Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għandhiex il-kwalifiki meħtieġ sabiex tingħażel għal kors ta' l-MBA skond ir-risposta li ngħatata għall-mistoqsija parlamentari numru 9926?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi l-kwalifiki meħtieġa sabiex persuna tintgħazel għal kors ta' l-MBA huma stabbiliti mill-Universita li torganiżża l-kors. Il-persuna ndikata, li fil-fatt hija perit, ġiet ammessa għall-kors ta' l-MBA.
Jien infurmat ukoll li din il-persuna kienet issodisfat ukoll l-kriterji stabbiliti għal dan l-sponsorship.
Jista' l-Ministru jikkonferma li wara żjara li saret mill-uffiċjal tal-UNESCO fuq ix-xogħol li qiegħed isir f'St. James Cavallier, peress li ġie nnotat li qiegħed isir xogħol b'mod insensittiv li l-UNESCO qegħda tikkonsidra li tneħħi l-Belt Valletta mill-World Heritage Site?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
M'jiniex infurmat dwar l-allegazzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' permess hu rikjest mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal xogħlijiet ta' rranġar ta' junction ta' toroq b'mod li jinbnew roundabouts ħalli jsir titjib fit-traffic channelisation?
Response (BORG, TONIO)
Skond l-Avviż Legali 137 ta` l-1997, Klassi 3, 1(i), it-twessiegħ, titjib jew manutenzjoni ta` triq eżistenti li hi fil-konfini ta` toroq ewlenin (highway boundary), sakemm twessiegħ bħal dan ma jirriżultax fil-ħolqien ta` trejqa oħra, huwa kkunsidrat bħala żvilupp permess, sakemm dan ma jkunx jinvolvi l-formazzjoni, it-tfassil jew twessiegħ ta` triq jew titjib ta` junction f`Area ta` Konservazzjoni Urbana jew jekk jinvolvi t-twaqqigħ ta` bini. F`każ li l-iżvilupp m`huwiex ikkunsidrat bħala wieħed permess, jenħtieġ li ssir applikazzjoni lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, skond l-Att Numru 1 ta` l-1992.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-programm tax-xogħol ta' titjib infrastrutturali li hu meħtieġ li jsir relattiv mal-proġett tal-Cottonera, inkluż meta hu maħsub li jinbeda kull tip ta' xogħol li jrid isir u l-valur tax-xogħol relattiv?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-programm ta' xogħol mitlub mill-Onorevoli Interpellant qiegħed jiġi diskuss u formulat mill-konsorzji nvoluti u għalhekk mhux possibbli li wieħed iqiegħed din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra, f'dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-programm tax-xogħol ta' titjib infrastrutturali li hu meħtieġ li jsir relattiv mal-proġett ta' Tigne' u Manoel Island inkluż meta hu maħsub li jinbeda kull tip ta' xogħol li jrid isir, kemm se jieħu żmien biex jitlesta u l-valur tax-xogħol relattiv?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-kuntratt ta' Manoel Island u Tigne' diġa' qiegħed ikun diskuss mill-Kumitat tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
L-informazzjoni meħtieġa, inkluża dik mitluba f'din il-mistoqsija se titqiegħed hemm.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta ta' l-improvements li qegħdin isiru fil-junction magħruf bħala Ta' Alla u Ommu, l/o Naxxar? Jista' l-Ministru jpoġġi wkoll kopja tal-permess ta' l-iżvilupp ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal dan ix-xogħol? Kemm se jiswa dan ix-xogħol? Min hu l-kuntrattur inkarigat minn dan ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol li qed isir bħalissa jikkonsisti fl-iffurmar tar-`Roundabout , centre strips` u bankini li qed isir b`kuntratt mogħti lill-kumpanija Calex Contractor Ltd. għas-somma ta` Lm9195.
Saret ukoll sejħa għall-offerti sabiex il-partijiet tat-triq li jintużaw mit-traffiku jiġu ffurmati għall-livelli meħtieġa w asfaltati b`regulating course`. Dan ix-xogħol hu stmat li jiswa Lm17,470.
Jien infurmat li m`hemmx bżonn ta` permessi ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għal dan ix-xogħol.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi x-xogħol li qed isir fit-tarf tat-telgħa ta` Alla w Ommu, in-Naxxar.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11239?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-konsulenti mqabbda biex jaghmlu l-Activity Based Costing exercise huma l-awdituri tal-Korporazzjoni, MSD Consulting Limited. Il-valur tal-kuntratt wahdu huwa ta` Lm6240 u x-xoghol inghata minflok kuntratt ta` konsulenza li kien inghata mill-bord tad-diretturi ta` qabel.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni tal-persuni li dettalji tagħhom qegħdin jintbagħtu separatament li jaħdmu fil-park nazzjonali f'Ta' Qali? X'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-funzjoni tal-persuni konċernati u l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom huwa kif ġej:
Grezzju Farrugia A/Supervisor 07.00 - 16.45
Raymond Gauci A/Warden Shift Worker
07.00 - 19.00
19.00 - 07.00
Day - Night - Rest - Off
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-uffiċjali ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, inkluż il-periti, qegħdin jingħataw konsulenzi mill-istess awtorita' bħala xogħol extra mix-xogħol normali li jagħmlu u bi ħlas extra? Jekk fl-affermattiv, min huma l-uffiċjali u periti li qegħdin igawdu minn dan it-trattament u x'inhu x-xogħol li ġew imqabbdin jagħmlu, inkluż il-valur tax-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
L-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma tagħti l-ebda konsulenza lill-uffiċjali tagħha stess. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal 'Change Agent' li tqabbad mill-Awtorita` fil-proċess ta` riforma interna, ninsab infurmat li dan l-uffiċjal ser jingħata ħlas addizzjonali ta` Lm1,000 minbarra li jibqa` jaqdi l-funzjonijiet ta` Unit Manager.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-periti u l-inġiniera fi ħdan id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet humiex qegħdin jingħataw konsulenzi mid-diviżjoni bħala xogħol extra max-xogħol normali tagħhom u bi ħlas extra għal dawn il-konsulenzi?
