Jista' l-Ministru jara li jsiru directional signs li jwasslu mill-mollijiet Ta' Pinto saċ-ċentru tal-Belt għall-benefiċċju ta' dawk it-turisti li jżuruna permess tal-cruise liners u li jmoru l-Belt bil-mixi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ilu li ressaq din it-talba lid-Dipartiment li jiehu hsieb is-senjaletika.
Jista' l-Ministru jara li jitnaddfu s-swar li jħarsu fuq il-moll ta' Pinto mil-ħafna ħaxix ħażin li jikber magħha peress li dawn is-swar kienu l-ewwel li jaraw it-turisti li jżuruna permess tal-cruise liners?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar snin is-swar li jħarsu fuq il-moll ta' Pinto diġa' tnaddfu darbtejn mill-ħaxix. Huwa programmat li xogħol ta' tindif jerġa' jsir fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jgħid liema proċedura inħarġet sabiex parti mit-teatru Manoel jingħata għal uża bħala restaurant. Min applika għal din l-offerta u offra kull applikant għal din il-konċessjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sejħa għall-konċessjoni għal restaurant, illi jagħmel parti mill-annexe tat-Teatru Manoel, liema spazju qabel ma kienx jintuża, ġie riklamat fuq il-Gazzetta tal-Gvern u anke fuq il-ġurnali lokali.
Kien hemm offerti minn Primo Leisure Co. Ltd, Elia Caterers/Confectioners; Marketing and Promotion Ltd, Trattoria Parolaccia; Fabien Vella; Victor Bonello; Osteria dell'Orso; u Charles Burlo`.
Filwaqt li l-kumitat għażel l-aħjar offerta, mhux il-każ li jingħataw aktar dettalji għaliex dawn huma ta' natura konfidenzjali.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema proċedura ingħatat il-catering outlet lil privat li hemm f' St James Cavalier? Min applika għal din l-outlet u x'kienet l-offerta ta' kull applikant?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-proċedura użata lienet dik ta' sejħa pubblika għall-offerti.
Informat li l-applikanti kienu dawn:
RESTAURANT:
Ole` Ltd u
Mr Stephen Pace
BOOKSHOP:
Ole` Ltd
JAG (Imports) Ltd
ZAM Trade.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri ta' l-Awtorita' tat-Trasport? It-Trasport Planning Unit ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tifforma parti minn din l-Awtorita' tat-Trasport?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Membri ta' l-Awtorita' tat-Trasport huma kif ġew imħabbra fil-gazzetta tal-Gvern Nru.17143
fl-20 ta` Settembru 2001.
It-Transport Planning Unit tifforma parti mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 28426, jista' l-Ministru jgħid xi flus qiegħed iddaħħal l-Institute of Water Technology għall-użu tal-faċilitajiet tiegħu minn kumpanniji privati?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-flus li jdaħħal l-Institute of Water Technology mill-faċilitajiet provduti lill-kumpaniji privati jiddependi minn numru ta' fatturi bħan-nnumru u daqs tal-lecture/training rooms, it-tul ta' użu u l-apparat jew support services meħtieġa.
Ir-rati li japplikaw għal kull ġurnata ta' użu huma dawn:
Workstation - Lm5; kamra li tesa' 15-il persuna - bejn Lm10 u Lm15; kamra li tesa' bejn 20 u 25 persuna - bejn Lm15 u Lm20; kamra li tesa' bejn 30 u 35 persuna - bejn Lm30 u Lm40 u kamra li tesa' 150 persuna - bejn Lm50 u Lm60.
Il-ħlas għal faċilitajiet bħal secretarial support services, photocopying u użu ta' apparat isir ħlas separat għalihom.
Fl-aħħar nett ta' min jgħid li l-proċedura li juża l-Institute of Water Technology biex tikri dawn il-faċilitajiet hija l-istess bħal dik li kienet tintuża meta l-Onorevoli Interpellant kien il-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Jista' l-Ministru jara li l-bozza pubblikali qiegħda quddiem id-dar Emerald, Dar Saveria Bianco Street Baħrija titranġa peress li ilha bil-ħsara għal diversi ġimgħat minkejja li ġiet rappurtatha diversi drabi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fuq il-bozza li qed issir riferenza għaliha saret.
Jista' l-Ministru jgħid b' riferenza għar-risposta ta' mistoqsija numru 28545 x' tip ta' passi legali ttieħdu u f' liema stadju waslu fil-każ tal-persuna imsemmija?
