Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kottonera — Proġett

Question

B'riferenza għall-proġett tal-Kottonera, jista' l-Ministru jgħid liema xogħlijiet inbdew hemm mill-consortium kif ukoll mill-gvern sal-lum? F'liema stadju waslu dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Cottonera Waterfront Group beda x-xogħol fuq il-proġett f'Ġunju 2000. Sar xogħol ta' twaqqiegħ fil-Cooperage Stores ħdejn il-Menqa, twaqqa' l-pont ta' fuq tal-Forti Sant'Anġlu u sar xogħol ta' tindif tal-Caraffa Stores u tal-ħnejjiet qodma tal-Ħabs, kif ukoll tas-Seagate Vaults u l-imħażen taħt il-Forti Sant'Anġlu. Sar ukoll ir-restawr tal-faċċati tal-Caraffa Stores u wkoll reġa' ġiet restawrata l-fetħa li kien hemm fis-sur fil-post li kien imwaħħal il-Pont ta' fuq tal-Forti Sant'Anġlu. Kważi tlesta wkoll il-bini ta' blokk ta' appartamenti residenzjali u ħames stabbilimenti kummerċjali fil-Menqa fuq in-naħa tal-Birgu u t-Toqba fuq in-naħa tal-Kalkara. Fil-11 ta' Ottubru li għadda ħareġ il-permess mill-MEPA għall-iżvilupp tal-yacht marina. Hu mistenni li x-xogħlijiet fuq il-marina jinbdew fil-bidu tas-sena d-dieħla u jkunu mqassma fi tliet fażijiet. Il-Port Cottonera Consortium għamel xogħol ta' restawr fuq Scamps Palace, li kien il-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni fi żmien il-Kavallieri ta' San Ġwann. Il-Palazz inbidel f'Casino immexxi mill-Casino di Venezia. Il-Port Cottonera Consortium nadfet ukoll is-sit biswit Scamps Palace fejn se tibni lukanda. Fil-fatt il-Casino di Venezia għadu kif laħaq ftehim mal-Port Cottonera biex tkun trasferita art lilu sabiex jiżviluppa l-istess art biswit il-Casino ġo lukanda u biex ukoll jirrestawra ż-żewġ palazzi li hemm bejn il-casino u l-istores ta' Caraffa. Il-Port Cottonera hi wkoll obbligata li tirrestawra l-bini tat-Teżor, is-Cement Stores u l-Maċina. Min-naħa tiegħu l-Gvern waqqa' l-bini magħruf bħala l-bini taċ-Ċiniżi taħt il-Forti Sant'Anġlu u pprovda l-komunita' Ċiniża li tgħix Malta b'akkomodazzjoni alternattiva. Fi ftit żmien se jibda wkoll ix-xogħol ta' tiswija fuq il-mollijiet ta' taħt il-Forti Sant'Anġlu biex ikunu tajbin għall-irmiġġi. Il-Gvern ħa wkoll ħsieb li jtejjeb l-infrastruttura mhux biss biex jitwettaq il-proġett iżda wkoll biex jirrisolvi l-problema eżistenti fl-inħawi. Sar xogħol biex tissaħħaħ is-sistema ta' l-elettriku, tad-drenaġġ u ta' l-ilma. Il-Gvern ukoll waqqa' l-ħajt li jissepara l-Baċir Numru 1 minn Triq Santa Tereża u minn parti minn Pjazza Gavino Gulia u minfloku sar ħadid dekorattiv. Sar ukoll xogħol ta' tisbiħ tal-bankina u anke' t-tqegħid tal-bankijiet.
Leg 9 PQ #36831 Sitting 813 2002-11-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Sea Passenger Terminal — Permess għall-Żviluppi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema permessi għall-iżvilupp inħarġu mill-MEPA b'konnessjoni mal-proġett tal-Cruise Liner Passenger Terminal sal-lum? Meta nħarġu dawn il-permessi u liema xogħlijiet ikopru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-permessi li inħarġu b`konnessjoni mal-proġett tal-Cruise Liner Terminal huma kif ġej:- Data: 14/2/2000 - Permess Outline għal proġett kollu. Data: 26/4/2001 - Permess Outline (ammendat) għal proġett kollu. Data: 13/11/2001 - Permess Full għal kostruzzjoni ta` bini għal terzi persuni. Data: 5/7/2002 - Permess Full ammendat għal kostruzzjoni ta` bini għal terzi persuni. Data: 27/8/2001- Permess Full għad-demolizzjoni ta` bini, kostruzzjoni tat-triq, restawr u bini tal-faċċata ta` Pinto Stores u kostruzzjoni ta` parkeġġ. Data: 4/11/2002 - Permess Full għal kostruzzjoni ta` bini għal Malta Maritime Authority. Data: 10/7/2000 - Permess għal skavar esploratorju fuq il-bankina tal-port.
Leg 9 PQ #36832 Sitting 813 2002-11-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Permessi għall-iżviluppi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema permessi għall-iżviluppi nħarġu mill-MEPA b'konnesjoni mal-proġett ta' Manoel Island u Tigne' Point sal-lum? Meta nħarġu dawn il-permessi u liema xogħlijiet ikopru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher hawn taħt:- Description Status Demolition of derelict buildings and dismantling of elevations to be constructed as per outline permit Approved on 18/12/00 Excavation of site in connection with application PA5326/00 (Tigne' Sports) Approved on 24/07/00 Restoration Works (St. Luke's Garrison Chapel) Approved on 23/04/02 Restoration of fabric of Fort Manoel phase 1, including barracks buildings, casement, polverista, couvre porte and main gate. Approved on 21/06/02 Full development application for Tigne sports phase in connection with PA 02135/94, Outline development plan, as described in accompanying documentation Approved on 21/06/02 To erect residential accommodation, with underlying car-parking, associated leisure facilities, landscaping, existing tunnels and pre-shore areas. (Tigne South Phase) Approved on 11/10/02 Excavation of site in connection with proposed works at Tigne south. Approved on 15/02/02 To erect multi-level underground carpark, pjazza with peripheral retail, offices and residential units. Application includes linking to south belvedere (Tigne Plaza Phase) Approved on 11/10/02 Installation of pontoons and sanctioning of pontoons already installed Approved on 26/07/02
Leg 9 PQ #36833 Sitting 813 2002-11-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Kottonera — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema permessi għall-iżvilupp inħarġu mill-MEPA b'konnessjoni mal-proġett tal-Kottonera sal-lum? Meta nħarġu dawn il-permessi u liema xogħlijiet ikopru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:- Data: 21/6/2000 - Permess Outline li jkopri l-iżvilupp kollu relatat ma` l-konsorzju Cottonera Waterfront Group minn barra l-proġett tat-Thalasso Therapy Centre, St. Angelo Fort. Data: 21/6/2000 - Permess Outline li jkopri żvilupp ta Thalasso Therapy Centre, St. Angelo Fort. Data: 21/6/2000 - Permess Full li jkopri l-bini ta' blokk appartamenti fil-Menqa/Toqba Birgu u r-restawr ta' Caraffa Stores. Data: 13/2/2002 - Tibdil fil-kondizzjonijiet 16,25,26, u 27 tal-permess PA 1043/00. Demolizzjoni tal-bridge minn Triq il-Ħabs l-Antik għall-fortizza. Data: 8/8/2000 - Permess Outline li jkopri l-iżvilupp kollu relatat ma` l-konsorzju Port Cottonera Ltd. minn barra l-proġett tal-Maċina. Data: 8/8/2000 - Permess Outline għal proġett tal-Maċina, Isla. Data: 1/3/2001 - Permess Full li jkopri l-iżvilupp ta' Casino fil-Palazz tal-Ġeneral, Birgu. Data: 8/8/2000 - Permess Full għal kostruzzjoni ta' Hotel fis-sit vakanti u fil palazz tal-Kaptani ta' l-Iskwadruni. Data: 9/4/2001 - Permess Full għad-demolizzjoni ta żidiet mal-bini storiku u skavar ta materjal. Data Approvat: 11/10/2002 - Permess full għal kostruzzjoni tal-Marina. (Permess għadu ma nħariġx) Data Approvat 11/10/2002 - Pjanti u faċċati ammendati għal permess PA 1043/00 - (Permess għadu ma nħariġx)

