Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew sospożi mpjegati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar matul dawn l-aħħar 12-il xahar?
X'inhu l-grad tal-persuni sospiżi u f'kull każ għal-liema raġuni ġew sospiżi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar 12-il xahar ġew sospiżi żewġ impjegati mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar; wieħed fi Grad 5 u l-ieħor fi Grad B. Dawn ġew sospiżi minħabba li kienu qed jagħmlu xogħol mhux awtorizzat mill-Awtorita`, u fiż-żewġ każi seta` jkun hemm konflitt ta` interess.
Jista'l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10996?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ma hemmx problemi ta' provvista ta' ilma fit-triq imsemmija. Il-provvista ta' ilma kienet sospiża tlitt darbiet matul Ottubru kollu minħabba xi xogħolijiet ta' manutenzjoni u żvilupp fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-lokal. Illum il-pressa f'din it-triq hija ta' żewġ bar.
Il-provvista ta' l-ilma f'Ħaż-Żebbuġ tiġi diretta mill-ġibjun tal-Qrendi jew mill-ġibjun ta' Ta' Qali, liema żewġ ġibjuni fihom ilma ta' kwalita' tajba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jqum il-proġett tal-funtana fil-baħar quddiem il-pjazza ta' Buġibba? X'inhi r-raġuni li din il-funtana mhux qed titħaddem?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proġett tal-funtana fil-baħar quddiem il-pjazza ta' Buġibba ġie jiswa Lm56,776.00. Il-funtana titħalla fil-post fil-jiem tas-sajf biss u fix-xitwa, minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp, tittella' l-art.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-proġett li kellha l-Maltacom għat-tneħħija ta' cables tat-telefon minn mal-ħitan tal-Belt Valletta? Kemm kien stmat li se jqum dan il-proġett u kif kien se jiġi ffinanzjat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 10613 fis-Seduta numru 163.
B'riferenza għal dak li ġie rrapportat li ntqal dwar self mill-European Investment Bank (EIB) liema huma dawk il-proġetti li se jkunu diffiċli ġaladarba dan is-self mhux se jingħata? X'inhi r-raġuni li dawn il-loans ġew miżmuma mill-EIB?
Response (DALLI, JOHN)
Kien hemm proġett partikolari li kien intiż li ser jiġi ffinanzjat (in parti) mill-fondi tal-EIB. Għalkemm is-self mhux ser jingħata l-proġett xorta waħda ser jitwettaq.
Hemm diversi raġunijiet l-għala dan is-self mhux ser iseħħ. In-negozjati jieħdu fit-tul u huma diffiċli għax il-proġetti kif preżentati u l-mod kif għandhom jitwettqu jridu jissodisfaw in-normi mposti mill-istess EIB. Jeżistu ċirkustanzi meta l-parametri tagħna ma nkunux nistgħu niffittjawhom kif ġieb u laħaq f`dawk mitluba mill-EIB.
Wieħed ma jridx jinsa wkoll li l-iffinanzjar imwettaq mill-EIB huwa dejjem self u għalhekk dejjem jitħallas lura.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija preċedenti li fiha ntqal li sa Marzu li ġej (2000) l-Imtarfa se tinqata' minn mar-Rabat u se jkollha kunsill lokali għaliha, jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun fih kunsilliera l-kunsill ta'l-Imtarfa?
Il-kunsill tar-Rabat se jibqa' bl-istess numru ta' kunsilliera, jew se jitnaqqas?
Response (GATT, AUSTIN)
In-numru ta` Kunsillieri għal kull lokalita` huwa stabbilit skond il-provvedimenti ta` l-artikolu 4 ta` l-Att ta` l-1993 dwar Kunsilli Lokali.
Peress li skond l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment, il-popolazzjoni ta` l-Imtarfa hija anqas minn tlett elef, il-Kunsill Lokali Mtarfa se jkollu ħames(5) Kunsilliera, kif provdut fil-paragrafu (a) tas-sub artikolu 4 (1), fil-waqt li l-Kunsill Lokali tar-Rabat se jibqa` bl-istess numru ta` disa (9) Kunsillieri, kif provdut fil-paragrafu (c) ta l-istess sub-artkolu, peress li l-popolazzjoni tar-Rabat mhux se tkun anqas minn għaxart elef , anki wara li l-Imtarfa tinqata` għaliha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-iskema riveduta ta' xiri ta' proprjeta' mingħand il-privat mill-Awtorita' tad-Djar ġietx fis-seħħ?
Jekk fl-affermattiv, kemm saru applikazzjonijiet taħt din l-iskema u minn min sar?
Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fit-23 ta' Marzu 1999, l-Awtorita' tad-Djar ħarġet Skema U għax-xiri ta' proprjeta' mingħand il-privat. Din għalqet fis-7 ta' Mejju 1999. Kien hemm 28 applikazzjoni. S'issa għada ma ġietx approvata ebda applikazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba hemm fuq il-waiting list għal qabar fiċ-ċimiterju ta' Sant Andrija, Ħaż-Żebbuġ? L-estensjoni li qiegħda issir bħalissa f'dan iċ-ċimiterju se tkun biżżejjed biex tissodisfa talbiet li hemm pendenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm ħamsa u disgħin talba fuq il-`waiting list' għal qabar fiċ-ċimiterju ta' Sant Andrija, Ħaż-Żebbuġ.
