Legislature:
Category:
Reset
Active:

B'Kara — Psaila Street

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu previst li se jitlesta x-xogħol kollu fi Psaila Street B'Kara? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħlijiet kollha f'din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi xogħol li kellu jsir fi Psaila Street huwa pratikament lest u fil-preżent jonqos illi il-kuntrattur jiffriska ftit ix-xogħol ta' landscaping. Xogħol ta' żebgħa ta' l-art f'din it-triq u l-manifattura ta' tabelli qegħdin isiru mill-Koperattiva ta' Tabelli u Sinjali tad-Diviżjoni tax-Xogħolijiet. Ix-xogħol kollu li twettaq fuq dan il-proġett hu stmat li se jiswa madwar Lm1,170,000.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mis-sejħa għall-offerti għall-bini u irranġar tat-toroq li jagħtu mir-roundabout tal-Qlejgħa sar-Raħal u sa Ħ'Attard, kif ukoll sat-triq ta' Srina, Ħaż-Żebbuġ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi l-offerti li kienu ħarġu biex isir ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant kienu ġew discarded peress illi l-kumpanija li kienet tefgħet l-aħjar offerta kien diġa' kellha f'idejha xogħol kbir ieħor u għalhekk ma kienitx meqjusha li tista' tagħmel ix-xogħol f'din it-triq ukoll, filwaqt illi t-tenderer li kien baqa' kien tefa' prezzijiet li kienu għoljin wisq meta kkomparati mar-rati għal xogħol ieħor li kien qed iwettaq id-Direttorat fl-istess żmien. Hu mistenni li dawn it-tenders jerġgħu joħorġu mill-ġdid.

Fgura — Triq Hompesch

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu previst li se jitlesta x-xogħol kolu fi Triq Hompesch Fgura? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħljiet kollha f'din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi x-xogħol huwa pratikament lest ħlief għal-bini tal-ġibjun li qed isir fil-ġenb ta' triq ħdejn Triq Kottonera u li x-xogħol fuqu hu mistenni li jitlesta f'Novembru. Jiena nfurmat li s'issa għad mhux finalizzat il-kont tax-xogħol kollu.
Leg 9 PQ #36501 Sitting 809 2002-11-04 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-platform tal-konkos li saret f'nofs Triq id-Dejqa wara l-Qorti, il-Belt, kenitx koperta bil-permessi tal-bini meħtieġa? Jekk fl-affermattiv x'inhu l-iskop ta' dan il-platform?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-'platform' tal-konkos indikata fl-interpellanza saret in konnessjoni ma` l-iżvilupp li ser isir fil-Qorti skond permessi maħruġa (PA 4276/01). Fil-fatt din il-'platform' hi sodda temporanja għal 'tower crane' li ser jitwaqqaf fuqha sabiex ikun jista` jsir ix-xogħol fuq l-imsemmi bini.

Belt — Swar

Question

Jista' il-Ministru jara li s-sistema li ddawwal is-swar tal-Belt titranġa peress li hemm sezzjonijiet sħaħ tas-swar li mhumiex imdawwla b'mod partikolari fin-naħa ta' Marsamxett?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' manutenzjoni tas-sistema ta' floodlights kien waqaf għal xi żmien pero' issa qed jitkompla.

B'Kara — Psaila Street

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk hemmx extra capacity għall-cables ġodda li jistgħu jgħaddu minn Psaila Street, B'Kara issa li din it-triq ġiet miksija mill-ġdid?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat iili waqt il-Co-Ordination Meetings li kienu saru waqt it-tmexxija tax-xogħol, il-utilities għamlu il-previżjonijiet tagħhom għal bżonnijiet ta' tkabbir li jista' jkollhom għas-servizzi tagħhom f'din it-triq u ħadu ħsieb li jpoġġu l-extra capacities li jista' jkollhom bżonn.

Bini tat-Toroq

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36187, jista' jgħid x'inhu l-ammont li ntnefaq fuq il-bini tat-toroq mill-1 ta' Ottubru, 1998 sal-lum, kull sena separatament? Jista' jagħti d-dettalji dwar in-nefqa li saret f'kull triq, inkluż l-isem tat-triq u l-lokalita`?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #36417 Sitting 806 2002-10-29 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel t'Għada — Pembroke

Question

B'riferenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 36185, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tax-xogħlijiet li ngħataw mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada lill-kumpannija Kalaxlokk Co. Ltd.?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Aġenzija Appoġġ — Kera

Question

B'riferenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 36208, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' kera li qiegħed jitħallas mill-aġenzija Appoġġ? Kemm hu stmat il-valur tax-xogħol li qiegħed isir fl-istess blokk? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-kera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-nefqa kurrenti fuq il-kera ta' l-uffiċini kollha ta' l-Aġenzija Appoġġ hi Lm28,240 fis-sena. Il-kera tal-blokk il-ġdid ser tkun ta' Lm9,840 għall-ewwel sena u Lm19,680 għall-erba' snin ta' wara. Wara dan il-perijodu il-kera tiżdied kull tlett snin. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt relattiv.

