Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #20850 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru tal-Finanzi

Income Tax

Question

Jista’ l-Ministru jivverifika kif l-anzjana bin-numru tal-karta ta' l-identita anness separatament għadha tħallas kont ta' l-income tax meta din l-istess anzjana ilha tgħix bil-pensjoni għal ħafna snin?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li għandi nagħti informazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onor. Interpellant ikun awtorizzat mit-taxpayer allura r-risposta tingħata lilu privatament.

Retension Basis

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 20596, jista' l-Ministru jivverifika li l-ilma li se jitwassal minn Triq Salvu Psaila għal akwati fi Triq il-Wied ma jagħmilx ħafna ħsara u inkonvenjent peress li dawn il-culverts tant huma żgħar li lanqas biss ma jlaħħqu ma' l-ilma eżistenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-culverts ġo Triq il-Wied li ilhom hemm għal ħafna snin ma jistgħux ilaħħqu ma' l-ilma kollu li jaqa' fil-lokal, u għalhekk hemm il-bżonn li jinbnew aktar retention basins biex inaqqsu il-qawwa ta' l-ilma. Dan kien ukoll spjegat fir-risposta għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 20596.
Leg 9 PQ #20774 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Ġdid

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru.20593, jista' l-Ministru jgħid jekk fadalx aktar bini fl-isptar il-ġdid li jrid jitwaqqa' u jekk fl-affermattiv, x'inhu l-valur ta' dan il-bini?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li ma fadalx aktar bini x'jitwaqqa fl-Isptar il-Ġdid.
Leg 9 PQ #20776 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tax-xXogħlijiet Pubbliċi — Vettura

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol li għandha l-vettura tad-dipartiment tax-xogħlijiet pubbliċi u li għandha n-numru tar-reġistrazzjoni 259?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-vettura li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tintuża għall-bżonnijiet tal-Main Stores ta' l-Imrieħel. Il-vettura tintuża għal tqassim ta' materjal lid-Distretti, ġbir ta' kwotazzjonijiet għal xiri ta' materjal, ġbir ta' statements mingħand it-Tarmac Plant ect... Il-vettura trid titla' ukoll kuljum il-Furjana minn fejn jinġabru il-karti li jsiru għall-ordnijiet, il-GSPOs u jinġabu wkoll l-invoices għall-pagamenti.
Leg 9 PQ #20778 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Esproprijazzjoni ta' art

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet esproprijata art sal-lum għal bini ta' l-isptar ġdid f'Tal-Qroqq? Ta' liema persuna/kumpannija hija din l-art? X'kien id-daqs u l-valur ta' l-art ta' kull persuna/kumpannija li tteħditilha art b'dan il-mod?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kejl totali ta` l-art li ġiet dikjarata meħtieġa għall-isptar f`Tal-Qroqq minn meta saret l-ewwel dikjarazzjoni sa llum hu ta` circa 128,451 metri kwadri. Ninsab infurmat ukoll illi l-kejl totali ta` l-art li s`issa ġiet akkwistata permezz ta` kuntratti jew ċedoli ta` depożitu hu ta` circa 40,830 metri kwadri. It-tabella mmarkata "A" li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tindika l-art imqassma fi plots, il-kejl, il-valur u s-sidien. Dwar il-kumplament ta` l-art li l-kejl tagħha hu ta` circa 87,621 metri kwadri, ninsab infurmat illi għadhom qegħdin isiru r-riċerki neċessarji biex jiġu stabbiliti s-sidien attwali u jinħarġu l-Avviżi għall-Ftehim. Peress li l-valur ta` kull biċċa art għad jista` jinbidel, ma nħossx li f`dan l-istadju hu prudenti li jingħata l-valur ta` dawn l-artijiet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella mmarkata "B" li tindika l-art imqassma fi plots u l-kejl.
Leg 9 PQ #20780 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Dingli - Vetturi Abbandunati

Question

Jista' l-Ministru jara li jitneħħew iż-żewġ vetturi abbandunati (waħda safra u oħra blu) li hemm fejn Villa Psaigon, Dingli?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vetturi li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant tneħħew.
Leg 9 PQ #20782 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Dingli - Vettura

Question

Jista' l-Ministru jara li jitneħħa l-van blu li hemm abbandunat fi Triq il-Ġnien, Dingli?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vettura li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, tneħħiet.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li n-numru ta' l-identita' tagħha qed jintbagħat separatament qiegħed jingħad li tħallset pensjoni żejda meta din il-persuna ikkontribwixxiet għal żewġ pensjonijiet (tal-bolli u tas-servizz)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex ġentilment jgħaddi b'mod kunfidenzjali aktar dettalji tal-każ imsemmi sabiex tkun tista' tingħata risposta.
Leg 9 PQ #20754 Sitting 415 2000-11-01 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Miżbliet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża tal-gvern sabiex jiġu mmexxija l-miżbliet f'Malta u Għawdex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ispiża biex jitmexxew il-miżbliet f'Malta matul is-sena 1999 laħqet is-somma ta' Lm237,777. Rigward l-ispiża dwar Għawdex nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru koncernat.
Leg 9 PQ #20755 Sitting 415 2000-11-01 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Sant Antnin — Kompost