Nixtieq ninforma li baqa jinbnew tmintax-il qabar bħala parti mill-konstruzzjoni oriġinali ta' l-istess ċimiterju u mhux bħala estenzjoni. Għaldaqstant mhux se jiġu ssodisfati t-talbiet pendenti kollha f'dan iċ-ċimiterju.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li n-numru tal-karta ta' identita' qed jintbagħat separatament ma ġietx placed f'dar ta' l-anzjani minkejja li ilha li applikat madwar tliet snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna li n-numru ta' l-identita' tagħha ġiet mibgħuta separatament applikat għad-dħul fid-Dar ta' l-Anzjani, Mtarfa fl-10 ta' Diċembru 1997, anqas minn sentejn ilu. Meta sarilha "assessment" fid-19 ta' Diċembru 1997 dan kien jindika li l-anzjana kienet applikat biex tkun imniżżla fil-"waiting list" u l-każ ma kienx jidher li hu urġenti. F'Ottubru 1999 sarilha eżami mediku u l-każ qed jiġi kkonsidrat skond il-priorita' preżenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-ammont ta' pensjoni li qed tieħu persuna li n-numru ta' l-identita tagħha qed jintbagħat separatament huwa korrett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar ir-rata tal-pensjoni tas-Sigurta Soċjali li qed tirċievi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li r-residenti ta' Triq tal-Grazzja, Ħaż-Żebbuġ qiegħed ikollhom il-provvista ta' l-ilma sospiża regolarment u meta jkun hemm il-provvista ta' l-ilma din qed tkun ta' kwalita' ħażina?
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10689?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant ghat-twegiba li tajtu ghall-Mistoqsija Nru. 10689 imressqa minni fl-20.10.99.
Malli tinghatali l-informazzjoni li jiena tlabt, inkun f`pożizzjoni ahjar biex nista nwieġeb.
Jista' l-Ministru jgħid liema operatur ta' garage ġie magħżul sabiex jagħmel il-VRT tests fuq vetturi tal-gvern u parastatali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma ġie magħżul ebda Operatur ta` garage biex jagħmel il-`Vehicle Roadworthiness Test` fuq vetturi tal-Gvern u parastatali. Dawn jistgħu jagħmlu dan it-test għand liema Operatur iridu huma, u dan billi t-tariffi stabiliti huma kollha l-istess, kif deher fl-avviż legali 126 ta` l-1998, maħruġ fit-8 ta` Mejju ta` l-istess sena.
Jista' l-Ministru jgħid għal-liema perjodu kienu mingħajr għalliema ta' l-Ingliż, Sociology u Home Economics l-istudenti tat-tieni sena fil-Junior Lyceum Ġan Franġisk Abela?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-suġġetti msemmija kellhom l-għalliema kollha meħtieġa għall-istudenti tat-tieni sena kif ġej:
1. Id-Dipartiment tas-Soċjoloġija sal-25 ta' Ottubru.
2. Id-Dipartiment tal-Home Economics sal-21 ta' Ottubru.
3. Id-Dipartiment ta' l-Ingliż sad-29 ta' Ottubru.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm fadal appartamenti vojta fil-blocks il-ġodda ta' l-appartamenti f'Ħal Mula l/o Żebbuġ?
Liema huma dawn l-appartamenti li għadhom ma ġewx ikkunsinjati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-erba' appartamenti vojta fil-blocks il-ġodda ta' l-appartamenti f'Ħal Mula l/o Zebbug ħarġu għall-bejgħ taħt l-aħħar Avviż ta' l-Awtorita' tad-Djar Numru 63.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jdum ma jingħata s-servizz ta' l-elettriku lil persuna li, id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, f'Ħal Xluq, l/o Siġġiewi A 2864/99?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s-servizz ta' l-elettriku fil-fond imsemmi f'Ħal Xluq fil-limiti tas-Siġġiewi, se jitlesta flimkien ma' talbiet oħra simili sa mhux aktar tard mill-ewwel ġimgħa ta' Novembru.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-suldati humiex intitolati għal unpaid leave?
Jekk fl-affermattiv, kemm hu twil dan il-perjodu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Membri tal-Forzi Armati ta' Malta mhumiex intitolati għal unpaid leave. Dan skond ir-Regolamenti (Forza Regolari) (Nomini u Kundizzjonijiet tas-Servizz) tal-1970.
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li mid-19 ta' Jannar 1999 il-membri kollha tal-Forzi Armati jistgħu jieħdu Parental Leave fuq kriterji applikabbli għal uffiċċjali pubbliċi kif spjegat fiċ-ċirkularijiet MPO 28/96, OPM 15/98 u OPM 29/98.