Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-car park li kellu jsir f'Bormla bħala parti mill-proġett tal-Cottonera Waterfront?
Meta hu ippjanat li jinbeda x-xogħol?
Min se jħallas għax-xogħol li jrid isir?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-faċilita' tal-parkeġġ intenzjonat illi jsir ġewwa Cospicua ma jiffurmax parti per se tal-Proġett tal-Kottonera għalkemm l-imsemmija faċilita' hija ntenzjonata illi tikkumplimenta l-istess Proġett. Ġie deċiż illi tinħareġ sejħa għall-offerti għall-kostruzzjoni u tmexxija mis-settur privat, ta' din il-faċilita' u bħalissa qegħdin jiġu ppreparati d-dokumenti neċessarji. Ix-xogħol jinbeda ladarba jitlesta l-proċess ta' 'tendering' u ssir l-għotja ta' l-istess tender.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex twaqqaf ix-xogħol ta' refurbishment ta' Pjazza Santa Margerita, Bormla?
Kemm intefqu flus fuq dan il-proġett s'issa?
Meta hu ppjanat li se jitlesta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s'issa ntefqu Lm81,203.35 fuq dan il-proġett. Għalkemm kien hemm ftehim dwar kif għandu jitkompla x-xogħol dan ma setgħax isir kif propost minħabba ntoppi li nqalgħu, fosthom il-Bus Terminus, iċ-ċaqlieq tal-kabbbana u l-aċċess bejn il-parti ta' fuq u ta' isfel. Il-Gvern qiegħed ukoll jippjana li jagħmel car park fl-area ta' taħt il-playing field ta' l-iskola.
Bħalissa qed isiru taħdidiet bejn il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u l-Kunsill Lokali Kottonera dwar kif għandu jitkompla x-xogħol. Il-Kunsill Lokali qabdu perit privat biex jagħmel proposti dwar ix-xogħol. Hekk kif ikun hemm l-approvazzjoni sħiħa ta' kulħadd għandu jitkompla x-xogħol.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-pjanti u ta' l-istqarrija dwar id-deskrizzjoni għall-proġett għall-iżvilupp ta' controlled landfill f'Birżebbuġia u fin-Naxxar?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tal-konsulenti li hemm mall-ministeru u li isimhom qed jintbagħat under separate cover?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-rwol tal-konsulenti msemmija fil-mistoqsija huwa hekk:
Wieħed huwa mpjegat f'dan il-Ministeru bħala full-time Consultant u huwa responsabbli għat-tmexxija u għall-amministrazzjoni ġenerali tal-Kooperativa ta' l-Indafa Pubblika.
Wieħed m'għadux impjegat bħala Advisor f'dan il-Ministeru, u l-ieħor huwa mpjegat bħala full-time Advisor u jagħmel xogħol ta' On-Scene Co-Ordinator fl-Oil Pollution Control Unit fit-Taqsima tax-Xogħlijiet f'dan il-Ministeru.
Jista' l-Ministru jgħid, b'riferenza għall-iżvilupp tal-crafts village ġdid f'Ta' Qali, x'se jsir minn dawk il-persuni li jokkupaw art li se tiġi żviluppata u li mhumiex parti mill-villaġġ eżistenti bħalma huma nies li għandhom ir-raba u l-irżieżet li jgħixu fihom?
Response (BONNICI, JOSEF)
In vista tat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 32481 waqt is-Seduta numru 719, naħseb li f'dan l-istadju ma jkunx prudenti li wieħed jidħol fid-dettalji dwar l-iżvilupp tal-Villaġġ tas-Snajja f'Ta' Qali.
B'riferenza għat-tender li ħareġ id-dipartiment tad-drenaġġ għall-investigazzjoni tal-mains tad-drenaġġ bis-sistema CCTV, jista' l-Ministru jgħid jekk hux korrett li kumpanija Taljana titfa' offerta għax-xogħol mingħajr ma tinkludi t-taxxa tal-VAT, għax tallega li bħala kumpanija barranija m'għandhiex tiġbor din it-taxxa u tinkludiha fir-rata tagħha? Ma jaħsibx il-Ministru li dan l-aġir jista' jkun diskriminatorju kontra kumpaniji Maltin?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li din it-tender qiegħda f'fażi ta' aġġudikazzjoni u m'għandix dubbju, li kif dejjem sar, din ser issir fuq "like with like basis".
