Legislature:
Category:
Reset
Active:

Industrija tal-Barrieri — Operaturi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi t-tieni parti ta' mistoqsija nru. 32408, jiġifieri bħala l-ministeru responsabbli mill-industrija tal-barrieri x'qiegħed isir sabiex l-operaturi jiġu informati dwar ir-riformi meħtieġa fis-settur minħabba l-applikazzjoni tar-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropeja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Napprezza jekk l-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku u jgħid għal liema regolamenti ta' l-Unjoni Ewropeja qiegħed jirreferi.
Leg 9 PQ #32571 Sitting 720 2002-04-10 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kalaxlokk — Periti

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi PQ 32403 u cioe, jista' jgħid kif il-kumpanija Kalaxlokk għażlet lill-periti imsemmija? X'inhi r-rata ta' ħlas ta' dawn il-periti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-periti ġew magħżula direttament mill-Management tal-Kumpanija. Il-Periti Miċallef Grimaud u Zammit jitħallsu bir-rata ta' tnejn fil-mija tal-proġett li jkunu qed jieħdu ħsieb u l-Periti Mifsud u Greċh jitħallsu bir-rata fissa ta' Lm4.60 fis-siegħa, inkluża l-V.A.T.
Leg 9 PQ #32572 Sitting 720 2002-04-10 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija nru. 32402, jista' l-Ministru jgħid liema distretti ġew rilokati f'liema postijiet mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li d-Distrett numru 1 li kien allokat il-Bombi (Floriana) ġie rilokat f'San Ġwann fil-bini li jinsab fih id-Distrett numru 3. Il-maħżen ta' Distrett numru 4 ġie rilokat fil-bini li jinsab fih id-Distrett numru 2 fl-Imrieħel.

Rescue Interventions — Xogħolijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' xogħlijiet li jridu jsiru skond il-programmi rescue interventions fuq il-fortifikazzjonijiet matul din is-sena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li huma proġettati li jsiru mit-Taqsima tar-Restawr skond programm ta' "Rescue Interventions" huma dawn: Restawr fuq St. James Bastion u partijiet oħra mill-foss tal-Belt. Restawr fuq St. Barbara Curtain, Valletta. Restawr fuq il-faċċata u l-ponta ta' St. Christopher Bastion, Valletta. Restawr fuq partijiet mis-swar tac-Cittadella, Għawdex. Restawr fuq partijiet mill-ħitan ta' Fort Ricasoli. Restawr fuq Polverista Curtain, Bormla.
Leg 9 PQ #32481 Sitting 719 2002-04-09 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ta' Qali — Crafts Village

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta' l-aħħar pjanta li turi l-iżvilupp tal-Crafts Village f'Ta' Qali?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li għadhom kif intemmu d-diskussjonijiet ma' l-inkwilini ta' Ta' Qali fejn kienu identifikati s-siti ġodda li dawn l-inkwilini ser ikollhom il-binja tagħhom. F'dan l-istadju ser jibda x-xogħol li jwassal biex issir il-pjanta tal-villaġġ. Hekk kif ix-xogħol jitlesta, il-pjanta tintbagħat lill-inkwilini u lil dawk interessati. Ta' min jgħid li fil-proċess ta' konsultazzjoni, kull inkwilin ingħata l-opportunita' li jesprimi fehemtu dwar l-iżvilupp ta' dan il-proġett.

