Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' piloti li kkwalifikaw matul is-snin mal-linja nazzjonali ta' l-ajru Air Malta minn mindu twaqqfet? Kemm minn dawn il-piloti għadhom fl-ingaġġ ma'l-Air Malta sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minn kemm ilha li twaqqfet il-linja nazzjonali ta' l-ajru, ħarrġet 122 pilota li minnhom 115 għadhom impjegati magħha.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien l-għadd ta' kandidati li għaddew mill-ewwel parti ta'l-eżami (physical efficiency test) għall-ingaġġ ta' suldati mal-Forzi Armati ta' Malta (1999)? Kemm hu l-ammont ta' suldati li hu meħtieġ f'dan ir-reklutaġġ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal diversi mistoqsijiet oħra li saru dwar is-suġġett. Infakkru li peress li l-proċess ta' l-għażla qiegħed jitmexxa mill-Bord għall-Ezamijiet Lokali, l-ewwel parti tal-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni.
Fir-reklutaġġ li jmiss hu mistenni li jiġu ngaġġati madwar mitt suldat.
Jista'l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-talba tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għat-twaħħil ta'bozza pubblika fi Triq Lapsi, bejn id-Dar tal-Provvidenza u r-roundabout li tieħu lejn Lapsi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ma għandhiex pendenti talba mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi biex titwaħħal bozza fil-parti msemmija ta' Triq Lapsi. Peress li l-parti tat-triq indikata hija twila, jinħtieġ aktar tagħrif speċifiku.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 9162, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma hux se tkompli bix-xogħol ta' sorveljanza kontra l-abbuż minn wardens f'Wied is-Sewda?
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 9250, jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-vettura bin-numru ta' reġistrazzjoni JAB 342 kenitx waħda mill-vetturi rmonkati minn Marfa Rd, Mellieħa?
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9138?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nissuħħerixxi lill-Onor. Interpellant jaqra il-kuntratt b'attenzjoni. Jidher li ma ndunax li skond it-termini tal-kuntratt stess, awtomatikament ġiet fis-seħħ estensjoni ta' sitt xhur mill-31 ta' Mejju 1999.
B'din l-estensjoni, klawsola 3 u l-bqija jagħmlu sens u mhux kif ġew interpretati fid-domanda.
Infakkar ill-Onor. Interpellant li dan il-kuntratt sar b'dan il-mod minħabba kif mexa ma' dan l-individwu il-Bord ta' qabel, meta bil-miktub wegħdu kuntratt ta' impjieg li baqa ma ngħatatx wara li minħabba din il-wegħda irtira applikazzjoni għal post ieħor tal-Korporazzjoni.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 9163, jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li fadal isiru fir-rehabilitation ta' Wied is-Sewda humiex se jitkomplew mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma peress li permezz ta' dawn ix-xogħlijiet jiġi mnaqqas ir-riskju tal-kontaminazzjoni ta' l-ilma fil-pumping station u l-galleries f'Tal-Ħlas, l/o Qormi?
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9171?
Response (BONNICI, JOSEF)
Iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandu salarju ta' Lm12,000 fis-sena u Lm3,000 oħra bħala allowance.
Kif diġa għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija 8935, iċ-Chairman tal-Korporazzjoni qed igawdi mill-istess benefiċċji li normalment kien igawdi ċ-Chairman ta' qabel li prinċipalment jikkonsistu fi ħlas ta' mobile phone u fuel għall-karozza.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9173?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-kumpanija msemmija ingħatat il-kuntratt wara sejħa għall-offerti li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kienet ħarġet fil-5 ta' Marzu 1999 u li kienet għalqet fil-5 ta' April 1999. Din is-sejħa għall-offerti kienet intitolata 'Tender for the Geocoding of around 20,000 premises and the development of a related software tool' u ntrebħet għall-valur ta' Lm49,968 taxxa nkluża.
Kif inhu spjegat sew fl-ispeċifikazzjoni tat-tender, il-proġett jikkonsisti f'żewġ aspetti:
L-ewwel aspett huwa l-Geocoding ta' kull bini li hemm f'Għawdex. F'dan il-proċess, il-bini jiġi marbut ma punt fuq sistema tal-GIS. Issir ukoll link bejn il-bini li għandu servizz ta' l-ilma u l-billing database tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
It-tieni aspett huwa software li għandu jinkiteb biexjagħti lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta'l-Ilma l-faċilita li tqabbel konsum ta' l-ilma taz-zoni tagħha mal-konsum tan-nies li jgħixu ġoz-zona. B'hekk, toħroġ l-unaccounted for water għal kull zona. Il-valur ta' dan huwa ovvju.
Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' kuntratturi li bħalissa qegħdin jagħmlu x-xogħol ta' bdil ta' mains u house connections għal Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma?
Kemm hu l-ammont ta' flus dovut lil dawn il-kuntratturi għax-xogħol li wettqu outstanding payments sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' reġistrazzjoni ta' kull vettura li ġiet irmonkata minn Marfa Road, Mellieħa kif imsemmi fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 8941?
