Jista' l-Ministru jara li l-main tad-drenaġġ li ħiereġ mill-iskola ta' Ħad-Dingli fi Triq Santa Marija u li żbroffa xi tliet xhur ilu jitranġa minħabba li fl-istat li qiegħed qed jikkawża inkonvenjent kbir?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li x-xogħlijiet li bħalissa qegħdin isiru fuq il-paviment tal-Monument ta' Francis Ebejer, f'Ħad-Dingli, jsiru b'mod li ma jtellfux il-flow tat-traffiku li juża t-toroq ta' madwar dan il-monument?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed isir fuq pjanti li jiffurmaw parti minn proġett tal-Kunsill Lokali ta' Ħad-Dingli. Il-kwestjoni tal-flow tat-traffiku ġiet diskussa mal-Kunsill ta' Ħad-Dingli u x-xogħol li għaddej miexi fuq dan il-ftehim.
Jista' l-Ministru jgħid kif ġie mqassam il-vot ta' embellishment tas-South bejn it-tliet lokalitajiet involuti?
Liema proġetti jkopru kull vot għal kull lokalita' separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-vot 'Embellishment tas-South' issa ġie integrat fil-vot 'Upgrading of Main Touristic Areas'. Il-vot ġie mqassam hekk:
Qawra/Buġibba Lm200,000.
Marsaxlokk/B'Buġia/Marsascala Lm500,000.
Sliema/Pembroke/San Ġiljan Lm500,000.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-working groups li nħatru mill-Forum "The Road Ahead" sabiex flimkien ma' l-esperti Ġermaniżi jipprepara masterplan għat-toroq f'pajjiżna għadhomx jiltaqgħu?
Dawn il-working groups lestew ix-xogħol tagħhom?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn ir-rapporti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li nstab li l-`working groups` kellhom għalqa vasta ta` studju x`jagħmlu iżda ma setgħux jiffunzjunaw u jaslu għal rakommandazzjonijiet meħtieġa.
Għalhekk tlabt id-Dipartiment jibdel l-istrateġija, sabiex jinstab mezz aktar effiċjenti ta` kif wieħed jista` jkompli din il-konsultazzjoni.
Għalissa il-`working groups` mhux qed jiltaqgħu.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-dipartimenti li jaqgħu fir-responsabbilta' tiegħu li jgawdu minn allowance għal degree jew diploma li għandhom? F'liema suġġetti huma ċċertifikati? X'inhu x-xogħol li qed jagħmlu bħalissa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li hemm tmienja u għoxrin (28) impjegat fid-
dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta tiegħi li
jgawdu minn allowance għal degree jew diploma. Qed inpoġġi
fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' dawn l-impjegati flimkien
mad-dettalji rispettivi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx impjegati fid-dipartimenti li jaqgħu fir-responsabbilta' tiegħu li jgawdu minn allowance għad-degree jew diploma li għandhom? X'inhuma s-suġġetti li huma ċċertifikati fihom? X'inhuwa x-xogħol li qegħdin jagħmlu bħalissa?
Response (MARCO, GUIDO DE)
It-tweġiba għall-ewwel mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant hija fl-affermattiv.
Jiena nfurmat li l-impjegati jirċievu allowance għall-kwalifiki li għandhom, skond ir-regolamenti, meta l-kwalifika li jippossjedu tkun relevanti għax-xogħol tagħhom fil-Ministeru, u tkun ukoll rikonoxxuta uffiċċjalment. Għalhekk, fost il-kwalifiki li għalihom titħallas din l-allowance, insibu min hu lawrejat bi
Diploma fl-Istudji Diplomatiċi
Master's degree fl-Istudji Diplomatiċi
Master's degree fir-Relazzjonijiet Internazzjonali
Dottorat fil-Ligi
Master's degree fid-Dritt Internazzjonali
Master's degree fil-Liġi tal-Komunita' Ewropea
Master's degree fl-Istudji Kontemporanei Ewropej
Master's degree fil-Liġi Komparattiva Ewropea
Master's degree fl-Istudji Politiċi u Amministrattivi Ewropej
Master's degree fil-Public Management
Master's degree jew Baċellerat fl-Amministrazzjoni Pubblika
Ix-xogħol li jwettqu dawk li huma kwalifikati huwa dak li wieħed normalment jassoċja ma' Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, jiġifieri, xogħol fid-Direttorat għal Relazzjonijiet Bilaterali, fid-Direttorat għal Relazzjonijiet Multilaterali, fid-Direttorat għal Relazzjonijiet ma' l-Unjoni Ewropea, xogħol fil-qasam Konsolari kif ukoll ħidma fl-Ambaxxati Maltin barra minn Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awditur tal-gvern kienx lesta l-inkjesta dwar pagamenti għal xogħol ta' toroq? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' din l-inkjesta fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-inkjesta mill-Awditur kienet lesta fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti u r-rapport dwarha tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra mill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ, Leo Brincat, fil-25 ta` April 1997.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol (part 2) fl-aħħar ta' Jannar 1999?
Għal-liema tip ta' xogħol qegħdin jirreġistaw għax-xogħol dawn il-persuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra.
