Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #32374 Sitting 716 2002-03-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija nru. 32167 jista' l-Ministru jispjega kif il-pulizija tista tivverifika li s-sid ta' vettura hu mill-Imdina, meta llum l-indirizz tneħħa minn fuq il-liċenzja li titwaħħal mal-windscreen?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għalkemm tneħħew id-dettalji personali tas-sidien tal-vetturi minn fuq il-liċenzja tal-vetturi, il-Pulizija dejjem jistgħu jivverifikaw dawn id-dettalji mas-sistema ċentrali kompjuterizzata li hija disponibbli l-ħin kollu fil-Kwartieri Ġenerali. Barra minn hekk jistgħu ukoll jiġu verifikati billi jintalab mezz ta` identifikazzjoni tas-sewwieq.
Leg 9 PQ #32199 Sitting 713 2002-03-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza pubblika mar-razzett Farmhouse (Villa), il-Hamri, l/o Rabat, peress li mal-lejl ikun hemm dlam ċappa li joħloq inkonvenjent kbir lir-residenti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jagħti aktar dettalji sabiex tkun tista' ssir l-investigazzjoni relattiva mill-Korporazzjoni Enemalta.
Leg 9 PQ #32201 Sitting 713 2002-03-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li sar f'Casa Magazini, Magazini street Mdina, inkluż ftuħ ta' bibien għal fuq is-sur kienx kopert bil-permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u tad-Dipartiment ta' l-Artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret minn uffiċjal mis-sezzjoni ta` l-Infurzar ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irriżulta illi x-xogħol fil-fond imsemmi, inkluż ftuħ ta` bibien għal fuq is-sur, sar skond il-pjanti approvati fil-permess PA 6190/95 li nħareġ fil-11 ta` Marzu 1997.
Leg 9 PQ #32204 Sitting 713 2002-03-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Quality Control Laboratory

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif issa li l-Quality Control Laboratory tad-Divizjoni tax-Xogħlijiet ġie u trasferit fil-Laboratorju Nazzjonali ta' l-Istandards, x'inhu r-rwol tad-ditta Harrison f'dan il-laboratorju?

Response (BONNICI, JOSEF)

B'riżultat tal-ftehim milħuq bejn il-kumpaniji Malta National Laboratory u Harrison Malta Environmental, b'seħħ mill-1 ta' Marzu ta' din is-sena, is-servizzi kollha dwar kontroll tal-kwalita' li kienet tipprovdi din l-aħħar kumpanija bdew jingħataw mill-kumpanija Malta National Laboratory. Skond il-ftehim imsemmi, Harrison Malta Environmental Limited hija responsabbli minn kull aspett għall-immaniġjar tal-Building and Construction Division fi ħdan il-kumpanija Malta National Laboratory. Din ir-responsabbilta' hija suġġetta għall-management ġenerali u konformi mal-policies u proċeduri tal-Malta National Laboratory.

Imtarfa

Question

Jista' l-Ministru jispjega r-raġuni għala parti min Triq Sir Leslie Rundle, Imtarfa saret one-way?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li parti ta' Triq Leslie Rundle li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ilha one way għal dawn l-aħħar seba' snin. Peress li din it-triq hija dejqa u għadha ma ġietx żviluppata bħal diversi toroq oħra fl-inħawi u li minnha jgħaddu l-karozzi tal-linja, id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku huwa tal-fehma li din it-triq għandha tibqa' one way.

Kunsilli Lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex permissibbli li persuna li tokkupa kariga ta' kunsillier f'kunsill lokali meta din il-persuna, għalkemm ikollha l-indirizz fuq karta' ta' l-identita fl-lokalita', fil-fatt tkumn toqogħod f'lokalita oħra?

Response (GATT, AUSTIN)