Response (BORG, TONIO)
Ma narax li għandi nagħti dawn id-dettalji, anki in vista tal-fatt li jsiru mijiet ta' towing ta' vetturi kull xahar.
Naturalment jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq xi nformazzjoni partikolari dwar xi każ speċifiku, inkun nista` ngħaddi minnufih din l-informazzjoni.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari tiegħi numru 8934, jista' l-Ministru jispjega kif il-kuntratt għall-pożizzjoni ta' Head tal-MIS Department fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ġie ffirmat fl-4 ta' Mejju, 1999 u jkopri l-perijodu 6 ta' Marzu, 1996 - 31 ta' Mejju, 1999, jiġifieri effettivament madwar tlett ġimgħat biss sa wara d-data tal-firma tal-kuntratt?
X'sens tagħmel klawsola 3 "termination" li tgħid li l-korporazzjoni tista' ttemm il-kuntratt mhux anqas minn xahar mill-firma tal-kuntratt meta lanqas kien fadal dan il-perijodu mid-data meta l-kuntratt ġie ffirmat?
Jista' l-Ministru jgħid hux se jitkompla l-pjan għat-twaħħil ta' xatbiet li jagħtu aċċess għal Wied is-Sewda, f'Ħ'Attard biex b'hekk jiġi kontrollat l-abbuż ta' radam illegali?
Jista' jgħid ukoll jekk għall-istess raġuni humiex se jibqgħu jintużaw wardens ħalli jħarsu dan il-wied?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ix-xogħol u l-użu tal-wardens imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huma responsabbilta' tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, u għalhekk din il-mistoqsija għandha tiġi ndirizzata lil Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġett ta' rehabilitation u embellishment ta' Wied is-Sewda (Tal-Ħlas) bejn Ħ'Attard u Ħal Qormi huwiex se jitkompla? Jista' jara li qabel l-istaġun tax-xita dan il-wied jitnaddaf mill-ħmieġ li twaddab fih minn xi persuni rresponsabbli?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bejn April 1998 u April 1999 saru diversi xogħlijiet mit-Taqsima tax-Xogħlijiet fl-area msemmija. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu tindif, tiswija ta' diegi, bini ta' pontijiet u xogħlijiet oħra simili.
It-Taqsima tax-Xogħlijiet ħejjiet il-pjanti u d-dokumenti tat-tenders għall-bini ta' żewġ pontijiet, wieħed ħdejn tal-Ħlas Pumping Station u l-ieħor faċċata ta' razzett in-naħa ta' Ħal Qormi. Il-pjanti u d-dokumenti ġew mgħoddija lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għall-ħruġ tat-tenders, u dan skond il-ftehim milħuq fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti liema ftehim jipprovdi li l-fondi għal dan ix-xogħol jinħarġu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija ser jittieħdu l-passi meħtieġa biex isir it-tindif li jkun meħtieġ.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 8935, jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-salarju li qiegħed jingħata liċ-Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kif ukoll x'inhuma l-benefiċċji li jgawdi minnhom?
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 7002 fejn intqal li min 13-il inġinier, tmienja minnhom għandhom l-aċċess għall-internet, x'inhi r-raġuni li t-tmienja l-oħra ma jgawdux minn dan is-servizz? Dawn it-tmienja kollha talbu li jkollhom dan is-servizz? X'inhi r-raġuni li l-inġinier li ismu qed jintbagħat separatament ġie rifjutat dan is-servizz?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7002 kont tajt informazzjoni li hemm sittax-il Inġinier u mhux tlettax li għandhom l-aċċess għall-Internet. Mit-tmienja li m'għandhomx tnejn jinsabu msefrin għal żmien fit-tul filwaqt li erbgħa minnhom mhumiex imqabbdin fuq is-sistema tan-network tat-Taqsima tax-Xogħlijiet u għalhekk la għandhom E-Mail u lanqas Internet, filwaqt illi t-tnejn l-oħra, inkluż l-Inġinier li l-Onorevoli Interpellant tani ismu separatament, applikaw biex ikollhom is-servizz ta' l-Internet u l-applikazzjoni tagħhom qed tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għall-għoti tal-kuntratt mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma lill-kumpannija Geo Med Services Ltd? Dan il-kuntratt ingħata wara sejħa għall-offerti? X'inhu l-valur ta' dan il-kuntratt?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dawk il-persuni li ġew ingaġġati bħala suldati volontiera (każ ta' riżerva) humiex se jingħataw priferenza meta jinħarġu sejħiet għall-ingaġġ ta' suldati full-time?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li r-risposta hija fin-negattiv. Madanakollu, huwa naturali li dawk il-membri ta' l-Emergency Volunteer Reserve Force li applikaw biex jingaġġaw fl-Armata bħala suldati full-time skond is-sejħa riċenti jista jkollhom vantaġġ fil-fażi ta' l-intervista, fuq l-oħrajn li m'għandhom l-ebda esperjenza fil-Forzi Armati.