Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet għall-post ta' Care Workers li ħarġet fis-sejħa tas-7 ta' Jannar, 2000? Kemm hemm meħtieġa care workers skond din is-sejħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kien hemm 393 applikazzjoni għall-post ta' "Care Worker". Għalkemm is-sejħa oriġinali kienet ta' 15, id-Dipartiment ħass u għamel talba sabiex in-numru jiżdied għal 45.
Kemm kien in-numru ta' ħaddiema impjegati mal-kumpannija Gozo Channel fl-1 ta' Jannar 1996, fl-1 ta' Jannar 1997, fl-1 ta' Jannar, 1998, fl-1 ta' Jannar, 1999, fl-1 ta' Jannar, 2000 u llum?
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tat-trades jew xogħol ieħor li jagħmlu dawn il-ħaddiema?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Linformazzjoni għadha qed tinġabar u rrisposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija numru 18875, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' konsulenza li ġie mogħti lill-perit Richard England?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal Kamra kopja tal-kuntratt ta' konsulenza konnessjoni mal-bini taċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Arti (l-ewwel u t-tieni fazi) flimkien mal-ispazji ta' madwarr, inkluż Pjazza Ħelsien, li gie mogħti lill-Perit Prichard England kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija numru 19107?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li b'żieda għat-tweġibiet ghall-mistoqsijiet Parlamentari numru 18751 u 18763, saret spiża ta' Lm4,622, li għad m'hiex kompluta, sabiex jiġu ipprovduti facilitajiet għas-Sliema Wanderers Football Club minflok dawk li għandhom illum f'Tigne'
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-persuna li isimha qiegħed jingħata separatament li jaħdem fil-park nazzjonali f'Ta' Qali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-grad tal-persuna msemmijha huwa ta' 'Health Attendant B', li bhal issa dan qed jagħmel xogħol ta' Acting Supervisor fin-National Country Park Ta' Qali.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni lill-Pulizija TLA.62/99?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dwar l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant kien hemm oġġezzjoni mill-ġirien u għalhekk din ġiet riferuta lill-Bord ta` Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija. Infurmat ukoll illi l-Bord huwa mistenni li jagħti il-parir tiegħu fil-futur qarib.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 18751 jista' l-Ministru jagħti l-kumplament ta' l-ispiża tal-gvern għar-riabilitazzjoni ta' inkwilini (kemm dwak uffiċjali kif ukoll oħrajn) li se jiġu affettwati mill-proġett ta' Manoel Island u Tigne' Point?
B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 18598, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' konsulenza ngħatat id-ditta MVA (UK)?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Ditta MVA (UK) ngħatat konsulenza biex tmexxi 'traffic survey' tal-Junction f'Pjazza Palma, Msida. Din id-Ditta trid tagħmel ukoll 'Transit Analysis' tad-data li nġabret waqt dan is-survey.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 18598, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-kuntratt ta' konsulenza mogħti lill-Perit Richard England għax-xogħol fuq il-proġett ta' Bieb il-Belt ma ġiex inkluż? X'inhuma t-termini ta' dan il-kuntratt?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
B'referenza għad-domanda parlamentari numru 18598, nixtieq nelabora li d-ditta England and England ingħatat konsulenza fl-Arkitettura fuq iċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Arti li jinkludi l-Kavallier ta' San Ġakbu, is-sit ta' l-Opera House u l-Master Plan għad-daħla ta' Bieb il-Belt.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 17608, jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' l-esperjenza f'xogħol ta' restawr li għandu l-kuntrattur Malti li ngħata dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-kuntrattur Malti ma kienx meħtieġ li jkollu esperjenza fix-xogħol ta' restawr. Dan minħabba l-fatt li t-tip ta' xogħol ta' restawr li ser isir huwa speċjalizzat u għalhekk hija l-kumpanija Taljana li ser ikollha r-reponsabbilta' tiegħu. Il-kumpanija Maltija kienet maħsuba li sservi bħala appoġġ għall-kumpanija Taljana għal dak li għandu x'jaqsam ma' arranġamenti neċessarji biex din topera f'Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx bżonn ta' permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qabel ma jsir xogħol ta' restawr bħalma qiegħed isir fil-Knisja ta' Santa Caterina d'Italia, il-Belt? Jekk fl-affermattiv, f'liema każi ta' xogħol ta' restawr estensiv hemm bżonn permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li r-Restoration Unit tat-Taqsima tax-Xogħlijiet kien informa lid-Direttorat ta` l-Ippjanar li l-Knisja ta` Santa Caterina d`Italia kellu jsirilha xogħol ta` manutenzjoni. L-istess Unit kien issottometta wkoll method statement dettaljat tax-xogħlijiet li kellhom isiru f`dan ir-rigward u kif kellhom isiru.