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi mibnija mill-ġdid Siġġiewi road, il-parti li tgħaqqad Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi peress li fl-istat li hi tant hi ħażna li anke kien hemm inċidenti gravi fiha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-rikostruzzjoni tat-triq imsemmija qiegħda ma` toroq oħra phase A2 tal-programm u tax-xogħol għat-toroq arterjali kif imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid f' liema stadju waslet il-kawża li għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma kontra individwu li ġie akkużżat li tefgħa żejt maħruq f' borehole u li niġġes il-galleries f' Ta' Kandja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-kawża quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta' Malta bħala Qorti ta' Ġudikatura Kriminali ġiet deċiża fit-3 ta' Diċembru 1999. Barra minn dan il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tieħu l-passi legali neċessarji sabiex tirkupra d-danni li sofriet.
Jista' l-Ministru jispjega x' inhu jiġri fil-Kumitat tal-Marsa Racing Club peress li minkejja li diġa beda l-istaġun tat-tiġrijiet taż-żwiemel, s' issa jidher li dan il-kumitat mhux qiegħed jiffunzjona?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istaġun tat-tiġrijiet taż-żwiemel jibda fl-14 ta' Ottubru u mhux kif qal l-Onor. Membru jiġifieri li l-istaġun diġa` beda.
Il-Kumitat tat-tmexxija tal-Malta Racing Club huwa attiv ħafna. Din il-ħidma tidher ukoll mir-riżultati finanzjarji li kellu l-Malta Racing Club is-sena li għaddiet. Dan ma jfissirx li m'għadx hemm xi jsir biex tkompli tirranġa s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Club. Kull Membru tal-Kumitat ġie nfurmat, permezz ta' ittra, bis-sitwazzjoni finanzjarja tal-Club. F'din l-ittra ġie spjegat ukoll għaliex inħass il-bżonn li ssir bidla fit-tariffi.
Kemm il-Kumitat tat-tmexxija u l-Kumitat Eżekuttiv jiltaqgħu regolarment b'sistema amministrattiva organizzata, bħal kull assoċjazzjoni professjonali.
Jista' l-Ministru jgħid issa li tlesta x-xogħol fuq ir-restawr tal-Knisja ta' Santa Katarina, jista' l-Ministru jgħid:
1) kemm tħallsu flus l-Universita' ta' Bologna għax-xogħol li għamlu?
2) kemm tħallset il-kumpanija minn Bologna li għamlet ix-xogħol?
3) kemm tħallset il-kumpanija Maltan li tirrapreżenta dik Taljana
4) kemm sewa l-kiri ta' l-iscaffolding?
5) kemm tħallsu overtime u danger allowance il-ħaddiema tal-Gvern fuq dan il-proġett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Universita' ta' Bologna ilhom għal dawn l-aħħar snin jikkolaboraw mat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet fuq il-proġett imsejjaħ "Forts, Fortifications and Historic Buildings", liema proġett kien iffinanzjat mir-Raba' Protokoll Finanzjarju bejn Malta u l-Italja.
Dan kien proġett vast immirat biex isaħħaħ it-Taqsima tar-Restawr kemm permezz ta' trasferiment ta' għarfien speċjalizzat kif ukoll fl-infrastruttura tat-Taqsima, biex din tkun f'pożizzjoni aħjar li tirrispondi għall-esiġenzi tal-pajjiż f'dak li għandu x'jaqsam ma' xogħol ta' restawr.
Il-proġett tal-Knisja ta' Santa Katerina kien parti integrali minn dan il-programm ta' tisħiħ, u għaldaqstant m'huwiex possibli li wieħed jifred ammont għax-xogħol fuq Santa Katerina mill-ammont totali li tħallset l-Universita' ta' Bologna.
Billi l-proġett kien iffinanzjat mill-Protokoll Taljan, il-kuntratt kien fi flus Taljani. Il-kumpanija Taljana li rebħet l-offerta tħallset l-ammont totali ta' LIT 1,177,469,550, li jsarfu f'Lm241,000.
Il-kuntratt tat-Taqsima tax-Xogħlijiet kien direttament mal-kumpanija Taljana, kif jesiġu l-kundizzjonijiet tal-Protokoll Taljan. Għaldaqstant m'għandniex informazzjoni fuq kemm tħallset il-kumpanija Maltija li tirrappreżenta dik Taljana.
