Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-ammont ta' flus li tħallas il-perit Richard England sal-lum għax-xogħol li għamel f'St James Cavalier u Bieb il-Belt separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ammont ta' flus li tħallas il-Perit Richard England sa llum għax-xogħol li hemm f'St. James Cavalier huwa ta' Lm203,138. waqt li l-ammont li tħallas għax-xogħol li għamel fuq il-proġett ta' Bieb il-Belt huwa ta' Lm69,000. Dawn l-ammonti jinkludu t-taxxa tal-VAT jew ETS.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 26743, jista' l-Ministru jgħid għaliex proprju din is-sena biss inħasset il-ħtieġa li t-triq arterjali Imdina Road, Ħaż-Żebbuġ ingħalqet għat-traffiku?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f`din l-okkażżjoni l-Pulizija ħasset il-ħtieġa illi t-triq tingħalaq.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26742?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għadha mhux qed tħaddem is-sistema ta' telemetry.
Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni kienet waqqfet il-kuntratt mal-kuntrattur oriġinali peress li anke wara li kien ingħata żmien twil biex jirranġa s-sitwazzjoni, dan wera li ma kienx ser jagħti sistema tajba u sodisfaċenti li taqdi l-bżonnijiet tal-Korporazzjoni.
Il-hardware u l-istrumenti li ġew provduti kienu ċċertifikati bħala aċċettabbli mill-Korporazzjoni, pero' is-software ma kienx. Ta' dik il-parti li kienet sodisfaċenti, il-Korporazzjoni ħallset 140,840 Euros, jiġifieri erbgħin fil-mija biss tal-parti tal-kuntratt li kellha tħallas hi, waqt li l-Injoni Ewropea ħarġet sittin fil-mija tal-kumplament, jiġifieri 505,809 Euros.
Sabiex iġġib is-sistema tiffunzjona tajjeb, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ħadet dawn il-miżuri:
1. ikkoreġiet il-wiring u l-wiring diagrams
2. iċċekkjat l-operat, u fejn kien hemm bżonn sewwiet, ta' tmenin fil-mija ta' l-istrumenti u kkalibrathom
3. irranġat il-pożizzjoni u l-wiring tar-Radio Base Station u ċċekkjat ir-radios kollha
4. qed tirranġa l-provvista ta' sample u drains għall-istrumenti analitiċi kollha
5. ittestjat u sewwiet ħdax-il outstation tad-distribuzzjoni. Dawn għandhom jibdew joperaw sa l-aħħar ta' Lulju fuq sub system għalihom.
6. ippreparat specifications u dalwaqt ser toħroġ għall-offerti għax-xiri ta' software u xi engineering ieħor meħtieġ wara l-bidla tas-software prinċipali. Il-flus li l-Korporazzjoni ma ħallsitx lill-kuntrattur ser jiġu użati għal dan ix-xiri.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tan-nefqa fit-toroq li saret matul din is-sena (2001) kull triq separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress illi x-xogħolijiet fit-toroq isiru b'kuntratt li jinkludi fiħ diversi gruppi ta` toroq kull darba, mhux possibbli li jingħata l-breakdown tan-nefqa kif mitlub mill-Onor. Interpellant, għall kull triq separatament, madankollu ser nara li tinġabar l-informazzjoni fl-akbar dettal possibli, u mbagħad inqegħda fuq il-mejda tal-kamra f` xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26738?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li mill-aħħar eżami għall-Postal Operators li kien sar f'Mejju ta' din is-sena, għaddew tnejn u ħamsin u dan l-eżami jibqa' validu sal-31 ta' Diċembru li ġej. Sa llum ġew impjegati tmien pustiera. Vakanzi fil-grad ta' pustier jimtlew minn żmien għal żmien skond il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-eżami għal-store officers li sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma xi żmien ilu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li r-riżultat ta' l-eżami għal store officers mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ġie ppubblikat fit-23 ta' Mejju ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jikkonferma li s-sistema tat-telemetrija installata fil-ġibjun mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mhux qiegħda tiffuzjona tajjeb? Jekk fl-affermattiv, x'azzjoni qiegħda tittieħed biex din is-sistema titranġa? Min installa din is-sistema u kemm ġiet tiswa flus?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala ingħalqet Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ nhar il-Ħadd, 10 ta' Ġunju 2001 fil-festa ta' San Filep meta din it-triq hi waħda arterjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-għeluq tat-triq imsemmija kienet miżura temporanja bħala prekawzjoni għal waqt il-ħruq tan-nar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna għaddew mill-eżami għal Principal Technical Officer fl-Estates Management Department. Kemm min dawk li għaddew se jingħataw din il-ħatra u kemm ġew maħtura s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-eżami li kien sar għal Principal Technical Officer fl-Estate Management Department kienu għaddew tlett persuni. Il-ħatriet li jsiru f`din il-pożizzjoni, bħal fi kwalunkwe pożizzjoni oħra, isiru skond l-esiġenza tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern li magħha jagħmel l-Estate Management Department u sa issa inħatret biss persuna waħda mit-tlieta li għaddew mill-eżami.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod ġie maħtur il-perit li ismu qed jintbagħat separatament sabiex jagħmel rapport fuq l-istat ta' Vilhena Palace ġewwa l-Imdina? Kemm se jiswa x-xogħol ta' konsulenza li se jagħmel dan il-perit?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bħalissa m'hemm l-ebda perit li qiegħed jagħmel rapport jew jagħti xi konsulenza fuq il-Palazz Vilhena oltre dak kif weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26737.
