Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm il-kuntratt ġie iffirmat mas-settur privat li bih l-awtorita' ta' djar akkwistat propjeta privata għall-skop ta' social housing? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull kuntratt / konvenju iffirmat sal-llum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24282, f'Seduta Numru 511. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti relattivi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-perċentaġġ ta' ilma prodott mill-impjanti tar-reverse osmosis meta' mqabbel mall-perċentaġġ ta' ilma imtellgħa mill-art mill-bidu tas-sena sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bejn l-1 ta' Jannar u l-10 ta' Mejju tas-sena kurrenti, il-produzzjoni ta' l-ilma li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għaddiet għas-sistema pubblikata tad-distribuzzjoni kienet hekk:
Ilma mill-impjanti tar-Reverse Osmosis 46.4 fil-mija jew 5,318,104 metri kubi
Ilma ta' taħt l-art (underground) 53.6 fil-mija jew 6,138,491 metri kubi.
Tajjeb jingħad li matul dan il-perjodu kien hemm madwar 20 jum li matulhom kien hemm nuqqas ta' produzzjoni ta' 18,000 metri kubi ta' ilma kuljum mill-impjanti tar-Reverse Osmosis minħabba azzjonijiet industrijali.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk f'dawn l-aħħar xhur il-korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kkummissjonatx xi studju fuq il-kwalita' ta' l-ilma?
Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l-istudju?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kkummissjonat tlitt kumpaniji barranin biex jagħmlu testijiet dwar il-kwalita' ta' l-ilma f'Malta u Għawdex.
Ir-riżultati prinċipali ta' dawn l-istudji diġa' ġew ippubblikati fir-Rapport Annwali tal-Korporazzjoni li kopja tiegħu kienet tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-perċentaġġ minn kull fażi ta' xogħlijiet Psaila Street, B'Kara li tlesta sa issa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fl-ewwel u t-tieni fażi ta' Psaila Street saru 95% u 90% tax-xogħol fihom rispettivament. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq it-tielet fażi fejn tlesta 30% tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari nru. 25604, jiġifieri meta hu previst li jispiċċaw ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fl-estensjoni tal-Qorti?
Response (GATT, AUSTIN)
It-tender ghall-finishing works inhareg mid-Dipartiment tax-Xoghlijiet u qieghed fil-process li jigi aġġudikat. Jien infurmat illi d-Dipartiment jistenna illi x-xogholijiet jitlestew fi zmien sitt xhux minn meta jinghata t-"tender".
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 25599, jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-toroq ta' kull lokalita msemmija fir-risposta?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-valur ta' ilma li hu kklakulat li jiġi ippumpjat kull sena min boreholes privati kollha, inkluż dawk imħafrin illegalment?
Għal kemm jammonta t-telf ta' revenue tal-KSi minħabba dan l-aġir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li m'hemm l-ebda permess biex jinġibed ilma minn boreholes privati, anke jekk dawn ġew irreġistrati fl-1997.
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma m'għandha l-ebda figuri ta kemm qiegħed jiġi ppumpjat ilma kull sena mill-boreholes privati kollha, inklużi dawk illegali. Għaldaqstant il-Korporazzjoni ma tistax tkun taf kemm jammonta t-telf ta' revenue minħabba dan l-ippumpjar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rapurtati inċidenti tat-traffiku madwar ir-roundabout tal-Kappara (fejn it-tankijiet tal-gas) minn Settembru 2000 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Settembru 2000, u l-11 ta' Mejju 2001, gew irrappurtati lill-Pulizija 74 l-incident stradali hdejn ir-roundabout li rrefera ghaliha l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-valur ta' l-ilma li jintilef minħabba serq u leakages mis-sistema ta' distribuzzjoni ta' l-ilma tat-tieni klassi ta' l-impjat tad-drenaġġ? X'inhu t-telf ta' revenue għal -KSI minħabba din is-sitwazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma għandiex informazzjoni dwar kemm huwa l-valur ta' l-ilma li jintilef b'riżultat ta' serq u leakages mis-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma tat-tieni klassi ta' l-impjanta tad-drenaġġ.
Madanakollu, minn kalkoli li saru bejn dak li joħroġ mill-impjant u dak li qed jasal fil-ġibjuni biex imbagħad jiġi distribwit, jirriżulta li hemm partijiet mis-sistema fejn it-telf ilaħħaq il-ħamsa u sittin fil-mija. Ma' dan irid jiżdied it-telf ta' ilma li jirriżulta fil-parti tas-sistema bejn il-ġibjuni u l-għelieqi. Din il-parti tas-sistema hija magħmula minn kanali miftuħa li ħafna drabi jfuru. Din is-sitwazzjoni qed tiġi kkunsidrata fl-istess rapport li saret riferenza għalih fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 25668 waqt is-Seduta numru 537.
Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni qiegħda tieħu l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kontra sid ta' l-art li hemm fi Triq il-Gradilja c/w Triq il-Pitkali f'Ħ'Attard peress li jidher li qiegħed jikser il-kundizzjonijiet tal-permess ta' l-iżvilupp?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet Avviż biex Tieqaf u ta` Twettieq b`referenza ECF 95/01, datat 31 ta` Jannar 2001, talli sar żvilupp mingħajr permess li jikkonsisti fi twaqqiegħ ta` kamra u bini ta` kamra akbar u 'boundary wall' għoli aktar minn kif approvat fil-permess PA 6988/97.
Billi ma saret l-ebda applikazzjoni sanatorja jew appell mill-Avviż ta` Twettieq, il-file relatat ġie riferut għall-azzjoni diretta.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tar-raba? Meta hu previst li jintemm dan ix-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
L-applikazzjonijiet ghar-registrazzjoni tar-raba, li kif jaf l-Onor. Membru jlahqu aktar minn hdax-il elf, tqassmu skond il-lokalitajiet u beda x-xoghol fuq id-digitising u d-data entry. Malli tkun lesta l-ewwel lokalita', l-informazzjoni tohrog ghall-public screening kif avzat aktar qabel. Mhux possibli f'dan l-istadju li jigi previst meta ser jitlesta x-xoghol kollu.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-konsum ta' l-ilma fil-lukandi matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, jekk hu possibli kull kategorija ta' lukanda separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul is-sena 2000 il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bagħtet kontijiet għal konsum ta' 1,409,670 metri kubi ilma fil-lukandi. Il-Korporazzjoni ma żżommx rekord dwar il-kategorija tal-lukandi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq il-faċċata tal-Bank Ċentrali hux kopert bil-permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret mill-Ispettur tal-bini ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar inkarigat mill-area, irriżulta li x-xogħlijiet li qed isiru fil-Bank Ċentrali jikkonsistu f`restorazzjoni u tikħil tal-faċċata skond kif approvat fin-notifika bir-referenza GDO 185/01 datata 22 ta` Frar 2001.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk saritx serq ta' flus mill-uffiċju tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta? Jekk fl-affermattiv, saret inkjesta u x'kien ir-riżultat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li naqsu xi flus mill-Ufficcju tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. Dwar dan il-Kunsill ghamel rapport lill-Pulizija li qed tinvestiga l-kaz.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment ta' l-artijiet għandux xi policy għal fidi ta' ċens fuq propjeta kummerċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta` l-Artijiet ma għandu l-ebda policy għal fidi ta` ċens fuq proprjeta` kummerċjali.
Il-fidi ta` ċens "ex lege" jista` jsir biss fejn il-proprjeta` tkun mogħtija b`ċens perpetwu. Għalhekk fejn ikun hemm proprjeta` kummerċjali li tkun ġiet mogħtija b`ċens perpetwu, din tista` tinfeda skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli għal 1) ġibjuni pubbliċi għal ħażna ta' l-ilma tax-xita? ii) Is-sistema tad-distrubuzzjoni ta' l-ilma tat-tieni klassi? X'qiegħed isir sabiex dawn -istrutturi jinżammu fi stat tajjeb?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li bil-Liġi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ta' l-1992, dawk il-ġibjuni pubbliċi li jintużaw għall-ħażna ta' l-ilma tax-xita għaddew għand l-imsemmija Korporazzjoni. Madankollu, peress li l-Korporazzjoni m'għandiex riżorsi biex tagħmel manutenzjoni fuq il-ġibjuni kollha, qed jiġi studjat l-aħjar mod sabiex il-Kunsilli Lokali jipparteċipaw fil-manutenzjoni u l-użu ta' dawn il-ġibjuni, biex il-ġbir ta' l-ilma tax-xita jsir bl-aħjar mod fiċ-ċirkustanzi. Naturalment, il-ġibjuni xorta jibqgħu proprjeta' tal-Korporazzjoni.