Skond l-Artikolu 11 ta` l-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kap 363) "Persuna hija kwalifikata biex tkun eletta bħala Membru tal-Kunsill tal-lokalita` tagħha jew biex tibqa` membru tiegħu jekk dik il-persuna tkun reġistrata bħala votant fir-Registru Elettorali jew fir-Reġistru Speċjali għal-lokalita` li dik il-persuna tikkontesta". Għaldaqstant il-fattur li jiddetermina l-eliġibilita` ta` Kunsillier huwa r-Reġistru Elettorali u mhux l-indirizz jew il-karta ta` l-Identita.
Leg 9 PQ #32172 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pubblikazzjoni maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar Trees Shrubs and Plants : Guidelines for Planting and Landscaping the Maltese Islands?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tal-pubblikazzjoni Trees, Shrubs and Plants - Guidelines for Planting and Landscaping in the Maltese Islands. Aktar kopji jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar (www.pa-malta.org).
Leg 9 PQ #32176 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li qiegħed isir f'17, Inguanez Street Mdina huwiex kopert bil-permessi ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret minn uffiċjal mis-sezzjoni ta` l-Infurzar ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irriżulta illi l-fond imsemmi kien magħluq. Għaldaqstant ser jiġi ikkuntatjat is-sid biex tkun tista` ssir spezzjoni fl-iqsar żmien possibli. Aktar tagħrif ikun jista` jingħata wara din l-ispezzjoni.
Leg 9 PQ #32180 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Servizzi ta' l-Ilma — Riforma

Question

Jista' l-Ministru jispjega r-riforma li saret fis-sezzjoni tad-distretti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-iskop wara din ir-riforma?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #32182 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kalaxlokk — Periti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 31877 u cioe, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm periti jaħdmu full-time jew part-time mal-kumpanija Kalaxlokk? Min huwa dawn il-periti u meta bdew jaħdmu mall-kumpanija? X'inhu x-xogħol li qegħdin jagħmlu dawn l-periti? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tagħhom? Kemm tħallsu dawn il-periti s'issa, kull wieħed separatament?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li mis-sena 1999 il-kumpanija Kalaxlokk għamlet użu mis-servizzi ta' erba' periti li ħadd minnhom ma' għandu kuntratt ta' xogħol mal-kumpanija, la fuq bażi "full-time" u lanqas fuq bażi "part-time". Il-periti huma s-sinjuri Joseph Grech, Etienne Micallef Grimaud, Philip Mifsud u Pierre Zammit. Sa issa dawn l-erba' periti tħallsu, VAT inkluża, kull wieħed rispettivament Lm6,800; Lm1,955; Lm4,150; u Lm1,955. Ix-xogħol assenjat lil dawn il-periti huwa: 1. preparazzjoni ta' dokumenti ta' offerti 2. preparazzjoni ta' Bill of Quantities 3. kwotazzjonijiet 4. programm ta' xogħol għal proġetti 5. spezzjonijiet fuq il-lantijiet tax-xogħol 6. superviżjoni tax-xogħolijiet 7. kejl ta' xogħolijiet u preparazzjoni ta' kontijiet 8. cost analysis ta' proġetti.
Leg 9 PQ #32191 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Artijiet — Raba

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni qiegħda tittieħed mid-dipartiment ta' l-artijiet kontra min jaqbad u jokkupa raba tal-gvern li m'għandux titlu għalih?

Response (BORG, TONIO)

Fil-każ ta` dawk in-nies li okkupaw raba tal-Gvern mingħajr permess u ħadu l-opportunita` mogħtija lilhom biex japplikaw biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom taħt l-Iskema tal-Qbiela li għalqet is-sena l-oħra, ma qegħda tittieħed l-ebda azzjoni qabel ma` d-Dipartiment ikun ipproċessa l-istess applikazzjoni u ddeċieda jekk l-applikant għandux jingħata titlu. Fil-każ ta` nies li jaqbdu u jokkupaw raba tal-Gvern mingħajr permess u ma għamlux applikazzjoni taħt l-iskema msemmija aktar `il fuq, jittieħdu dawk il-passi kollha skond il-liġi.
Leg 9 PQ #32163 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Tqaċċit ta' Siġra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema fid-dipartiment kienux responsabbli għat-tqaċċit li sar dan l-aħħar fis-siġra tat-tut li hemm f'Mesquita Square, Mdina? Jekk fin-negattiv, ingħata xi permess mid-dipartiment għal dan it-tqaċċit li sar ta' din is-siġra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li ż-żabra fuq is-siġar tat-tut li hemm fi Pjazza Mesquita l-Imdina saret minn ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura b'talba tal-Kunsill Lokali ta' l-Imdina. Jien infurmat ukoll li din iż-żabra saret tajjeb skond kif titlob is-sengħa taż-żbir.
Leg 9 PQ #32164 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jiswa x-xogħol li qiegħed isir fit-Terminal ta' l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta? Min hu l-kuntrattur li qiegħed jagħmel dan ix-xogħol? X'inhu n-numru tal-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal dan ix-xogħol?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li x-xogħol li qiegħed isir fit-terminal ta' l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta huwa stmat li jiswa seba' mitt elf lira. In-numru tal-permess maħruġ mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal dan ix-xogħol huwa PA03655/00. Peress li l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija hija ta' natura kummerċjali, ma nħossx li din tkun fl-interess ta' l-istess kumpanija li ssir pubblika.

