Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi upgraded it-triq li tagħti mill-Mosta għal Burmarrad, peress li din tant iddeterjorat u li hi ta' periklu għat-traffiku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija fid-domanda Nru. 13985 u li japplika l-istess għal din it-triq.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 13591, jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta l-programm ta' asfaltar ta' toroq lokali li qiegħed isir flimkien mal-kunsilli lokali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fuq dan il-programm huwa fi stadju avvanzat.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 13486, jista'l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-vetturi huma liċenzjati li jidħlu l-Belt Valletta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li hemm 49,569 vettura lliċenzjati biex jidħlu l-Belt.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il deċiżjoni ttieħdet mill-Public Service Commission f'każi ta' dixxiplina kontra ħaddiema taċ-Ċivil? Jista' jikkjarifika t-tip ta' deċiżjonijiet li ttieħdu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Fil-mistoqsija tiegħu, l-Onorevoli Nterpellant ma ndikax għal liema perjodu ta' żmien jixtieq ikun jaf kemm saru rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku dwar każijiet ta' dixxiplina. Għaldaqstant, l-informazzjoni li se nagħti hija dwar kemm saru rakkomandazzjonijiet matul l-1999. Jekk l-Onorevoli Nterpellant jixtieq ikollu nformazzjoni dwar xi perjodu ieħor ta' żmien, nistiednu jagħmel mistoqsija parlamentari oħra.
Ninsab infurmat illi matul l-1999, in-numru ta' rakkomandazzjonijiet dwar każijiet ta' dixxiplina li għamlet il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku huwa ta' 100. Dawn huma maqsuma f'dawn it-tlett kategoriji:
a) rakkomandazzjonijiet dwar każijiet kriminali fil-Qorti li fihom ikunu
nvoluti uffiċjali pubbliċi 44
b) rakkomandazzjoniet dwar każijiet ta' reati serji ta' dixxiplina li ġew investigati mill-Bord tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku 50
c) rakkomandazzjonijiet dwar każijiet ta' tkeċċija mis-Servizz Pubbliku minħabba assentejiżmu minn fuq il-post tax-xogħol 6
Total 100
It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Nterpellant dwar x'kienu dawn ir-rakkomandazzjonijiet huwa kif jidher fit-tabelli (a), (b) u (c) li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid minn min tintuża l-karozza tal-gvern bin-numru li qed jintbagħat separatament? Għal-liema skopijiet u f'liema ħinijiet suppost tintuża?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ebda karozza tal-gvern m'għandha dak in-numru msemmi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-security officers fl-isptarijiet jistgħux jintużaw ħalli jassiguraw l-ordni fil-parking tal-vetturi peress li bħalissa teżisti anarkija sħiħa b'mod partikolari fl-iSptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-Security Guards fl-Isptarijiet jieħdu ħsieb li l-parking tal-vetturi jsir bl-ordni. Ma jirriżultax li hemm xi tip ta' ``anarkija'' kif qiegħed jallega l-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 13491?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ma jidher li hemm ebda hsarat fin-network ta` madwar il-gibjuni msemmija. Tajjeb jinghad li bhalissa l-gibjuni ta` Kordin li, effettivament huma tnejn, huma battala biex issirilhom manutenzjoni estensiva.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal ħatra ta' Public Cleansing Foreman skond Memo 203/99?
Kemm hemm postijiet vakanti li jridu jimtlew?
F'liema stadju wasal il-proċess ta' l-għażla?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-proċess ta' l-għażla għal Public Cleansing Foreman għadu għaddej u mhux il-policy li tingħata nformazzjoni f'dan l-istadju.
Jista' l-Minstru jgħid kemm ingħataw transfers lill-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum?
Fejn intbagħtu l-ħaddiema li ġew transfered?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema li ġew trasferiti mid-Dipartiment tad-Drenaġġ mill-1 ta' Jannar 2000 sa llum huma dawn:
1 Watchman trasferit għall-Watchmen Section
1 Heavy Plant Driver trasferit għall-Manufacturing & Servicing Department
2 Motor Transport Drivers trasferiti għall-Manufacturing & Servicing
Department
4 General Hands trasferiti għall-Construction & Maintenance Department
Dawn it-trasferimenti saru b'effett mill-14 ta' Jannar 2000.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-periti u inġiniera li jaħdmu fuq il-masterplan tad-drenaġġ fi ħdan id-Dipartiment tad-Drenaġġ ġew trasferiti mill-uffiċċji tagħhom f'Pinto House għal Project House proprju meta nħatar direttur ġdid f'dan id-dipartiment?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi t-trasferiment li qed jirreferi għalih ma sarx minħabba li nħatar Direttur ġdid fid-Dipartiment tad-Drenaġġ. It-twettieq tal-Master Plan tad-Drenaġġ kien qiegħed jiġi ko-ordinat mid-Direttur Ġenerali tax-Xogħlijiet, u kienet diġa' nħasset il-ħtieġa qabel li dawk li kienu qed jaħdmu fuqha jkunu qrib l-uffiċċju tiegħu.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-regolamenti tad-dixxiplina ġodda li nħarrġu għall-ħaddiema tal-Gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li r-Regolamenti ta' l-1999 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina) tqegħdu fuq il-mejda tal-Kamra f'seduta 175 tat-8 ta' Novembru 1999.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija nurmu 13123, jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jitħaddmu l-latrini ġodda fil-bajja ta' San Ġorġ f'Birġebbuġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-latrini l-ġodda mistennija jibdew jitħaddmu fil-bidu ta' Marzu 2000.