Il-kiri ta' l-iscaffolding sewa LIT 88,004,500, li jsarfu f'Lm18,000.
Il-ħaddiema tal-Gvern li ħadmu fuq dan il-proġett tħallsu Lm1,183.50 f'overtime u Lm4,431.26 f'danger allowance.
B'riferenza għax-xogħol ta' restawr li sar fil-Knisja ta' Santa Katarina, jista' l-Ministru jgħid jekk il-flus li tħallsu l-ħaddiema Maltin humiex se jitnaqqsu minn dawk dovuti lil kumpanija Taljani
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett ta' Santa Katerina kien ġie ppjanat li jintuża biex fuqu jiġu mħarrġa ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr f'xogħol speċjalizzat ta' restawr mir-restawraturi Taljani li kienu ser iwettqu x-xogħol. Fil-fatt, is-sejħa għall-offerti kienet speċifikament tgħid li numru ta' ħaddiema Maltin kienu ser jipparteċipaw fix-xogħol, u kienet tesiġi wkoll li bħala parti mill-kuntratt, irid jingħata taħriġ lill-ħaddiema Maltin. Għaldaqstant, il-flus li tħallsu l-ħaddiema Maltin f'pagi u 'danger allowance' m'humiex ser jitnaqqsu minn dawk dovuti lill-kumpanija Taljani. Mill-banda l-oħra, l-overtime li twettaq mill-Maltin minħabba esiġenzi ta' kuntratt ġie kollu mħallas mill-kumpanija Taljana bir-rata normali ta' overtime tal-ħaddiema tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-kumpanija Taljana li għamlet xogħol ta' restawr fuq il-Knisja ta' Santa Katarina ser tingħata xogħol ieħor mill-Gvern? Jekk fl-affermattiv, liema xogħol se tingħata u kemm se jiġi jiswa dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Kumpanija Taljana li għamlet xogħol ta' restawr fuq il-Knisja ta' Santa Katerina ġiet imqabbda tagħmel xogħol ieħor ta' restawr mal-Gvern, dan permezz ta' kuntratt li ġie ffirmat għal perjodu ta' sitt xhur, wara li nġiebu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa mid-dipartimenti konċernati. Il-kuntratt, li ser jiswa Lm54,000 għal dan il-perjodu kien maħsub biex ikompli jsaħħaħ dak li diġa' twettaq fuq Santa Katerina, jiġifieri t-taħriġ ta' ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr fuq xogħol speċjalizzat ta' restawr.
Xogħol diġa' nbeda fuq il-Monument ta' Sir Alexander Ball fil-Barrakka ta' Isfel, il-Belt, fuq il-Funtana ta' l-Ajkla fil-ġnien ta' San Anton, fuq in-navi tal-Knisja ta' Lapsi f'San Ġiljan u fuq l-Arkata Trijonfali li hemm fil-bitħa tal-Berġa ta' L-Italja. Hu ppjanat li jsir xogħol ukoll fuq il-Funtana tal-Misraħ f'Ħaż-Żabbar u fuq il-Bieb ta' Couvre Porte fil-Birgu.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija nru. 28209?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' żbroffi tad-drenaġġ fil-baħar mill-1 ta' Ġunju 2001 sa llum, kien ftit ikkomparat ma' dawn l-aħħar snin. Pero' għal informazzjoni aħjar dwar il-lokalitajiet fejn seħħew dawn l-iżbroffi, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-iscaffolding li intuża fix-xogħol ta' restawr tal-knisja ta' Santa Katarina inxtara mill-Gvern? Jekk fl-affermattiv, min ħa id-deċiżjoni u kemm tħallsu flus għid għal dawn l-iscaffolding?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-iscaffolding li ntuża fix-xogħol ta' restawr tal-Knisja ta' Santa Katerina nxtara mill-Gvern għas-somma ta' Lm29,750.
Id-deċiżjoni ittieħdet wara li saru konsultazzjonijiet neċessarji mad-Dipartiment tal-Kuntratti u ġie stabbilit li l-prezz kien wieħed xieraq għall-ammont ta' scaffolding u aċċessorji oħra li kienu ser jinxtraw. Dan kien scaffolding li nxtara ġdid u ntuża l-ewwel darba fuq il-Knisja ta' Santa Katerina.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-Luqa Park Development Brief?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tal-Luqa Park Development Brief. Aktar kopji ta` dan il-brief jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar (www.pa-malta.org).