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw kuntratturi għat-tender ta' bdil u installazzjoni tas-servizz ta' l-ilma fid-djar li nħarġet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma? F'liema stadju waslet l-aġġudikazzjoni ta' din it-tender ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li sitt kuntratturi applikaw għat-tender li qed issir riferenza għaliha. L-aġġudikazzjoni ġiet finalizzata fis-7 ta' Novembru 2001. Id-deċiżjoni tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti, meħuda fl-14 ta' Frar ta' din is-sena, kienet li t-tender taqa' u terġa' ssir bi speċifikazzjonijiet mibdula.
Peress li tħabbar li se jsir paviment fi Triq il-Merkanti, Valletta, jista' l-Ministru jgħid jekk hawnx-il ħsieb li din it-triq tiġi pedestrainised? Jekk fl-affermattiv, x'tip ta' traffic management se jsir u x'tibdil ħa jsir fil-mod kif jiċċerkola t-traffiku llum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li hija l-intenzjoni li l-parti tat-triq li diġa' hija pedestrian fil-għodu, minħabba l-Monti, tkun pedestrian il-ġurnata kollha. Madankollu għadhom qed isiru taħdidiet dwar kif dan l-aħjar li jsir. Hija x-xewqa tal-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u Floriana li l-arja pedestrian tiġi estiża.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallset flus il-kumpanija tal-films li għada kif użat il-fortizza ta' Rinella għal ġbid ta' dan il-film? Din il-kumpanija għamlet xi kontribuzzjoni għax-xogħol ta' restawr bħal ma għamlu kumpaniji oħra?
Response (BORG, TONIO)
Il-kumpanija tal-films mhix qegħda tuża l-fortizza ta` Rinella għal ġbid tal-film imma l-fortizza ta` Ricasoli. Din il-kumpanija qegħda tħallas Lm50 għal kull ġurnata li tuża` l-proprjeta` għall-ġbid tal-film u Lm5 għal kull ġurnata li ma tagħmilx ġbid tal-film.
Sa issa l-kumpanija ħallset is-somma totali ta` sitt elef u sitt mitt lira Maltin (Lm6,600) u għad iridu jsiru pagamenti oħra aktar il-quddiem. Id-Dipartiment ta` l-Artijiet m`għandux informazzjoni dwar it-tagħrif mitlub fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid meta u kemm ġie jiswa flus l-impjant għat-tratament tad-drenaġġ li nbena mill-MDC bħala parti miz-zona industrijali ta' Ħal Far?
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija nru. 32570 jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir sabiex is-sidien tal-barrieri jiġu informati dwar ir-riforma meħtieġa fis-settur sabiex xjintroduċu standards ambjentali u ta' sigurta fuq il-post tax-xogħol konformi ma dawk ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-BICC bl-għajnuna ta' l-MIC qed iżżomm kuntatt kontinwu ma' l-industrija fir-rigward ta' l-iżvilupp marbut ma' l-Unjoni Ewropea. Il-materja msemmija tifforma parti mill-firxa tat-temi pertinenti.
Azzjonijiet konkreti jinkludu:
Konferenza Nazzjonali: L-industrija tal-bini - kif tintlaqat bi sħubija li saret fid-19 ta' April 2002 fejn din il-materja ġiet elaborata.
Ktejjeb apposta bil-format Mistoqsija u Tweġiba li jkopri temi relatati ma' l-industrija u l-effett tas-sħubija fosthom din il-materja.
Iż-żewġ inizzjattivi kienu tal-BICC u l-MIC u s-sidien tal-barrieri huma rappreżentanti fil-BICC.
Jista' l-Ministru jispjega għal liema raġuni l-awtorita' ta' l-ippjanar qiegħda tippermetti li jsir bini bil-bricks tal-konkos fil-proġett tal-Kottonera propju mas-swar ta' Sant' Anġlu fil-Birgu?
Response (BORG, TONIO)
Fil-kuntest tal-proġett tal-Kottonera, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar approvat Outline Development Permits għal kull fażi tal-proġett, kif ukoll Full Development Permit għal fażi tal-proġett illi tinkludi il-bini ta` appartamenti madwar il-Menqa u fl-ajra magħrufa bħala t-Toqba.