Foundation for Human Resources Development

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Foundation for Human Resources Development hijiex tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, min huma l-membru tal-fondazzjoni? Jista' jgħid meta twaqfet din il-fondazzjoni? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istatut tal-fondazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani hi Fondazzjoni awtonoma b'personalita' legali distinta li ġiet imwaqqfa permess ta' Att Notarili fl-24 ta' Settembru 1990.
Leg 9 PQ #32167 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Vetturi fl-Imdina

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy dwar dħul ta' vetturi fl-Imdina? Kemm hawn permessi għal vetturi li jidħlu l-Imdina? Kif jgħarfu l-permessi tal-vetturi li jidħlu l-Imdina? Kemm inqabdu vetturi li mhux suppost daħlu l-Imdina matul dan l-aħħar tnax il-xahar u li ngħataw ċitazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-dħul ta` vetturi fl-Imdina huwa regolat bir-Regolamenti ta` l-1988 dwar Restrizzjoni ta` dħul u passaġġ fl-Imdina. Minbarra dawk il-vetturi li huma eżenti minn dawn ir-Regolamenti, fil-preżent hemm 128 vettura li għandhom permess skond ir-Regolament 4 ta` l-istess Regolamenti. Dan il-permess għandu jintwera ġewwa l-vettura b`tali mod li jkun jista` jidher u jinqara minn barra l-vettura f`kull waqt li l-vettura tkun ġewwa l-Imdina. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi bejn Marzu 2001 u Frar 2002 kien hemm 131 vettura li nqabdu mill-Pulizija bi ksur ta` dawn ir-Regolamenti.
Leg 9 PQ #32169 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC

Question

Jista' l-Ministru jispjega x-xogħlijiet li qegħdin isiru bħalissa mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bejn Għeriexem u l-Fiddien ir-Rabat? X'inhu l-iskop ta' dawn ix-xogħlijiet? Kemm hu stmat li jiswew ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li x-xogħolijiet imsemmija twettqu sabiex jitwasslu l-ilma ġieri li jkun ġej mill-Għajn ta' l-Għexierem għand il-bdiewa li għandhom l-għelieqi tagħhom lejn in-naħa tat-triq li tagħti għall-Fiddien. Qabel, dan l-ilma kien jitwassal minn gandott antik ħafna li maż-żmien instadd. Ġie kkalkulat, li biex jitnaddaf dan il-gandott, l-ispejjeż kienu ser jaqbżu l-ispiża tax-xogħol kif qed isir bħalissa, peress li t-tindif ried isir bl-idejn. L-ispiża ta' dan ix-xogħol tlaħħaq is-somma ta' Lm8,400.

Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif inhi l-proċedura tat-tnaqqis mill-pensjoni għal dawk il-persuni li jkunu rikoverati f'xi sptar għat-tul taż-żmien b'mod partikolari għal persuni li jkunu jew l-isptar San Luqa jew ġewwa l-isptar Monte Carmeli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi għal tnaqqis fil-pensjoni kontributorja għal dawk il-persuni (jew il-konjugi tagħhom) li jkunu rikoverati f'xi istituzzjoni governattiva għal kura ta' l-Anzjani. Dan it-tnaqqis fil-pensjoni jiġi fis-seħħ mid-data li fiha l-pensjonant jew il-konjugi jidħol jew tidħol f'din l-istuzzjoni governattiva. L-istess Att jipprovdi wkoll għal tnaqqis fil-pensjoni fejn il-pensjonant (jew il-konjugi tiegħu) jidħol jew tidħol f'xi istituzzjoni governattiva oħra bħal l-Isptar San Luqa jew l-Isptar Monte Carmeli jew l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għal kura u jkunu hekk residenti għal kura għal aktar minn sitt xhur. Ir-rata ta' tnaqqis mill-pensjoni tkun tiddependi minn test tal-meżżi tal-pensjonant u l-konjugi (skond il-każ), skond Avviż Legali 60 ta' l-2000.