L-unika sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma tat-tieni klassi ta' ċertu mportanza hija dik li twassal l-ilma li ġej mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ. Għadu mhux ċar ta' min hi r-responsabbilta' ta' din is-sistema. Sa llum l-impjant huwa mmexxi mid-Dipartiment tad-Drenaġġ filwaqt li l-ilma jitqassam mid-Dipartiment ta' l-Agrikultura. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għamlet u qed tagħmel xi manutenzjoni fuq din is-sistema. Qed jitħejja rapport sabiex tkun stabbilita' l-possibilta' li s-sitema titjieb u fl-istess ħin tittieħed deċiżjoni dwar taħt liema awtorita' għandu jaqa' dan is-settur u dan fl-interess ta' l-effiċjenza fl-operat ta' l-istess settur.
Jista' l-Ministru jispjega x'kien ir-rwol tiegħu fl-għotja li d-ditta Elbros għamlet għall-ispeejes ta' Salinos Ground peress li din id-donazzjoni ġiet ippreżentata mill-ministru?
Response (GATT, AUSTIN)
Personalment, kull ma ghamilt f`dan il-kaz hu li peress li nghix il-Belt intlabt mill-Valletta F.C. biex insib `sponsor` biex jghin fl-ispejjes li kienu qed jghamlu fis-Salinos Ground. Jien cert li kull deputat f`din il-kamra kellu u jibqa jkollu talbiet simili u kull deputat jaghmel li jista biex jghin assocjazzjonijiet sportivi u ohrajn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qiegħed jintilef ilma tax-xorb kull sena minħabba leakages u serq mis-sistema tad-distribuzzjoni? X'inhu t-telf ta' revenue għal KSI minħabba din is-sitwazzjoni
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, bl-għajnuna ta' konsulenti barranin, stabbiliet li l-"unavoidable leakage level" għas-sistema tad-distribuzzjoni f'Malta huwa ta' tlitt mitt metri kubi fis-siegħa. Din iċ-ċifra hija bbażata fuq l-aħħar informazzjoni li għandna.
L-aħħar riżultat li għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma huwa li t-telf ta' l-ilma mis-sistema tad-distribuzzjoni fuq bażi nazzjonali tniżżel minn 1,345 metri kubi fis-siegħa f'Lulju li għadda u 1,660 metri kubi fis-siegħa fl-istess xahar ta' l-1999 għal 1,200 metri kubi fis-siegħa bħalissa.
Il-"marginal cost" ta' l-ilma mill-impjant tar-Reverse Osmosis huma ta' 20 ċenteżmu kull metru kubu. Għalhekk bħalissa t-telf jammonta għal Lm4,320 kull jum.
Ta' min jgħid li hija l-mira tal-Korporazzjoni li sa tmiem l-2003, il-"leakage level" jinżel għal 800 metru kubu fis-siegħa. Huwa maħsub li biex jinżel aktar minn hekk, ikun meħtieġ li s-servizzi tal-ħadid galvanizzat jinbidlu kollha. Sabiex isir dan jista' jkun meħtieġ żmien sa aktar mis-sena 2003.
Jista' l-Ministru jgħid fejn u kemm hu t-tul ta' mains tad-drenaġġ li ġew imnaddfa permezz tal-jetting bowser matul dawn l-aħħar tnax il-xahar kull post separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-tul ta' mains ta' drenaġġ li ġew imnaddfa tul tnax-il-xahar bil-jetting bowser huma:
Luqa 17.1 km.
San Pawl il-Baħar 33.8 km. u 33.3 km.
Mellieħa/Għadira 2.4 km.
Fleur de Lys 3.3 km.
Attard/Balzan 25.3 km.
Wied il-Għajn 1.8 km.
Siġġiewi 10.8 km.
Marsa 9.2 km.
Rabat 4.9 km.
Gżira 13.8 km.
Swieqi 9.6 km.
Sliema 23.5 km.
Naxxar 16.2 km.
Swatar 2.6 km.
Żebbuġ 14.2 km.
Marsaxlokk 6.6 km.
Mqabba 6.6 km.
B'Buġia 10.4 km.
Żejtun 11.5 km.
Żabbar 15.9 km.
Tarxien 21.0 km.
Qrendi 6.7 km.
Birkirkara 17.3 km. u 31.9 km.
Għaxaq 6.2 km.
Ħamrun 24.7 km.
Msida 17.8 km.
Cospicua 2.7 km.
Marsaxlokk 6.4 km.
Paola 5.4 km.
Xgħajra 5.3 km.
Qormi 20.1 km.
Kirkop 2.0 km.
Barra dawn isir tindif ieħor kemm b'bowsers tal-Gvern kif ukoll b'dawk privati skond l-esiġenzi li jinqalgħu minn ġurnata għall-oħra. Ta' dawn ma jinżammux dettalji ta' tulijiet peress illi jkunu akkumulazzjonijiet ta' biċċiet qosra.