Provvista' ta' Ilma — Leakeages fil-Ġibjun ta' Kordin
Question
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 13126 jista' l-Ministru jispjega jekk il-leakages ta' l-ilma jirriżultawx li qegħdin fil-ġibjun ta' Kordin jew fis-sistema tad-distribuzzjoni li twassal l-ilma sal-ġibjun?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu ppjanat li jsir fil-każ ta' retaining wall li kkollassa fi triq prinċipali li tagħti għan-Naxxar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ħajt fil-parti l-kbira tiegħu huwa parti minn propjeta' privata li hemm ma' din it-triq. Id-Dipartiment tat-Toroq poġġa il-'barriers' sabiex min jgħaddi mit-triq ma jkunx f'periklu f'każ li taqa' xi ħamrija jew parti oħra mill-ħajt.
Id-Dipartiment tat-Toroq jinsab infurmat li s-sid ta' dan il-ħajt qed jieħu ħsieb biex dan il-ħajt ikun jista' jerġa jinbena.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istudju dwar il-waste management li għadu kif tlesta? X'inhuma l-konklużjonijiet ta' dan l-istudju?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dan l-istudju huwa mistenni li jkun pubblikat fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jagħti lista dettaljata tad-dokumenti u pjanti (inkluż numru) fix-xogħol ta' konsulenza li għamel il-perit Richard England f'St. James Cavalier u li għalih tħallas is-somma ta' Lm177,000?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dokumenti u pjanti li ġew ippreparati mill-uffiċċju ta' England & England, jinkludu dawn li ġejjin:
a. Concept Design 95 Sketches
b. Outline Development Application 7 pjanti
c. Full Development Application 22 pjanta
d. Sejħa għal konsulenti fuq
is-servizzi elettriċi u mekkaniċi 6 pjanti
e. Xogħol ta' Struttura 89 pjanta u speċifikazzjonijiet
f. Xogħol ta' Finishes 108 pjanta u speċifikazzjonijiet
g. Soqfa tat-Teatru u Atrium 11-il pjanta u speċifikazzjonijiet
h. Struttura fit-Teatru 17-il pjanta u speċifikazzjonijiet
i. Master Plan 15-il pjanta u għaxar kopji ta'
brochures bil-kulur li ġew
ippreżentati lill-Kabinet.
j. Exhibition 8 pjanti
Saru wkoll għadd ta' pjanti ta' dettal waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet.
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, il-ħlas li jirċievi Perit m'huwiex biss għal preparazzjoni ta' pjanti u dokumenti. Il-ħlas ta' Lm177,000. jinkludi wkoll diskussjonijiet ma' konsulenti oħra nvoluti fil-proġett, superviżjoni tax-xogħlijiet minn tliet Periti flimkien ma' uffiċjal tekniku, ċertifikazzjoni tax-xogħlijiet, kejl, ħlas għall-konsulenza fuq is-sistema ta' sigurta' f'każ ta' ħruq kif ukoll xogħol fuq mudell dettaljat ta' l-Atrium.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' muniti ta' diversi denominazzjonijiet tal-lira Maltija li nħarġu fiċ-ċirkulazzjoni f'Malta?
Response (DALLI, JOHN)
Jekk l-Interpellant qiegħed jirreferi għall-muniti li l-bank Ċentrali għadu fiċ-ċirkolazzjoni, l-figuri għal-31 ta` Jannar 2000 fid-diversi denominazzjonijiet huma dawn li ġejjin:
Denominazzjoni Ammont
Lm
2 mils 17,643
3 mils 21,888
5 mils 36,456
1 cent 480,846
2 cents 1st Series 458,857
2 cents 2nd Series 366,606
5 cents 1,162,681
10 cents 2,405,715
25 cents 1st Series 395,877
25 cents 2nd Series 2,041,299
50 cents 1st Series 1,064,540
50 cents 2nd Series 2,880,667
Lm 1 4,861,391
Total 16,194,466
X'inhu n-numru ta' health and safety officers kwalifikati li hemm mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet pubbliċi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda persuni kwalifikati bħala Health & Safety Officers mat-Taqsima tax-Xogħlijiet. Madankollu jidher li hemm il-ħtieġa li dan isir u xi ftit taż-żmien ilu diġa' bdew proċeduri biex dan jitwettaq.
Sadanittant, it-Taqsima tax-Xogħlijiet tinkoraġġixxi impjegati minn tagħha sabiex jattendu korsijiet fuq Health & Safety u fil-fatt bħalissa fit-Taqsima hemm tnejn min-nies li qed jattendu kors ta' sentejn fl-Universita' ta' Malta u bdew dan il-kors fl-1 ta' Ottubru 1999.