Diviżjoni tax-Xogħlijiet — Attivitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet se jiġu organizzati sabiex ifakkru t-twaqqif tad-Diviżjoni tax-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li twaqqaf kumitat sabiex jorganizza programm ta' attivitajiet konnessi ma' l-10 anniversarju tat-twaqqif tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Għalkemm il-programm għadu mhux finalizzat, jien infurmat li qed jiġu ppreparati, fost oħrajn, dawn l-attivitajiet: Inħareġ logo ġdid tad-Dipartiment. Ser isir seminar ta' ġurnata fi Project House dwar id-Diviżjoni. 5-a-side football tournament. Donazzjonijiet tad-demm. Tiġi nawgurata librerija teknika fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Esibizzjoni pubblika fuq ix-xogħlijiet li saru mid-Diviżjoni u fuq passatempi tal-ħaddiema. Quddiesa ta' ringrazzjament u kunċert varjat mill-istess ħaddiema. Tiġi kkummissjonata biċċa xogħol ta' arti għall-okkażjoni. Xogħol ta' restawr ta' Portes des Bombes.
Leg 9 PQ #32501 Sitting 719 2002-04-09 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 32374, jista' jispjega kif il-pulizija se tivverifika jekk il-karozzi li jkunu ipparkjati fl-Imdina humiex ta' persuni mill-Imdina skond kif titlob il-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Naħseb illi t-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32374 hija ċara biżżejjed.

Fondazzjoni għall-Iżvilupp tar-Risorzi Umani

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 32372, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn huma l-president u l-membri attwali tal-bord tal-fondazzjoni għall-iżvilupp tar-risorzi umani? Kemm ingħatat flus kull sena

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-bord preżenti tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani hu kompost kif ġej: Ms Helga Ellul (President) Dr Godfrey Baldacchino Mr Alex Borg Mr Felix Borg Ms Antoinette Caruana Mr Mario Cutajar Dr Joanna Drake Mr Ray Lanzon Mr John Muscat Drago Mr Gaetano Vella Mr Joe Vella Bonnici Ninsab infurmat li minbarra s-somma ta' Lm15,000 mogħtija lill-Fondazzjoni meta ġiet imwaqqfa fl-1990, kif jidher fil-kuntratt, fis-snin l-oħra sussegwenti l-Fondazzjoni ngħatat mill-Gvern is-somma annwali ta' Lm5,000.

Għajnuna tal-Qagħad

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament mhux qed tingħata għajnuna tal-qagħad, minkejja li ilha aktar minn erba' xhur wieqfa u għandha familja ta' sitta minn nies?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpelant ġiet mitluba diversi drabi mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali biex tipproduċi dokumenti meħtieġa dwar it-talba għall-għajnuna. Minbarra li dawn id-dokumenti għadhom ma ġewx provduti, l-persuna ndikata lanqas biss marret l-Uffiċċju Distrettwali l-aħħar darbtejn li bagħtu għaliha. Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk persuna ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fi żmein raġonevoli, skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali din tista' titlef id-dritt għall-benefiċċju.
Leg 9 PQ #32425 Sitting 718 2002-03-20 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Quality Control Laboratory

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija nru. 32204, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehiem li intlaħaq mad-ditta Harrison Malta Environmental Ltd?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li l-ftehim huwa ta' natura kummerċjali, ma jkunx fl-interess taż-żewġ partijiet li jsir pubbliku. Madankollu ta' min jgħid li dan il-ftehim intlaħaq fl-ambitu tal-ko-operazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat.
Leg 9 PQ #32426 Sitting 718 2002-03-20 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 32201, jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatax permessi mid-Dipartiment ta' l-Artijiet għall-aċċess u allura użu ta' l-ispazju fuq is-Sur ta' l-Imdina minn Casa Magazzini?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ma tat l-ebda permessi biex isir aċċess u użu ta` l-ispazju fuq is-Sur tal-Imdina minn Casa Magazzini. Infurmat ukoll illi dan il-każ qed jiġi investigat mill-imsemmija Taqsima.