L-Awtorita` awtorizzat li jsiru xogħlijiet preliminari ta` manutenzjoni iżda minħabba li x-xogħlijiet proposti jinkludu restawr estensiv esiġiet li ssir applikazzjoni formali f`dan ir-rigward.
B'riferenza għax-xogħol ta' restawr li qiegħed isir fil-Knisja ta' Santa Caterina d'Italia, il-Belt, jista'l-Ministru jgħid jekk sarx inventarju ta' dak kollu li hemm fil-knisja qabel ma tneħħew dawn l-affarijiet? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l-inventarju? Fejn qegħdin jinżammu l-oġġetti li tneħħew mill-knisja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li kien diġa' jeżisti inventarju ta' l-affarijiet li kien hemm fil-Knisja ta' Santa Caterina d'Italia. Ir-responsabbilta' ta' tneħħija ta' l-affarijiet kienet f'idejn l-Awtoritajiet tal-Knisja.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawk il-persuni li daħħlu s-servizz ta' l-ilma mingħajr ħlas matul l-amministrazzjoni preċedenti issa qegħdin jirċievu kont ta' Lm70.00 għal dan ix-xogħol li kien sar ħafna xhur u snin ilu?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba biex isir il-ħlas imsemmi qed issir skond kif provdut fl-Avviż Legali numru 58 ta' l-1999.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsia parlamantari numru 18598, jista' l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar iż-żewġ kuntratti ta' konsulenza meħtieġa lid-ditta Architecture Project?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Id-dettalji tal-kuntratti mal-Konsulenti Architecture Project:
Berġa ta' Kastilja
Il-kuntratt huwa għal xogħlijiet relatati ma' Proġetti ta' Riabilitazzjoni fil-Berġa ta' Kastilja, li jinkludi refurbishment tal-pjan terran kollu, mużew għall-kollezzjoni tal-Maiolica fil-basement, pavimentar tal-bitħa nterna, installazjoni ta' żewġ settijiet ta' lifts u fire escape staircase, ri-organizzazzjoni tat-tieni sular okkupat mis-Segretarjat tal-Prim Ministru, xogħol ta' restawr tal-bitħa nterna u refurbishment tat-toilets f'kull sular. Il-kuntratt formali ġie ffirmat f'Settembru 1996 għalkemm il-konsulenti bdew jagħtu s-servizz tagħhom żmien qabel. Dan il-kuntratt jintemm meta jitlesta x-xogħol.
Il-konsulenti huma meħtieġa li jippreparaw sketches, stimi tax-xogħol, jissottomettu applikazzjonijiet lill-Awtoritajiet konċernati, jippreparaw working drawings, speċifikazzjonijiet u bills of quantities, iħejju rapport fuq l-offerti, iwettqu superviżjoni waqt ix-xogħol, u jħejju ċertifikati tax-xogħol u reviżjonijiet oħra. Ta' dan ix-xogħol il-konsulenti huma mħallsa bir-rata ta' 9.5% fuq il-valur tax-xogħol, li hija r-rata kurrenti tal-Gvern għal xogħol u responsabbilitajiet oħra.
