Jista' l-Ministru jivverifika kif il-persuna imsemmija fil-mistoqsija parlamentari nru. 31540 ingħatat is-servizz ta' l-elettriku meta l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma ħarġitx compliance certificate?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minn informazzjoni li għandi jirriżulta li ma ingħata ebda servizz ta' elettriku ġdid fuq is-sit indikat. Is-servizz eżistenti huwa wieħed antik li kien diġa' hemm.
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 31535, il-Victoria Shooting Club jistgħux jgħaddu l-kirja tagħhom lill terzi? Jekk fl-affermattiv, hemmx bżonn il-kunsens tad-dipartiment ta' l-artijiet?
Response (BORG, TONIO)
Skond il-kondizzjoni numru 16 tal-ftehim tal-kirja, li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra mat-Tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 31535, il-Victoria Shooting Club ma jistgħux jgħaddu l-kirja tagħhom lill-terzi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tax-xogħlijiet ta' l-estensjoni tat-terminal ta' l-airport internazzjonali tal-Gudja li qegħdin isiru bħalissa? Kemm se jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet? Min minn qegħdin isiru dawn ix-xogħlijiet u kif ingħata l-kuntratt għal dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħolijiet li qed isiru bħalissa fit-terminal ta' l-ajruport internazzjonali ta' Malta għandhom l-iskop li jipprovdu estenzjoni tal-faċilitajiet ta' uffiċini fit-terminal li jinkrew b'rati kummerċjali.
Huwa stmat li b'kollox dawn ix-xogħolijiet ser jiġu jiswew Lm700,000.
Ix-xogħolijiet prinċipali qed isiru minn żewġ kuntratturi li rebħu l-kuntratti wara ħruġ ta' sejħiet għall-offerta li għalqu fil-31 ta' Jannar 2001. Ta' min jinnota li dan ix-xogħol qed isir wara li fit-30 ta' Awissu 2000 ħarġu l-permessi meħtieġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar wara applikazzjonijiet li l-MIA għamlet fis-16 ta' Marzu 2000 u li iżjed minn sebgħin fil-mija ta' l-uffiċini l-ġodda huma diġa' allokati.
Jista' l-Ministru jispjega fejn se jwasslu l-istorm water culverts li nbnews fi Psaila Str, Santa Venera/B'Kara? Dawn ġew imqabbda mas-sistema? Jekk fin-negattiv, meta se jitqabbdu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sistema ta' l-istorm water culverts fi Psaila Street hi maqsuma fi tlett sezzjonijiet.
L-ewwel sezzjoni (tul ta' madwar 200 metru) għad trid tiġi estiża sal-wied ta' l-Imsida/Birkirkara, inkonnessjoni ma' pjan ta' storm water management li qed jitfassal sal-wied. Sakemm dan isir, il-catchments kollha ġew magħluqa u mhux qed jiffunzjonaw. Dan bil-għan li jiġi evitat kull inkonvenjent li jista' jinħoloq.
It-tieni sezzjoni (madwar 700 metru) bħalissa qed tiffunzjona u l-ilma li jinġabar minn Triq Psaila qed imur lejn il-Wied minn ħdejn it-taraġ ta' Triq il-Parilja.
Rigward it-tielet sezzjoni (madwar 700 metru) il-culverts ser jiġu estiżi sal-Wied. Ix-xogħol fuq din il-parti tal-proġett għadu għaddej u s-sistema kollha għandha tibda taħdem hekk kif jitlesta' dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jivverifika jekk il-kontijiet tat-taxxa li għandha tagħti l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament humiex korretti peress li fost oħrajn qegħda tiġi mitluba taxxa għal meta din il-persuna kellha ħdax il-sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li għandi nagħti nformazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun awtorizzat mit-taxpayer allura r-risposta tingħata lilu privatament.
B'referenza għall-kuntratt li l-Gvern iffirma ma' Eureka Services Ltd jista' l-Ministru tal-Intern jinforma x'passi qegħdin jittieħdu biex il-kumpanija tħarreġ impjegati tal-gvern biex dawn eventwalment iħaddmu din is-sistema meta jiskadi jew jiġi tterminat dan il-ftehim?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kuntratt kien jaħseb għat-twaqqif ta` "Joint Unit". Kien hemm resistenza għal dan il-Unit. Maż-żmien pero`, twaqqfet is-Search Unit magħmulha minn impjegati tar-Reġistru Pubbliku. Dawn diġa` jħaddmu l-"front end" tas-sistema kompjuterizzata li wara kollox, kull ma tinvolvi hu li l-proċessi normali li kienu mdorrijin bihom l-impjegati ġew komputerizzati. Għalhekk m`hemmx xi "learning curve" twila jekk tinqala` xi waħda mill-eventwalitajiet imsemmija.
B'referenza għall-kuntratt li l-Gvern iffirma ma' Eureka Services Ltd jista' l-Ministru tal-Intern jinforma min hija l-persuna li skond il-ftehim qed tingħata kopja ta' l-Eureka Images Database kif supplimentata u awmentata min jum għal jum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li madwar 150 CD jinsabu fir-Reġistru ta` l-Artijiet taħt il-kustodja ta` l-istess uffiċjal pubbliku li ffirma il-kuntratt għan-nom tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jispjega fejn se jwaslu li storm water culverts li nbnew fir-Ring road tal-Mosta (in-naħa ta' Main Street)?
Dawn ġew imqabbda mas-sistema?