WMSID — Kiri ta' Pick-Up

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-WMSID jikri Mitsubishi pick-up JBA 028? Mingħand min jinkera dan il-pick-up u x'inhi r-rata tal-kirja? Il-kirja tkopri Ħdud u festi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-WMSID m'għandha l-ebda pick up van bin-numru ta' reġistrazzjoni IBA 208.

WMSID — Impjegat

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-grad tal-ħaddiem li jaħdem fi ħdan il-WMSID li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament? Din il-persuna tagħmel xogħol ta' overtime fil-ħdud u jekk fl-affermattiv, x'tip ta' xogħol iwettaq matul dan l-overtime? Kemm hu l-ammont ta' overtime li din il-persuna għamlet minn Ottubru 1998 sal-lum, kull sena separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-persuna msemmija jokkupa l-grad ta' Assistant Principal u fil-Ħdud jagħmel xogħol ta' supervision fuq ħaddiema li jaħdmu wara l-ħin normali tax-xogħol. Matul is-sena 1998 tħallas Lm 24.44 overtime 1999 tħallas Lm281.84 overtime 2000 tħallas Lm 90.76 overtime 2001 tħallas Lm651.40 overtime 2002 tħallas Lm967.21 overtime (sal-paga ta' Settembru)
Leg 9 PQ #36343 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bejjiegħa tal-Monti — Liċenzji

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn qegħdin jitħallsu l-liċenzji ta' hawkers li jarmaw fuq il-monti peress li l-pulizija mhux qed taċċetta ħlasijiet ta' dawn il-liċenzji?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li dawk il-hawkers li jarmaw fuq il-monti li kienu mdaħħlin fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, intbagħtilhom l-avviż tal-ħlas għal din is-sena mis-Sezzjoni għall-Liċenzji tal-Kummerċ. Dawn jistgħu iħallsu l-liċenzji tagħhom għand il-Kunsill Lokali. Qed isir ix-xogħol biex dawk il-hawkers li ma irċevewx l-avviż tal-ħlas jiddaħħlu fis-sistema kemm jista' jkun malajr biex ikun jista' jintbagħtilhom l-avviż tal-ħlas.
Leg 9 PQ #36345 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Għajn Tuffieħa - Taraġ għal Bajja

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-taraġ li sar f'dawn l-aħħar xhur minn ftit 'l isfel mill-istabiliment Apple's Eye għal bajja ta' Għajn Tuffieħa hux kopert bil-permess tal-MEPA? Jekk fin-negattiv, jista' il-Ministru jgħid x'azzjoni qed tieħu l-MEPA kontra dan l-abbuż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-taraġ imsemmi huwa mingħajr permess u għalhekk ħarġet ordni ta` infurzar numru ECF 466/00. Infurmat ukoll illi saret applikazzjoni fit-termini ta` enforcement li dan żamm l-esekuzzjoni ta` l-avviż ta` l-infurzar. F`dan l-istadju il-MEPA ma tistax tieħu azzjoni oħra sakemm tiġi deċiża l-applikazzjoni b`mod finali.
Leg 9 PQ #36346 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Dipartiment ta' l-Artijiet — Għajn Tuffieħa - Taraġ għal Bajja

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kiosk imsejjaħ Internet Cafe fil-bajja ta' Għajn Tuffieħa hux kopert bil-permess tad-dipartiment ta' l-artijiet? Jista' il-Ministru jgħid jekk it-taraġ li jagħti għal dan l-istess kiosk għandux il-permess tal-kummissarju ta' l-artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Fil-każ tal-kiosk bħal kiosks l-oħrajn kollha jinħareġ permess kull sena biex dan il-kiosk jiġi operat fix-xhur tas-Sajf. Ninsab infurmat illi ma inħareġ ebda permess mill-Kummissarju tal-Artijiet għat-taraġ li jagħti għal dan il-kiosk, u dan ser jiġi investigat.
Leg 9 PQ #36352 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Dipartiment ta' l-Artijiet — Rabat

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala t-talba li għamlet il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, lid-dipartiment ta' l-artijiet (L749/61) sabiex takkwista art viċin id-dar tagħha ma ġietx milqugħa?

Response (BORG, TONIO)

Il-persuna li qed jagħmel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant fil-fatt għandu kirja fuq l-art in kwistjoni. It-talba tiegħu ġiet irrifjutata għaliex l-istess art kienet ġiet esproprjata mingħand terzi persuni.
Leg 9 PQ #36269 Sitting 804 2002-10-23 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MRC

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36019, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim bejn iċ-ċentru Malti tar-restawr u ċ-ċentru tar-restawr Taljan? Kemm kienet l-għotja tal-Gvern Taljan lil MRC u kif intefqu dawn il-flus? Kemm għandu rappreżentanti l-Gvern Taljan fuq il-bord tad-diretturi u bħalissa min huma dawn il-persuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-ftehim iffirmat bejn iċ-Ċentru Malti għar-Restawr u l-Istituto Centrale per il Restauro ta' Ruma nhar it-3 ta' Mejju 2000. L-għotja tal-Gvern Taljan prevista fil-proġett Tlettax tar-Raba' Protocol Finanzjarju Italo-Malti u li kellha tintuża għaċ-Ġentru tar-Restawr kienet ta' 4 biljun lira Taljana. Minn dawn iċ-Ċentru ingħata biss Lit1,961,158,250. Il-fondi intużaw sabiex jinxtara l-apparat neċessarju sabiex iċ-Ċentru seta' jiffunzjona. Il-Gvern Taljan m'għandu ebda rappreżentanti fuq il-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Malti għar-Restawr.
Leg 9 PQ #36270 Sitting 804 2002-10-23 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċentru Malti għar-Restawr