Triq ir-Repubblika
Il-kuntratt mal-konsulenti Architecture Project huwa għall-urban renewal ta' Triq ir-Repubblika bejn Triq Nofsinhar u Triq it-Teatru l-Antik. Ix-xogħlijiet jinkludu upgrading tal-pavimentar, installazzjoni ta' sistema ġdida ta' dawl tat-triq u street furniture. Il-konsulenti huma mitluba li jimxu mar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-board ta' għażla għall-kompetizzjoni ta' disinn urban li saret f'Diċembru 1997 u li għaliha ġie magħżul id-disinn preżentat mill-Architecture Project. Il-kuntratt ingħata f'Marzu 1998 u jintemm meta jispiċċa x-xogħol.
Architecture Project huma meħtieġa li jippreparaw sketches, stima tax-xogħol, jissottomettu applikazzjonijiet lill-Awtoritajiet konċernati, jippreparaw working drawings, speċifikazzjonijiet u bills of quantities, iħejju rapport fuq l-offerti, iwettqu superviżjoni waqt ix-xogħol, u jħejju ċertifikati tax-xogħol u reviżjonijiet oħra. Ta' dan ix-xogħol il-konsulenti huma mħallsa bir-rata ta' 5% fuq il-valur tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-talba għal twaħħil ta' bozza pubblika fis-Siġġiewi (1300/36/2/67)?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-file imsemmi fil-mistoqsija jirreferi għall-Mellieħa u mhux għas-Siġġiewi. Għaldaqstant biex issir l-investigazzjoni neċessarja, hemm bżonn ta' aktar informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li jagħmlu xogħol ta' tindif tad-drenaġġ bil-jetting bowser?
Kemm-il kilometru ta' mains ta' drenaġġ tnaddfu matul dawn l-aħħar tnax-il xahar?
Kemm hu l-ħlas dovut għal dan ix-xogħol u kemm fil-fatt tħallsu flus? Kif se isir l-iċċekkjar li t-tindif li suppost isir, ikun sar b'mod aċċettabbli?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kuntratturi li jagħmlu x-xogħol ta' tindif ta' drenaġġ bil-jetting bowser huma Unisal Ltd. u Polidano Bros. Ltd.
In-numru ta' kilometri ta' mains tad-drenaġġ li tnaddfu matul dawn l-aħħar tnax-il xahar hu ta' 240 kilometri għall-ammont ta' Lm192,500 li kollha tħallsu.
L-iċċekkjar li t-tindif isir, kif dejjem sar, billi d-Dipartiment ikollu supervisor mal-kuntratturi li jagħmlu x-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi liċenzjati sabiex jitbattlu l-fosos privati? Dawn il-kuntratturi jżommu records ta' liema fosos ikunu battlu? Jekk fl-affermattiv, id-dipartiment tħallsu kopja ta' dawn ir-records?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' kuntratturi li jbattlu l-fosos imqabbdin mid-Dipartiment tad-Drenaġġ fil-preżent huwa ta' tnejn, li huma s-Sur Bastjan Borg u l-Polisal. Magħhom id-Dipartiment tad-Drenaġġ għandu supervisor kull wieħed li jżomm ġurnata b'ġurnata l-fosos li jkunu tbattlu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-impjant tal-galleries f'Ta' Kandja hux imqabbad mas-sistema tad-drenaġġ? Jekk fin-negattiv, dan l-impjant imqabbad ma' fossa? Jekk hux hekk, kemm-il darba tbattlet din il-fossa f'dawn l-aħħar 12-il xahar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-impjant ta' Ta' Kandja mhuwiex imqabbad mas-sistema tad-drenaġġ iżda ma' fossa li f'dawn l-aħħar tnax-il xahar tbattlet erba' darbiet.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-inkjesta intemm li saret dwar l-inċident traġiku li seħħ fil-fossa tad-drenaġġ fiċ-Ċirkewwa?
F'liema stadju waslet l-inkjesta maġisterjali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-inkjesta Dipartimentali ntemmet. Ir-rapport kien ippreżentat u qiegħed jiġi studjat mid-Dipartiment. Sa fejn jien infurmat l-inkjesta Maġisterjali għadha mhix konkluża.