Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba f'mistoqsija parlamentaru nru. 31310
Response (GALEA, ĊENSU)
Waqt li nagħmel referenza għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 31710, jien infurmat li din l-informazzjoni tkun tista' tingħata meta d-Direttorat għat-toroq ilesti x-xogħol meħtieġ.
Jista' l-Ministru jispjega eżatt x'qiegħed jigri fil-Quarterly Control Laboratory li d-divizjoni tax-xogħol pubbliċi għandha f'Kordin għax il-ħaddiema huwa inkwetati dwar il-futur tagħhom? Fejn tidħol id-ditta Harrison f'dan kollu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31520 (Seduta 700).
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li negozjant żgħir jikri parti minn maħżen fil-kumpless tal-Freeport, ġaladarba ma jkollux bżonn ta' maħżen sħiħ? Jekk fl-affermattiv, x'inhi l-proċedura biex issir din it-tip ta' kirja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-imħażen fil-Port Ħieles fil-preżent jinsabu mikrija kollha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi s-salinita ta' kull borehole f'Malta u Għawdex attwalment?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li s-salinita' tal-boreholes f'Malta u f'Għawdex li bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tuża' għall-produzzjoni ta' l-ilma tax-xorb hija kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm barranin jaħdmu bil-permess fuq ix-xogħol ta' l-isptar il-ġdid ta' Tal-Qroqq? X'inhi in-nazzjonalita ta' dawn il-ħaddiema u x'inhu x-xogħol li qegħdin suppust jagħmlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm madwar 190 persuna barranija bil-permess tax-xogħol li qegħdin jaħdmu fuq is-sit ta` l-Isptar il-Ġdid f`tal-Qroqq. In-nazzjonalita` ta` dawn il-persuni hija varja: Svediżi, Jugoslavi, Taljani, tal-Bosnija-Herzegovina, Latvja u diversi oħrajn.
Dwar ix-xogħol li għalih ingħataw permess, ninforma lill-Onor. Membru li lista aġġornata ta` dawk il-persuni barranin li għandhom Liċenzja ta` Impjieg tiġi ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern l-ewwel Tnejn ta` kull xahar (minn din is-sena il-lista qed tidher fuq il-Website tad-DOI) - u din tispeċifika fejn qed taħdem u x-xogħol li qed tagħmel kull persuna li tinħarġilha liċenzja ta` impjieg.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li sar fis-Swan Laundry sabiex jiġi konvertit f'uffiċju għad-Dipartiment tad-Drenaġġ huwiex komplut? Jekk fl-affermattiv, min għamel dan ix-xogħol u kemm ġie jiswa? Meta se jsir it-trasferiment tad-dipartiment għal dawn l-uffiċji ġodda?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li dak li qiegħed jiġi msejjaħ bħala 'Swan Laundry' huwa kumpless li qiegħed jiġi konvertit f'Ċentru għas-Servizzi ta' l-Inġinerija tad-Drenaġġ - ċentru li ser jiġbor fih sezzjonijiet tad-Dipartiment tad-Drenaġġ li sa llum huma sparpaljati f'diversi nħawi.
Ix-xogħol f'dan il-kumpless jinsab fi stadju avvanzat fl-ewwel fażi tiegħu. Fil-fatt, diġa' ġiet trasferita sezzjoni ta' ħaddiema ta' dan id-Dipartiment. Ix-xogħol qiegħed isir parti minn ħaddiema tal-Gvern u parti oħra minn kuntratturi privati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm periti jaħdmu full-time jew part-time mal-kumpanija Kalaxlokk? Min huwa dawn il-periti u meta bdew jaħdmu mall-kumpanija? X'inhu x-xogħol li qegħdin jagħmlu dawn l-periti? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tagħhom? Kemm tħallsu dawn il-periti s'issa, kull wieħed separatament?
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-periti li qegħdin jaħdmu full-time, part-time jew jagħmlu xogħol ta' konsulenza mal-Freeport? Jista' jgħid meta ġew ingaġġati dawn il-periti? JIsta' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta ingaġġ tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li mal-Korporazzjoni tal-Port Ħieles hemm jaħdem perit wieħed li fl-1997 ġie appuntat General Manager.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-jiem tal-Milied seħħ inċident serju waqt il-bini ta' l-isptar ġdid f'Tal Qroqq meta xi pjanċi waqgħu fuq żewġ persuni? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jikkonferma li waħda mill-ambulanzi li ntbagħtu ma setgħetx tidħol fuq is-sit ta' l-inċident? Jista' jgħid x'kienet r-raġuni għala l-ambulanza sabet din id-diffikolta? Saret xi inkjesta dwar dan l-inċident?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fl-14 ta' Diċembru 2001 fuq is-sit tal-iSptar il-ġdid weġġgħu żewġ ħaddiema Maltin waqt stivar ta' xi pjanċi. Is-sit ta' l-inċident ma kienx jippermetti aċċess għal vetturi għoljin u din kienet ir-raġuni l'għala l-ambulanza li ntbagħtet ma setgħetx tidħol eżatt fejn seħħ l-inċident. Il-midruba ittieħdu fuq stretcher sa fejn kien jippermetti aċċess għall-ambulanza.