Għal din il-fażi, kif ukoll għal numru ta` proġetti oħrajn, l-Awtorita` aċċettat il-filosofija arkitettonika ta` disinn kontemporanju li tinkorpora l-użu ta` materjali moderni, kemm għal kostruzzjoni, kif ukoll għal faċċati ta` bini kompletament ġdid, filwaqt li ma ġietx eskluża l-użu tal-ġebla.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol li sar sabiex board room fis-sular t'isfel tal-ministeru tiġi konvertita f'press room?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-nefqa fuq il-Press Room tammonta għal Lm18,504.78
Din is-somma ma tinkludix pagi tal-ħaddiema tal-Gvern (Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi u Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni).
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tal-permess u tal-pjanti approvati mill-awtorita' tal-ippjanar tax-xogħol li qiegħed isir fl-inħawi tal-Gillieru, f'Islet Promenade, Buġibba?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tas-segretarju permanenti fl-uffiċju tal-prim ministru?
Meta se jispiċċa dan il-kuntatt?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kif weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18371, ma nħossx li hija etika li npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ dawn il-kuntratti.
Il-kuntratt tas-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tiegħi ġie estiż b’sena oħra sa Jannar 2003.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' proprjetajiet li ġew mogħtija lill-kunsilli lokali permezz ta' devoluzzjoni sal-lum?
Kemm u fuq liema propjeta' hemm talbiet għad-devoluzzjoni li għadhom qed jiġu proċessati?
Il-kunsill lokali ta' Ħ'Attard għamel talba għad-devoluzzjoni tal-propjeta magħrufa bħala biċerija fi Triq il-Pitkali?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Rigward id-devoluzzjoni tal-proprjeta magħrufa bħala Biċċerija l-Antika fi Triq il-Pitkali, Attard, ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Attard diġa għamel talba għal din id-devoluzzjoni pero` għad irid jissottometti rendikont ta` l-ispejjez involuti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi tip ta' skema għal għajnuna għall-irranġar ta' l-imtieħen tar-riħ peress li dawn huma parti mill-pajsaġġ malti ukoll meta jkollhom xi ħsara, peress li jqumu ħafna sabhiex jittranġaw qegħdin monfok jitneħħew u jiġu sastituiti minn pompi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-Kummissjoni għall-Għajnuna Finanzjarja fi ħdan dan il-Ministeru tilqa' u tikkonsidra talbiet għal għajnuna finanzjarja rigward tiswija u manutenzjoni ta' mtieħen tar-riħ u swieni, sabiex dawn jibqgħu jinżammu fi stat tajjeb u jkun ppriservat l-ambjent naturali ta' pajjiżna. L-għajnuna finanzjarja tikkonsisti f'għotjiet li jkopru l-ispejjeż kollha involuti fil-manutenzjoni ta' dan il-wirt kulturali Malti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus s'issa fuq xogħlijiet li qegħdin isiru fl-iskola primarja ta' Ħ'Attard?
X'xogħlijiet fadal li jitlestew u meta hu ippjanat li dan ix-xogħol jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-aħħar snin sal-lum saret in-nefqa kapitali ta' Lm531,163 f'xogħlijiet fl-Iskola Primarja ta' ĦAttard.
Ix-xogħlijiet li fadal jitlestew huma ta' finitura fis-sala l-ġdida li jikkonsistu f'xogħlijiet ta' injam, ħadid, zokklatura tal-ħitan u purtiera għal fuq il-palk: servizzi mekkaniċi u elettriċi u ta' finitura f'basement taħt is-sala ta' l-iskola u l-bini ta' sub-station fil-ġnien pubbliku li jmiss ma' l-iskola biex permezz tagħha tissaħħaħ il-provvista tad-dawl fl-istess skola. Dawn huma ppjanati li jitlestew sa tmiem is-sena 2002. Sadanittant fi sħubija mal-Kunsill Lokali ta' Ħ'Attard hu pproġettat li jsir tkabbir ta' l-ispazji rikreattivi ta' l-iskola u hu ttamat li l-proġett ikun komplut sa l-aħħar ta' Awissu 2003.