Jista' il-Ministru jgħid jekk ic-chairman tal-Valletta Rehabilitation Committee jistax ikollu konflitt ta' interess peress li bħala perit u part-time f'ditta ta' periti għamlu diversi xogħlijiet għal dan l-istess kumitat ta' riabilitazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Huwa veru li l-perit imsemmi jagħmel parti minn ditta li għamlet fil-passat diversi xogħlijiet għall-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta. Huwa veru wkoll li l-istess ditta għadha l-konsulent għax-xogħlijiet li jsiru fil-Berġa ta' Kastilja. Biss, bħal kull Chairman ieħor, il-perit imsemmi jkollu jirtira mid-diskussjoni jekk din tista' tkun ta' nteress għad-ditta personali tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-iskop għall-applikazzjoni li saret lil MEPA, GF 3206/02?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi l-applikazzjoni lill-MEPA li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant saret mill-Awtorita' tat-Trasport sabiex jiġu stabiliti kriterji għal Environment Impact Assesment tat-toroq arterjali li ser jikkostitwixxu l-ewwel fażi ta' pjan ta' restawr u upgrading ta' toroq li jkun jista' jiġi ffinanzjat minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea meta Malta tissieħeb fl-Unjoni.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-konvenju li ġie iffirmat mill-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għax-xiri ta' appartament fil-housing estate ta' Ħal Mula, Żebbuġ fil-31 ta' Jannar 1992, u li sal-lum, għadu ma sarx il-kuntratt finali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar kienet infurmat bil-miktub diversi drabi lill-familja ndikata mill-Onor. Interpellant bir-raġuni għaliex ma setgħax jitkompla l-proċess għax-xiri ta' l-appartament li kienu jgħixu fih. Permezz ta' ittra li ġġib id-data tal-21 ta' Novembru 1996, l-Awtorita' tad-Djar infurmat għall-aħħar darba lill-familja ndikata li l-applikazzjoni tagħha kienet qed tiġi kkunsidrata bħala rtirata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ġibjun li qiegħed jinbena fejn l-HSBC f'Hompesch road, Fgura, hux kopert bil-permessi ta' l-iżvilupp meħtieġa mill-MEPA?
Response (BORG, TONIO)
L-iżvilupp in kwistjoni hu preżentement kopert minn notifikazzjoni dwar żvilupp (DNO).
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35459, jista' jagħti breakdown dettaljat tan-nefqa ta’ Lm30.0 miljuni li l-Prim Ministru semma li ntefqu f’toroq f’dawn l-aħħar erba' snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35459.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-iskop wara applikazzjoni PA 5061/02 li saret lill-awtorita' ta' l-ippjanar mid-direttur ta' l-istess awtorita' ta' l-ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Din l-applikazzjoni tirrigwarda proġett esperimentali biex tiġi żviluppata "artificial reef" li ser tinbena `l barra mill-Exiles, Sliema minn materjal riċiklat. L-iskop tal-"artificial reef" hu li jiġi kkreat 'habitat' artifiċjali. Dan il-proġett qed isir bil-kooperazzjoni tal-Marine Ecology Research Group tal-Universita` ta` Malta, bħala wieħed mill-proġetti finanzjati mill-Environmental Initiatives Fund, liema proġett ser jiġi iffinanzjat mill-Lm50,000 li kienu ittieħdu lill-iżviluppaturi ta` Portomaso, minħabba l-ksur fil-kundizzjoni tal-permess.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk ġiex impjegat chief executive ġdid ma' l-awtorita` Maltija għat-trasport? Jekk fl-affermattiv, min hi l-persuna u kif ġiet magħżula?
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' l-impjieg ta' din il-persuna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sur Mario Falzon inħatar Chief Executive ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta b'seħħ mit-2 ta' Setembru 2002. Din in-nomina saret wara sejħa għal applikazzjonijiet biex jintela dan il-post fil-gazzetti lokali kollha. Kien hemm ukoll il-permessi meħtieġa mill-korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC Permit number 104/2002).
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-kuntratt hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-topic paper dwar urban conservation li ġiet ipubblikata mill-awtorita' ta' l-ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tal-Urban Conservation and Built Environment Topic Paper li hu maqsum f`żewġ partijiet, (Draft for Public Consultation u Executive Summary). Aktar kopji jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (www.mepa.org.mt).
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-topic paper dwar il-utilities li ġiet ippubblikata mill-awtorita' ta' l-ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tal-Utilities Topic Paper li hu maqsum f`żewġ partijiet, (Draft for Public Consultation u Executive Summary). Aktar kopji jistgħu jittieħdu direttament mill-webpabe ta` l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (www.mepa.org.mt).
B’riferenza għar-rispota tal-mistoqsija parlamentari 35177, jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument dwar policy dwar saħħa u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol kif ukoll ta’ l-istatement ta’ policy li ġew maħruġa mid-diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti msemmija.
Jista’ il-Ministru jikkonferma jekk waqt il-bdil ta’ l-art tal-bitħa tal-palazz instabux xi fdalijiet storiċi, liema fdalijiet ġew mirduma mill-ġdid?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f'parti mill-bitħa fejn kienu qed jinbidlu xi servizzi nstabet parti minn troll li kien iservi ta' riserva għall-ilma. Din kienet nofsha imġarrfa, minn żmien il-gwerra, u mimlija radam ta' ebda mportanza storika. It-troll ġie dokumentat u reġa' ngħalaq.
Jista' il-Ministru jara li karozza żgħira ta' kulur iswed li hemm abbandunata fi Triq Angelo Melilli Żebbuġ, tiġi mneħħija peress li qiegħda toħloq inkonvenjent kbir lir-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-vettura msemmija mill-Onorevoli Interpellant, tneħħiet.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-interim retail planning guidelines li ġie pubblikat mill-MEPA?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji ta` l-Interim Retail Planning Guidelines (Public Consultation Draft) ippubblikat mill-MEPA. Aktar kopji jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (www.mepa.org.mt).
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport dwar żvilupp sostenibbli?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tan-National Report for Sustainable Development.
Aktar kopji jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage tal-Ministeru ta` l-Intern u l-Ambjent (www.mhae.gov.net).
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istudju dwar spazju għall-iżvilupp ta' l-SME's ippubblikat mill-MEPA?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji ta` l-istudju dwar spazju għall-iżvilupp ta` SME`s (Public Consultation Draft) ippublikat mill-MEPA. Aktar kopji jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (www.mepa.org.mt).
Jista' il-Ministru jgħid meta hu ippjanat li jitlesta x-xogħol fuq it-tieni fażi ta' l-Imtarfa Bypass? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-tieni fażi ta' l-Imtarfa bypass hija maqsuma f'żewġ partijiet.
L-ewwel parti, mir-roundabout ta' l-Imtarfa sa l-Junction ta' l-Istazzjon, ix-xogħol li jikkomprendi skavar, servizzi, bankini u asphalting, huwa stmat li se jiswa madwar Lm240,000. Id-Direttorat għat-Toroq qed jagħmel il-preparamenti biex it-tenders għal dawn ix-xogħlijiet jiġu ppublikati.
Għat-tieni parti ta' din it-tirq, mill-junction ta' l-Istazzjon sar roundabout tan-Nigret, id-Direttorat qed iħejji l-istimi tax-xogħlijiet meħtieġa.