Kien sar rapport xi ftit tax-xhur ilu mill-Perit indikat lili mill-Onorevoli Interpellant li għalih dan il-Perit tħallas is-somma ta' Lm275. Dan il-Perit kien tqabbad direttament mill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina.
Jista' l-Ministru jgħid kif intgħażlet id-ditta Taljana IRMA sabiex tagħmel xogħol investigattiv dwar l-istat perikoluż ta' l-istrutturi ta' fortifikazzjonijiet fl-Imdina? Kemm se jiġi jiswa x-xogħol li se twettaq din il-kumpanija? Meta se jinbeda dan ix-xogħol u meta hu maħsub li jitlesta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li qed isir jew li għad irid isir fuq l-Imdina speċifikament madwar dik l-area tal-Palazz ta' Vilhena jidħol fl-ambitu tal-ftehim li t-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent għandha ma' l-Universita' ta' Bologna bħala parti mill-Protocol Finanzjarju bejn Malta u l-Italja taħt it-Titolu ta' 'Forti u Fortifikazzjonijiet - Le Fabbrica delle Mura'.
L-għażla tal-konsulenti biex jaħdmu fuq ix-xogħol intenzjonat ħdejn il-Palazz Vilhena tħalliet f'idejn l-Universita' ta' Bologna stess. Id-ditta IRMA ġiet identifikata bħala li hija kompetenti u attrezzata kemm bin-nies esperti fil-qasam kif ukoll b'makkinarju u strumenti addattati biex tkun tista tagħmel ix-xogħol meħtieġ. Dan ix-xogħol jikkomprendi indaġini tat-terren, indaġini ġeoloġika, indaġini strutturali kif ukoll monitoraġġ ta' dak kollu li qiegħed isir madwar l-area. Dan l-istudju għandu jagħtina l-informazzjoni kollha ta' x'qiegħed jiġri b'mod naturali madwar il-post biex tkun tista' tiġi stabbilita l-kawża eżatta tal-kroll tas-sur u tal-Palazz innifsu. Dan biex tkun tista' tiġi fformulata soluzzjoni għal dan il-kroll u jsiru x-xogħlijiet ta' intervent meħtieġ.
Kif jista' japprezza l-Onorevoli Interpellant dan ix-xogħol ma jistax isir minn persuna jew kumpanija waħda u għal dan il-għan twaqqaf Kumitat Xjentifiku u Tekniku bejn it-Taqsima tax-Xogħlijiet, permezz tad-Direttur Ġenerali u Periti mir-Restoration Unit u mill-Istructural Unit, mill-Perit Dennis De Lucca għan-nom tal-Proġett tar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina, mill-Prof. Giampiero Cuppini għan-nom ta' l-Universita' ta' Bologna u minn rappreżentant tal-Kumpanija IRMA stess.
Għal dan ix-xogħol il-kumpanija IRMA ser titħallas is-somma ta' 700,000,000 Liri Taljani (circa Lm143,500.)
Barra x-xogħol elenkat hawn fuq, qed issir kampanja ta' kontroll ta' livelli madwar l-Imdina kollha biex jiġi stabbilit jekk hemmx xi ċaqlieq ieħor f'postijiet oħra. Dan qed isir minn ħaddiema tal-Gvern permezz ta' l-għajnuna wkoll ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Partijiet minn dawn ix-xogħlijiet u studji diġa' nbdew u partijiet oħra ser jinbdew matul il-jiem li ġejjin u mistenni li l-proċess kollu jkun konkluż f'perjodu ta' erbgħa u għoxrin xahar. Dan ser jagħtina riżultati, li jkunu jkopru perjodu ta' żmien twil biżżejjed li jkun jinkludi l-istaġuni kollha tas-sena.
Madankollu mhux neċessarjament li wieħed irid jistenna l-erbgħa u għoxrin xahar jgħaddu kollha sabiex tiġi fformolata strateġija ta' l-interventi li jkun hemm bżonn isiru biex jiġi stabbilizzat is-sur.
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant huwa konxju tal-ħsara li saret s'issa fuq il-Palazz Vilhena għax seta' jikkonstata l-istess ħsara meta kien Ministru responsabbli għax-Xogħlijiet u dan li qed isir illum huwa kontinwazzjoni tax-xogħol u intervent li kien beda hu u għandi assigurazzjoni mit-Taqsima tax-Xogħlijiet li jkun ta' pjaċir għalihom li jispjegawlu l-proċess li rridu ngħaddu minnu.