Rapport mediku fuq l-inċident ingħata lill-pulizija mid-Dipartiment ta' l-Emerġenza ta' l-Isptar San Luqa.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 31713, jista' l-Ministru jgħid minn huma l-kuntratturi magħżula li qegħdin jagħmlu x-xogħol fit-terminal? Min hu l-perit inkarigat min dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant hija ta' natura kummerċjali u għalhekk ma narax li jkun fl-interess ta' l-istess azjenda li din issir pubblika.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Foundation for Human Resources Development li qiegħda topera miċ-Ċentru għall-intrapriżi żgħar hijiex tal-gvern?
Jekk fl-affermattiv, min huma l-membri ta' din il-fondazzjoni?
Jista' l-Ministru jgħid meta twaqqfet din il-fondazzjoni?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta' l-istatut tal-fondazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jispjega fejn se jwasslu l-istorm water culverts li nbnew f'Valletta Road, Mosta? Dawn diġa ġew imqabbda mas-sistema? Jekk fin-negattiv, meta se jitqabbdu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-culverts li nbnew f'Valletta Road, Mosta jiffurmaw parti minn proġett sabiex ikun hemm kontroll fuq l-ilma tax-xita li jibqa' għaddej minn Birkirkara sa l-Imsida. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onor. Interpellant ingħatat fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari Nru. 26188.
B'referenza għall-kuntratt li l-Gvern iffirma ma' Eureka Services Limited, jista' jinforma kemm kien l-ammont ta' ħlas li l-Gvern kellu jirċieiv mingħand il-kumpanija? Kemm minn dawn ingħataw in kind? Fhiex kienu jikonsisti dawn l-affarijiet li ingħataw in kind?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li għal matul il-perijodu transitorju l-Gvern kellu jirċievi s-somma ta` Lm 15,384. Minn dawn tħallsu Lm2,000. Fuq talba tad-dipartiment, ir-rimanenti tħallsu jew ġew riservati għal ħlas "in kind" skond l-istess kuntratt. Il-ħlas "in kind" jinkludi somma dovuta lill-kumpanija għal riċerki li saru qabel il-15 ta` Jannar 2001, il-manutenzjoni ta` apparat kif stipulat fl-istess kuntratt, xiri ta` "stand by generator" (li ġie ordnat), u xogħol konness ma` sistema ġdida li permezz tagħha l-klijenti tar-Reġistru ngħataw:
(a) il-faċilita` li jordnaw kollox b`mod elettroniku u 24 siegħa kuljum u/jew;
(b) l-opportunita` jagħmlu ċertu talbiet speċfiċi bħal "No D/Ms", "On hold" eċċ, liema bidliet teknoloġiċi saru b`konsultazzjoni ma` l-MITTS Ltd., u huma riflessi fl-Avviż Legali maħruġa tul dawn l-aħħar xhur.
B'referenza għall-kuntratt li l-Gvern iffirma ma' Eureka Services Ltd, jista' l-Ministru tal-Intern jinforma kemm kien l-ammont ta' ħlas li l-Gvern ħallas lil Kumpanija għas-servizzi li din tat lil Gvern maturl is-sena 2001
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2001, ir-Reġistru Pubbliku ħallas lill-kumpanija l-ammont ta' Lm497,671 (apparti Lm74,680 VAT). Dan l-ammont jirrappreżenta ħlas globali għal 47,670 riċerka normali u 6,676 riċerka oħra (aġġornament u verifika) u dan skond il-prezzijiet stabbiliti fil-kuntratt li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f`Ottubru 1999. Minn dan il-kuntratt jirriżulta li l-kumpanija ntrabtet li tagħmel bla ħlas il-komputerizazzjoni tad-data kollha tar-Reġistru Pubbliku, verfika dwar data preżenti, u reġistrazzjoni għall-futur tan-noti u reġistrazzjonijiet kollha.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol għall-attrezzar ta' laboratorju mid-dipartiemnt tat-toroq?
Fejn se jsir dan il-laboratorju?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-laboratorju li qed jitwaqqaf fid-Direttorat għat-Toroq ser ikun fil-bini ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta, f'Sa Maison. Fil-preżent l-apparat qed jiġi nstallat.
Jista' l-Ministru jgħid fejn inkrew l-uffiċji għall-Awtorita Maltija dwar ir-riżorsi?
Kemm hi l-kera li qiegħda titħallas kull sena?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-kuntratt tal-kera?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li parti minn sular fil-Millenia Building fi Triq Aldo Moro, Marsa (area ta' 840 metru kwadru) ser jinkera bħala uffiċċju għall-Awtorita' Maltija dwar ir-Riżorsi.
Il-kera li ser titħallas hija ta' Lm40 kull metru kwadru fis-sena.
Il-kuntratt għadu ma sarx.
Jista' l-Ministru jgħid min huma u x'inhi l-kariga tal-persuni li huma impjegati ma' l-Awtorita Maltija għar-riżorsi sal-lum?
X'inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, kull wieħed separatament?
Jista' jekk hu l-każ il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-kuntratti li ingħataw dawn il-persuni?
Jista' l-Ministru jgħid meta se tinfetaħ it-triq li tagħti għal Misraħ il-Vittmi tal-Gwerra, s-Siġġiewi, liema triq bħalissa tinsab magħluqa bi ġnien tal-privat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Wara rappreżentazzjoni mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għat-Toroq biex jiġbor informazzjoni dwar il-każ.