tħallset sahra mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma kif ser ngħid:
minn Ottubru sa Diċembru 1995 xejn
minn Jannar sa Diċembru 1996 xejn
minn Jannar sa Diċembru 1997 Lm1722
minn Jannar sa Novembru 1998 Lm 328
Bank ta' l-Investiment Ewropew — Tneħħija tat-taxxa tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba f'mistoqsija parlamentari numru 1786, jiġifieri li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-workings li juru b'liema mod ġiet inkluża t-tariffa tad-drenaġġ fit-tariffa ta' l-ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif diġa` għidt fit-Tweġiba tiegħi għall-mistoqsija parlamentari numru 1786, il-Gvern preżenti elimina t-taxxa tad-dranaġġ u inkorporha fit-tariffa l-ġdida ta` l-ilma.
Nerġa ntenni li wieħed ma jistax joqgħod fuq il-workings waħedhom għaliex l-amministrazzjoni preżenti ħadet in konsiderazzjoni diversi fatturi, inkluż l-impatt soċjali, qabel waslet għall-konklużjoni li traħħas it-tariffi tad-dawl u ta` l-ilma.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni tal-proposti ta' golf courses li saru minn diversi żviluppaturi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Bħalissa qed issir evalwazzjoni minn dan il-Ministeru tal-proposti li kienu saru mill-i"Steering Committee" lill-Gvern f'April li għadda. Bħalma kien ġie rakkomandat il-proposta għal "golf course" f'Għawdex qed tiġi proċessata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Fi żmien qasir jiġu kunsidrati rakkomandazzjonijiet għal żvilupp ta' "golf course" oħra f'Malta.
B'rifernza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 1645, jista' l-Ministru jgħid jekk l-għotja b'direct order ta' kuntratt ta' konsulenza lil Perit Richard England ta' madwar Lm2 miljun għax-xogħol konness mal-masterplan għal Bieb il-Belt immurx kontra r-regolamenti tal-gvern?