Jista' l-Ministru jgħiud kemm-il persuna għaddew mill-eżami għal post persons li sar mill-Maltapost xi żmien ilu? Għal kemm żmien se jibqa jgħodd dan l-eżami? Kemm ġew impjegati post-persons s'issa? Kemm hu l-ammont ta persuni li hu maħsub li se jiġu impjegati?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament li ilha sentejn taħdem bħala purtinara part-time fl-iskola primarja ta' Ħaż-Żebbuġ hijiex se ssir full-time?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-applikazzjoni maħruġa fil-Gazzetta tal-Gvern għal ingaġġ ta' purtinara-każwali tipprovdi biss għal impjegati part-time.
Jista' l-Ministru jivverifika r-raġuni għala d-drenaġġ qiegħed jiskula fil-basement ta' Flat 1, Binja 7, Triq l-Imsaġar, Ħ'Attard?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li peress li d-Dipartiment tad-Drenaġġ qatt ma daħallu ilment ta' infiltrazzjoni fil-post imsemmi, qiegħed jiġi investigat mill-uffiċjal inkarigat ħalli tinstab ir-raġuni ta' dan.
Id-Dipartiment tas-Sanita' għandu jingħata kopja ta' din il-mistoqsija ħalli min-naħa tagħhom jinvestigaw jekk l-infiltrazzjoni hiex ġejja min-naħa tal-privat, u jekk le, jintbagħat 'nuisance report' lid-Dipartiment tad-Drenaġġ kif ġeneralment isir.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 26437, jista' l-Ministru jgħid jekk il-bini quddiem l-uffiċji ta' l-ETC f'Ħal Far hux mikri lil terzi għax jidher li qiegħed jiġi użat? Jekk fl-affermattiv, b'liema kundizzjonijiet hu mikri dan il-bini?
Response (BORG, TONIO)
Billi quddiem l-uffiċċji ta` l-ETC f`Ħal Far hemm aktar minn bini wieħed li huwa proprjeta` tal-Gvern, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħti iżjed tagħrif dwar il-bini li qed jirreferi għalih.
Jista' l-Ministru jara li jitella' l-ħajt ta' sejjiegħ li hemm fl-għalqa minn fejn għaddiet Triq il-Pellegrinaġġ tar-Roti peress li din l-għalqa ilha f'dan l-istat min meta nfetħet din it-triq? Kopja tas-site plan qed tintbagħat separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara il-Każ imqajjem mill-Onor. Interpellant speċjalment biex jiġi stabbilit jekk il-ħajt li qed jirreferi għaliħ huwiex responsabbilita` tal-Gvern li jittella jew le.
Jista' l-Ministru jgħid għala l-persuna li d-dettalji qegħdin jingħataw separatament u li jaħdem bħala beach cleaner ingħata transfer mix-xogħol tiegħu f'Għajn Tuffieħa għall-Għadira u l-Armier meta sħabu l-oħrajn kollha baqgħu fejn kienu?
Id-dipartiment jipprovdi trasport għal dawn il-ħaddiema f'każi bħal dawn fejn id-distanza mid-dar sal post tax-xogħol hija konsiderevoli u anke m'hemmx servizz ta' trasport pubbliku?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat li l-persuna li għaliha rrefera l-Onor. Interpellant intalbet tirraporta għax-xogħol f’post qrib ħafna ta’ fejn kienet taħdem sa ftit qabel minħabba diżgwid li l-persuna stess kienet qiegħda toħloq. It-talba m’għandha b’ebda mod tiġi interpretata bħala trasferiment, l-ewwelnett għaliex il-persuna kienet stazzjonata f’Għajn Tuffieħa u baqgħet stazzjonata f’Għajn Tuffieħa, u t-tieni għaliex il-ħtieġa li r-riżorsi umani jintużaw biex il-bajjiet kollha jinżammu ndaf titlob li beach cleaner m’għandux jistenna li jaħdem dejjem fl-istess bajja.
Infurmat ukoll li l-persuna msemmija fil-Mistoqsija ngħatat l-opportunita’ li taħdem fi tmiem il-ġimgħa biss fl-Għadira għaliex xtaqet taħdem fi tmiem il-ġimgħa x’imkien, ladarba ma kienx possibbli li taħdem Għajn Tuffieħa.
Dwar ir-riferenza li saret għat-trasport, jien infurmat li, fiż-żmien li ħadmet f’Għajn Tuffieħa, il-persuna msemmija fil-Mistoqsija marret għax-xogħol bil-karozza tagħha, l-istess kif jagħmlu l-ħaddiema kollha li jaħdmu hemmhekk. Għal min jaħdem l-Għadira, sar arranġament biex il-ħaddiema jkollhom trasport mill-belt Valletta sal-post tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jara li tiġi enforzatha l-kundizzjoni li kienet fil-kuntratt għall-art għal-bini ta' l-uffiċini fejn qabel kien hemm il-Lohombus Corp jiġifieri li din l-istess istituzzjoni, probabilment illum l-H.S.B.C. irrid jara li żżomm f'kundizzjoni tajba Spencer Gardens li hemm quddiem l-istess bini.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex jara li l-kundizzjoni tal-kuntratt li torbot liċ-ċenswalista biex iżomm f`kundizzjoni tajba Spencer Gardens tiġi onorata.