8.2.99
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 4083?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-kontijiet tad-dawl u ta' l-ilma huwa mistenni li jibdew jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin. Dawn il-kontijiet ma nħarġux aktar qabel minħabba tibdil fis-sistema tal-kontijiet.
Jista' l-Ministru jara li l-każ ta' Housing H 01380, f'Ħaż-Żebbuġ jingħata l-attenzjoni peress li dan hu każ li ilu pendenti ħafna u l-applikant qiegħed jgħix fi stat mill-aktar miżeru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata kif inhu xieraq. Irrid ngħid pero illi kull applikazzjoni li tinsisti fuq lokalita' waħda biss bħala preferenza iddgħajjef ħafna l-argument tal-"bżonn urġenti".
8.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati mad-dipartimenti diversi li jħaddan il-Ministeru għall-Ambjent?
Jista' l-Ministru jgħid illum, fejn hu mpjegat kull ħaddiem irrispettivament inkluż dawk fil-ministeru?
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-eluf ta' familji li bħalissa qegħdin igawdu mill-iskema ta' sussidju fuq ħlas ta' kontijiet ta' dawl u l-ilma humiex se jkomplu jgawdu minn din l-iskema?
Kemm hu n-numru ta' familji li llum igawdu minn din l-iskema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-dritt għas-sussidju fuq ħlas ta' kontijiet tad-dawl u l-ilma huwa regolat minn Avviżi Legali li jinħarġu mill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u għalhekk, l-Onor. Interpellant huwa ġentilment mitlub li jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi.
08.02.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' embellishment li qiegħed isir f'Wied il-Għajn hux kopert bil-permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar meħtieġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' embellishment li qiegħed isir f'Marsascala hu kkonċentrat fil-parti taż-Żonqor. Dan ix-xogħol hu kopert bil-permess tal-bini liema permess ikopri mill-ex-Pixxina Nazzjonali sal-Playing Fields fi Triq iż-Żonqor.
Saru żewġ applikazzjonijiet oħra għall-bqija tal-promenade jiġifieri mill-playing fields sa Triq San Ġorġ. Dan ix-xogħol mistenni jibda hekk kif joħorġu l-permessi meħtieġa.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 3458, peress li jidher li s-Segretarju Parlamentari għandu numru sproporzjonat ta' membri fis-segretarjat privat tiegħu bil-kuntratt, jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dawn il-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
L-Onorevoli Membru għandu jkun jaf li hemm staff entitlement ta' ħdax -il persuna f'segretarjat ta' Segretarju Parlamentari. Minn dawn 50% iridu jkunu uffiċjali pubbliċi u 50% oħra minn organizazzjonijiet pubbliċi jew minn barra s-servizz pubbliku, jiġifieri matematikament ħames persuni u nofs.
Fis-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari hemm sitt persuni li qegħdin b'kuntratt. Din iż-żieda saret bl-approvazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Minn dawn is-sitt persuni ħamsa minnhom ġejjin minn organizazzjonijiet pubbliċi.
Sa llum fis-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari ġew ingaġġati tmien persuni u fadal tlieta oħra li sussegwentement bilfors iridu jkunu uffiċjali pubbliċi.
Kif jaf l-Onor. Interpellant il-kuntratti huma standard kif stabbiliti mill-Kabinett u kopji ta' dawn diġa' tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
25.01.99
Jista' l-Ministru jara li ssir sorveljanza aħjar fuq l-ipparkjar fi Triq Sant'Anna, Furjana, peress li bħalissa teżisti anarkija sħiħa fl-ipparkjar illegali f'din it-triq minkejja li dan l-abbuż jista' jġib li l-vettura tiġi mneħħija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fit-triq li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant issir sorveljanza mill-Pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku b'mod regolari u hemm il-ħsieb li din tiżdied.
25.01.99
Siġġiewi — Triq Mons. M. Azzopardi - Pelican lights
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mit-talba li saret mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għat-twaħħil ta' pelican lights fil-Bypass jew kif inhu magħruf Triq Mons. M. Azzopardi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-approvazzjoni għal żewġ installazzjonijiet ta` `Pelican Lights` fi Triq Mons. M. Azzopardi, Siġġiewi, ġiet mogħtija mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi diversi xhur ilu.
Il-Kunsill Lokali kellu jitlob ukoll l-approvazzjoni tal-`Planning Authority` għal dawn l-installazjonijiet.
Il-Kunsill issa għandu l-permessi kollha neċċessarji, u l-proċess sabiex jitwaħlu dawn il-`Pekican Lights` dan l-aħħar nbeda.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex aktar minn nofs tal-culvert li jaqsam Mosta Road, bejn il-palma u l-iskola ġie magħluq permess tax-xogħlijiet li qegħdin isiru bħalissa?
Jaf li minħabba f'hekk jekk tkun ix-xita l-parti l-qadima tar-raħal ta'Ħ'Attard tegħreq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-culvert ġiet spezzjonata u ma jirriżultax li hi mblukkata b`xi materjal iżda parti minnha tgħattit bil-bankina li hija parti mill-proġett li qiegħed jagħmel il-Gvern.
Ta` min isemmi li l-ilma li jinżel fi Triq Ħal Warda naqas drastikament u l-periklu li l-parti l-qadima ta` Ħ`Attard tegħreq ġie eliminat.