Awtorita' tar-Riżorsi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu l-kap eżekuttiv u min huma l-persuni inkariga mid-direttorati fl-Awtorita' tar-Riżorsi? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tal-kuntratti tagħhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32008 (Seduta 707).
Leg 9 PQ #32402 Sitting 717 2002-03-20 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Water Services Corporation

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija nru. 32180 u cioe, jista' l-Ministru jispjega r-riforma li saret fis-sezzjoni tad-distretti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-iskop wara din ir-riforma?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li ma saret l-ebda riforma fis-Sezzjoni tad-Distretti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Li sar dan l-aħħar kien ir-rilokazzjoni ta' numru ta' distretti għall-postijiet aktar adattati għaż-żmienijiet ta' llum.
Leg 9 PQ #32403 Sitting 717 2002-03-20 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kalaxlokk

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija nru. 32182, jista' l-Ministru jgħid kif il-kumpanija Kalaxlokk għażlet lill-periti imsemmija? X'inhi r-rata ta' ħlas ta' dawn il-periti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' regolamenti u strutturi ġodda huma meħtieġa sabiex il-barrieri tagħna jikkonformaw mar-regolamenti ta' l-UE għal dan is-settur? X'qiegħed isir mill-Gvern sabiex jinforma lill-operaturi f'dan is-settur dwar ir-riformi meħtieġa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi għal 'Minerals Subject Plan for the Maltese Islands' li diġa' dwaru kien hemm konsultazzjoni mal-pubbliku u operaturi tal-barrieri u ġie approvat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #32410 Sitting 717 2002-03-20 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi seħħu dwar ir-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari nru. 32176 u cioe jista' jgħid jekk ix-xogħol li qiegħed isir f'17, Inguanez Street Mdina huwiex kopert bil-permessi ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret minn uffiċjal mis-sezzjoni ta' l-Infurzar ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar irriżulta li sar xogħol mingħajr permess fil-post imsemmi li hu skedat. Għaldaqstant ser jinħareġ Avviż biex Tieqaf u ta' Twettieq b'referenza EC253/02 kontra s-sid tal-post.

Mistra — Bridge

Question

Jista' l-Ministru jara li d-direttorat tat-toroq jivverifika l-istat tal-bridge li hemm fit-triq li tagħti għall-bajja tal-Mistra peress li viżwalment jidhru li hemm ħsara strutturali fih?

Response (GALEA, ĊENSU)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 31671, jien infurmat li s-sejħa għall-offerti biex isiru l-ispezzjonijiet waslet biex tiġi ppubblikata.
Leg 9 PQ #32365 Sitting 716 2002-03-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li qegħdin jattendu l-Universita bħalissa u li ġejjien mill-iskola ta' Ħ'Attard, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, s-Siġġiewi, l-Mosta u r-Rabat, kull raħal separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita m'għandiex informazzjoni dwar liema skejjel primarji u sekondarji kienu attendew l-istudenti. Informat li n-numru ta' studenti li bħalissa qegħdin jattendu l-Universita` u joqogħdu fil-lokalitajiet imsemmija hu kif ġej: Attard 345 Żebbuġ 188 Dingli 52 Siġġiewi 182 Mosta 443 Rabat 227

Dipartiment tad-Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan sabiex jiġu appuntati assistenti diretturi fid-dipartiment tad-drenaġġ? Jekk fl-affermattiv x'sejjer ikun ir-rwol ta' dawn l-assistenti diretturi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li hemm il-ħsieb li jiġi appuntat Assistent Direttur fid-Dipartiment tad-Drenaġġ. Ir-rwol tiegħu jkun li jgħin fid-doveri tal-Kap ta' dan id-Dipartiment.

Studju Gejoloġiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal l-istudju gejoloġiku li kellu jsir fl-Imdina minn kumpanija Taljana?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Kif kien spjegat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31547, bħalissa qed jiġi stabbilit jekk il-moviment huwiex relatat maż-żmien tas-sena, studju li jirrikjedi minimu ta’ sena. Dan inbeda f’Ottubru, u qiegħed fis-sitt xahar. Qegħdin isiru rapporti perjodiċi fuq l-andament ta’ l-istudju, u dawn għandhom iwasslu biex f’għeluq is-sena jiġi ppjanat il-fażi ta’ intervent.