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36053, jista' jara kemm-il darba siefret fuq xogħol taċ-ċentru Malti għar-restawr il-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament, mill-1 ta' Jannar 2001 sal-lum? Kemm kienu l-ispejjeż, inkluż air-fares, ta' kull safra li saret?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul l-2001, Dr Joe Cannataci siefer darba waħda biss fuq xogħol taċ-Ċentru malti għar-Restawr. Din kient għal Brussel biex jinnegozja b'suċċess il-kuntratt tal-Proġett IKONOS mal-Kummissjoni Ewropeja. Permezz ta' dan il-kuntratt iċ-Ċentru Malti għar-Restawr sar il-"Contracting Authority" għall-Proġett IKONOS li jiswa mat-tlett miljun EURO. Hu u jirritorna Malta minn Brussell, Dr Cannataci ingħaqad ma' delegazzjoni Maltija ta' kapijet ta' Istituzzjonijiet li joffru taħriġ vokazzjonali liema delegazzjoni żaret Toulon Franza fuq inizjattiva tal-EUPU. Minn din iż-żjara iffukata fuq Proġetti Leonardo twieldet l-ewwel inizjattiva Leonardo taċ-Ċentru tar-Restawr li saret b'suċċess f'Settembru li għadda, meta 10 studenti u 4 għalliema irrestawraw mitħna fi Sqallija bil-maġġor parti ta' l-ispejjeż imħallsa mill-programm Leonardo. Matul l-2002, Dr Joe Cannataci inħatar ukoll id-Direttur tal-proġett IKONOS u għalhekk, minbarra safar ieħor fil-kariga tieħgu bħala Chairman taċ-Ċentru tar-Restawr, kien impenjat ukoll f'numru ta' safriet previsti u mħallsa mill-fondi tal-Proġett IKONOS. Matul l-2002, Dr Joe Cannataci siefer: a) darba biex jirrapreżenta ċ-Ċentru Malti għar-Restawr fl-akbar Konferenza Internazzjonali li ssir fil-kamp tar-Restawr darba kull tlett snin, b) darba biex jippreżenta riċerka avvanzata li għamel b'suċċess iċ-Ċentru Malti għar-Restawr u b'riżultat li ċ-Ċentru Malti rċieva bosta proposti konkreti ta' kollaborazzjoni u proġetti ġodda, c) darbtejn biex intlaħqu b'suċċess ftehim ta' kollaborazzjoni ma' istituzzjonijiet fl-Olanda u l-Italja, d) darbtejn għal-prospetti ta' proġetti ġodda, kull darba fuq stedina uffiċċjali ta' aġenzija governattiva, darba fil-Ġermanja u darba fil-Libya, e) darba biex jirrappreżenta ċ-Ċentru Malti għar-Restawr fil-konferneza EVA fuq l-użu ta' l-elettronika u s-software fil-kamp tal-wirt kulturali, f) tmien darbiet fuq żjarat tekniċi tal-Proġett iKONOS. Id-dettalji ta' spejjeż ta' safar jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Is-seba safriet li saru fuq xogħol ġenerali u rappreżentazzjoni taċ-Ċentru ġew imħallsa mill-fondi taċ-Ċentru. It-tmien safriet li saru għall-iskopijet tal-Proġett IKONOS tħallsu mill-fondi tal-Proġett IKONOS.

BICC

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taż-żewġ studji li għamel il-BICC rigward il-pjanijiet lokali għal Għawdex u ċentru ta' Malta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #36280 Sitting 804 2002-10-23 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija 36026, jista' il-Ministru jgħid f'liema lokalita' ġiet offruta art mill-korporazzjoni Maltija għall-iżvilupp lill-persuna konċernata?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li hija l-intenzjoni tal-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp li toffri art alternattiva fil-Qasam Industrijali ta' Ħal-Luqa.

Petrol u Diesel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħata petrol u diesel mill-pompa tal-garaxx tal-gvern, f'Ħal Kirkop? Liema dipartimenti jużaw il-faċilitajiet ta' din il-pompa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-ammont ta' fuel li ngħata mill-pompa ta' Ħal Kirkop matul din is-sena bejn Jannar u Settembru huwa kif ġej: Petrol: 99,519lts Petrol bla ċomb: 183,213lts Diesel: 457,581lts Id-Dipartimenti li jagħmlu użu minn din il-pompa huma: Id-Dipartimenti fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Uffiċċju tal-President, id-Dipartiment tal-Housing, l-AFM kif ukoll id-Dipartiment tal-Mużewijiet.