Jekk fin-negattiv, meta se jitqabbdu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li hu ppjanat li l-culverts imsemmija jwasslu l-ilma tax-xita sa Wied il-Għasel. Ovvjament, ix-xogħol fuq il-proġett għadu għaddej u hu ppjanat li s-sistema kollha tibda taħdem hekk kif jitlesta' x-xogħol li d-Direttorat għat-Toroq qed iwettaq bħalissa fl-inħawi msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies mal-Malta International Airport (MIA) matul dawn l-aħħar tnax-il xahar u f'liema gradi ġew impjegati, kull xahar separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul il-perjodu bejn l-1 ta' Frar 2001 u l-31 ta' Jannar 2002, ġew impjegati sbatax-il persuna mal-kumpanija Malta International Airport. Dawn ġew impjegati matul ix-xhur u fil-gradi li ġejjin
Frar 2001 1 Customer Services Assistant
3 Skrivani
Marzu 2001 1 Senior Technician
Mejju 2001 1 Skrivan
1 Assistant Administrator
Ġunju 2001 1 Skrivan
Lulju 2001 1 Skrivan
Awissu 2001 1 Skrivan b'kuntratt definit
Jannar 2002 7 Airport Attendants
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħolijiet ta' estenzjoni tat-terminal ta' l-ajruport fil-Gudja humiex koperti bil-permessi ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar meħtieġa?
Response (BORG, TONIO)
Ħareġ permess PA 3655/00 għal estensjoni u tibdil fil-bini ta` l-ajruport u biex jiġu provduti uffiċini, mħażen kif ukoll bini għat-terminal tal-helicopter. Dan il-permess inħareġ fil-11 t`Awissu 2000.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija numru 31517 jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema skala jridu jkunu l-uffiċjali pubbliċi sabiex japplikaw għall-post tas-segretarju eżekuttiv mal-kunsilli lokali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kull uffiċjal pubbliku li jissodisfa r-rekwiżiti li jidhru f’Taqsima II ta’ l-Avviż Legali Nru 127/98 tat-12 ta’ Mejju, 1998 għandu d-dritt japplika għal Segretarju Eżekuttiv mal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema taċ-Ċivil jistgħux japplikaw għal post ta' segretarju eżekuttiv mal-Kunsill Lokali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li uffiċjali pubbliċi jistgħu japplikaw għall-post ta’ Segretarju Eżekuttiv mal-Kunsilli Lokali. Jekk uffiċjal jiġi magħżul jeħtieġlu approvazzjoni mill-Management and Personnel Office.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk waqt ix-xogħol f'Hompesch Road, Fgura instabux xi
skavi forma ta'
shelters
?
Jekk fl-affermattiv għandhom xi valur storiku jew arkejoloġiku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li nstabu shelters ġo Triq Hompesch, kantuniera ma' Triq il-Karmnu u l-Awtoritajiet tal-Mużew qegħdin jieħdu ħsieb il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid lil min hija mikrija l-Victoria Shooting Range ta' Ħal Qormi?
Meta saret din il-kirja u x'inhu l-valur tal-kirja?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-kuntratt tal-kirja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant fil-fatt qiegħda f`Ħaż Żebbuġ. Din kienet inkriet lil Victoria Shooters Club fit-30 ta` Marzu 1987 b`kera ta` Lm161.00 fis-sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-kirja kif ukoll pjanta tas-sit.
Jista' l-Ministru jispjega kif inħareġ compliance certificate u fil-fatt ingħata s-servizz ta' l-elettriku lil persuni li qegħdin jagħmlu użu mill-bini illegali fl-Imqabba (Triq il-Konvoy ta' Santa Maria/Valletta Raod) kif muri fis-site plan meta fuq l-istess sit hemm żewġ enforcement notices ECF 446/01, ECF 447/01?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fuq is-sit li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ma inħareġ ebda Compliance Certificate minn naħa ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex jingħata s-servizz tad-dawl.
Jista' l-Ministru jgħid jekk uffiċjali mit-Tax Compliance Unit għandhomx id-dritt jordnaw lill-Enemalta li jerġa jagħti s-servizz ta' l-elettriku lil persuni li jkollhom dan is-servizz sospiż minħabba li jkunu naqsu li jħallsu l-kontijiet?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħti aktar dettalji dwar dan il-każ għax sa fejn hu magħruf it-Tax Compliance Uint qatt ma talbet lil Enemalta biex tieħu dawk il-passi li ssemmew fl-interpellanza.
Dawn id-dettalji jistgħu jiġu mogħdijja b'kunfidenza.
Issa li ġew konklużi l-investigazzjonijiet li saru dwar il-mewt ta' tlett ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ fiċ-Ċirkewwa, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-inkjesta maġisterjali kif wkoll kopja ta' l-inkjesta dipartimentali dwar dan il-każ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid issa li irriżulta mill-inkjesta maġisterjali lid-Dipartiment tad-Drenaġġ għandu r-responsabbilita għall-mewt tat-tlett ħaddiema fiċ-Ċirkewwa, jista' jgħid jekk il-pulizija hux se tieħu azzjoni kriminali kontra dawk l-impjegati taċ-Ċivil responsabbli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-provi kollha miġbura fl-Inkjesta Maġisterjali, ma jirriżultax illi hemm provi biżżejjed sabiex tkun tista` tinġieb prosekuzzjoni mill-Pulizija u dan skond parir mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija bil-light duty ? Dawn il-pulizija jingħataw xogħol extra? Jekk fl-affermattiv, x'tip ta' xogħol jingħataw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 19-il membru tal-Korp tal-Pulizija taħt xi forma ta` light duty. Minn dawn hemm ħamsa li jagħmlu extra duty on payment. Qed issir evalwazzjoni tas-sistema kollha tal-light duties.
B'riferenza għal dak li ntqal f'risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 30048, rigward x-xogħol li qiegħed isir ħdejn il-Gillieru, jista' l-Ministru jgħid meta se jitlestaw ix-xogħlijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant hemm il-ħsieb li jitlesta' mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet matul ix-xhur li ġejjin.