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-ispiża sabiex tiġi prodotta tunnellata kompost mill-impjant ta' Sant Antnin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ispiża sabiex giet prodotta tunellata kompost matul is-sena 1999 kienet ta' Lm130.26. Ta' min jinnota li l-piż tal-kompost mibjugħ jista jvarja ħafna bil-kontenut ta' l-umdita ta' dan il-materjal.
Leg 9 PQ #20746 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Cruise Liner Passenger Terminal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-Cruise Liner Passenger Terminal?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li in-negozjati waslu fi stadju avvanzat.
Leg 9 PQ #20747 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Connections

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett Connections?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Bord tar-Rikomandazzjoni qiegħed fi stadju finali tal-valutazzjoni tas-sottomisjonijiet tal-consortia li gew 'short listed', partikularment in vista tad-'development brief' kif ippublikat mill-Awtorita tal-Ippjanar. Dan il-Bord mistenni jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 9 PQ #20748 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Xogħolijiet — Auberge d'Italie

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jitlesta' x-xogħol f'Auberge D'Italie li issa ilu għaddej aktar minn tliet snin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-proġett ta' restawr ta' l-Auberge D'Italie jinvolvi diversi xogħlijiet li għandhom jiġu konklużi din is-sena. Minħabba illi daħħlet liġi ġdida li tirriggwardja l-aċċessibilita' ta' postijiet pubbliċi jrid isir lift illi jilħaq is-sulari prinċipali tal-bini. Il-permessi meħtieġa għal dan il-lift għad iridu joħorġu mill-Awtorita ta' l-Ippjanar. Xogħol ta' restawr fuq tnejn mill-faċċati ta' barra u wahda mill-faċċati tal-bitħa iridu jsiru s-sena d-dieħla.

Santa Venera — Psaila Street Traffic Island

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi verifikat id-disinn tat-traffic island li hemm fit-tarf ta' Psaila Street, Santa Venera li tagħti għal fuq il-bridge peress li mhux possibbli għal vetturi kbar li jkunu telgħin mit-telgħa li tagħti mit-triq ta' taħt fid-direzzjoni ta' l-Imsida li jduru għal Psaila Street?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-punt imqajjem mill-Onor. Interpellant diġa ġie nnotat, u d-Dipartiment tat-Toroq diġa għamel il-modifakazzjonijiet meħtieġa fid-disinn biex il-kurva titranġa.
Leg 9 PQ #20751 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Miżbla tal-Magħtab

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi s-somma ta' flus dovuta lill-gvern minn dawk li jidħlu jitfgħu l-iskart fil-miżbla tal-Magħtab?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li s-somma ta' flus dovuta lill-Gvern minn dawk li jidħlu jitgħfu l-iskart fil-miżbla tal-Magħtab hija ta' Lm782,072.47.
Leg 9 PQ #20753 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Maniġġar ta' l-Iskart — Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-ispiża tal-gvern sabiex jiġi mmaniġġat l-iskart kollu li nipproduċu f'Malta u Għawdex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ispiża biex jiġi maniġġjat l-iskart kollu ta' Malta matul is-sena 1999 kienet għal madwar Lm1,550,000. Rigward l-ispiża dwar l-immaniġġjar ta' l-iskart f'Għawdex nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #20593 Sitting 411 2000-10-30 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 20482?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ta' min jinnota li dan it-twaqqiegħ primarjament, ġie kkawżat mid-deċiżjoni tal-Gvern Preċedenti meta ddeċieda li jkabbar l-isptar il-Ġdid u ma jħalliħx sptar ta' 480 sodda. Infurmat li l-bini li issa twaqqa' fit-tibdil tal-pjani li saru għall-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq ġie jiswa Lm392,420 (i.e. Blokk C u ċ-ċumnija taħt il-ftehim l-antik). L-ammont biex twaqqa' dan il-bini telgħa għal Lm83,497.
Leg 9 PQ #20594 Sitting 411 2000-10-30 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 20478?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li persuna li tkun se timpjega ruħa mal-Gvern mistennija tkun ta’ karattru morali tajjeb u għandha tippreżenta ċertifikat tal-kondotta maħruġ mill-Pulizija. Dan ma jfissirx li m’hemmx persuni mpjegati mal-Gervn li kienu servew sentenza ta’ ħabs. Jieħdux jew iżommux l-impjieg tagħhom mal-Gvern jiddependi minn natura ta’ l-offiża u mill-grad ta’ l-impjegat. L-Uffiċċju tiegħi ma jżommx l-istatistika mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Retension Basins

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 20481, jista' l-Ministru jgħid l-ilma li se jinġemgħa fir-retension basins fejn se jitwassal (lokalita)?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ilma tar-retention basins ser jitwassal għal culverts eżistenti li hemm fi Triq il-Wied u li permezz ta' dawn ir-retention basins ma jkunx qed jieħdu volum sustanzjali ta' ilma aktar milli jieħdu llum waqt ix-xita. Il-pjan tad-Dipartiment tat-Toroq hu li titjieb sistema ta' culverts u li jinbnew diversi basins fi Triq il-Wied u jitjieb ukoll l-użu tal-basins eżistenti ħdejn il-pont sabiex ikun ikontrollat l-ilma tax-xita f'dan il-wied.
Leg 9 PQ #20666 Sitting 411 2000-10-30 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Kontijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 20486?

Response (BONNICI, JOSEF)

Naħseb li l-Onorevoli Interpellant japprezza li l-informazzjoni kif mitluba tieħu perjodu ta' żmien biex tinġabar, meta jittieħed in kusiderazzjoni l-fatt li minbarra li tkopri perjodu ta' erba' snin, l-informazzjoni tinkludi numru ta' dettalji. In vista ta' dan, it-tweġiba tingħata meta tali informazzjoni tkun inġabret kollha.