Jekk fl-affermattiv, min huma dawn il-periti u inġiniera li qegħdin igawdu minn dan it-trattament, x'inhu x-xogħol li ġew imqabbdin jagħmlu, inkluż il-valur tax-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-preżent dawn huma l-uffiċjali li ngħataw xogħol fuq bażi ta' "extra work" :
Eng. Brian Cauchi Stamperija tal-Gvern Lm200.
Ġnien Pubbliku fil-Fgura Lm120.
Eng. M. Attard Ġnien Pubbliku fil-Fgura Lm120.
Eng. C. Casha Stamperija tal-Gvern Lm100.
Perit C. Borg St. John's Bastion, Cospicua Lm120.
Public Registry, Valletta Lm120.
Jista' l-Ministru jgħid x'allowances u benefiċċji oħra jgawdu minnhom l-uffiċjali u l-impjegati oħra ta' l-Awtorita' ta'l-Ippjanar? Xi gradi għandhom l-impjegati li jgawdu minn dawn l-allowances u benefiċċji? Jista' l-Ministru jgħid jekk fost il-benefiċċji hemmx xi tip ta' babysitting alllowance?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 11165, jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni x'jonqos isir sabiex it-talbiet li hemm f'file WD1597/87/20 jiġu issetiljati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 11165. Meta l-kwestjoni tiġi ssettiljata nkun nista' nagħti aktar informazzjoni.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11167?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-meters ta' l-ilma mill-indirizzi msemmija tneħħew riċentement.
Tajjeb jingħad li t-talbiet għat-tneħħija ta' meters ta' l-ilma bdew jiżdiedu kostantement minn mindu l-ħlas tal-bdil ta' dan is-servizz kien ġie inkorporat fis-'service charge' tal-kont ta' l-ilma u d-dawl. Għal xi żmien inġabret backlog ta' dawn it-tip ta' talbiet, pero' il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ħadet ħsieb biex dan il-backlog jiġi eliminat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex inħass il-bżonn ta' sorveljanza kontinwa matul l-24 siegħa kuljum mill-pulizija mad-Dipartment tat-Toroq? X'qiegħed iqum dan is-servizz lid-dipartiment?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-pulizija mhumiex qegħdin jagħmlu xi xogħol ta` sorveljanza fid-Dipartiment tat-Toroq. Meta sar il-ġarr għall-uffiċċju l-ġdid tqabbdet kumpanija tal-għassa biex tieħu ħsieb il-post tul il-ġurnata kollha peress li barra l-impjegati tad-Dipartiment tat-Toroq kien hemm ħafna nies u pubbliku deħlin u ħerġin fil-bini.
Issa li ħarġet sejħa għall-offerti biex dan is-servizz jitkompla fuq bażi regolari u aktar fit-tul, il-kumpanija privata ta` l-għassa ġiet mitluba tibgħat l-impjegat tagħha bil-lejl biss fil-waqt li x-xogħol ta` filgħodu qed isir temporanjament minn pulizija li jkun `off duty`.
Jista' l-Ministru jagħti assigurazzjoni li x-xogħlijiet kollha f'St.James Cavalier se jkunu lesti sa l-aħħar ta' din is-sena sabiex dan il-post ikun jista' jintuża għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenium?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
St. James Cavalier m'huwiex ser jintuża għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenju imma se jkun ir-rigal tal-Gvern lill-poplu Malti fil-bidu ta' Millenju ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid fejn saru culverts għall-ilma tax-xita matul dawn l-aħħar 12-il xahar u x'kien it-tul rispettiv tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li culverts għall-ilma tax-xita li saru matul dawn l-aħħar tnax-il xahar huma dawn:
Triq Ħal-Luqa, Qormi 88 metru
Triq in-Nazzareno, Tarxien 46 metru
Triq Ġebel Ħanxur/Sant'Antnin, Marsascala 220 metru
Tal-Bebbux II, Żurrieq 203 metru
Triq l-Imdina, Żebbuġ 11 metru
-----------
TOTAL 568 metru
-----------
Jista' l-Ministru jikkonferma li, wara żjara li saret mill-uffiċjal tal-UNESCO fuq ix-xogħol li qiegħed isir f'St James Cavallier, tant ġie innotat li qiegħed isir xogħol b'mod insensittiv li l-UNESCO qiegħda tikkunsidra li tneħħi l-Belt Valletta mill-World Heritage Site?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ta' l-Ambjent.