Ħaż Żebbuġ — Mdina Road - Pelician lights

Question

Jista' il-Ministru jara jekk jistgħux jitwaħħlu pelican lights f'Imdina Road, Ħaż Żebbuġ fejn Ronnie auto dealer peress li n-nies ta' l-area ta' Għar Ram ikunu jridu jaqsmu din it-triq arterjali li hi perikoluża ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tara x'jista jsir fl-area msemmija mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #36677 Sitting 812 2002-11-11 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Żvilupp ta' Crowns Work Ditch

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-proposta tal-MEPA għall-iżvilupp ta' Crowns Work Ditch f'park and ride scheme, liema proposta ġiet imħabbra xhur ilu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi il-permess għax-xogħolijiet infrastrutturali inħarġu f`Ġunju ta` l-2002. Jien infurmat li l-Awtorita` tat-Trasport qed tħejji t-tender document għax-xogħlijiet fuq il-junctions meħtieġa għal dan il-proġett.

Direttorat ta' Toroq — Flus imħallsa fuq expropriation

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus bħala expropriation għal bini ta' toroq mid-direttorat ta' toroq matul dawn l-aħħar 12-il xahar? X'inhu l-valur ta' commitments li saru għal ħlas ta' expropriation matul dawn l-aħħar 12-il xahar? Kemm kien il-valur ta' expropriation li sar għall-bini tal-Mosta ring road u kemm fil-fatt tħallsu minn dan il-valur sal-lum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel u tieni parti tal-mistoqsija ser tinġabar u tingħata aktar il-quddiem peress li din trid tittieħed mill-files ta' kull proġett. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija l-valur ta' l-artijiet li kellhom jittieħdu għal-bini tal-Mosta Ring Road s'issa hu stmat li jlaħħaq l-LM410,000. Dawn il-fondi ġew mogħddija lid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex eventwalment ikunu jistgħu isiru l-kuntratti għat-trasferiment ta' l-artijiet imsemmija.

Kiri ta' jetting bowsers

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn min intrebaħ il-kuntratt għall-kiri ta' jetting bowsers maħruġ mid-dipartiment tax-xogħlijiet, skond avviż 23 tat-8 ta' Frar 2002? Kemm kienet ir-rata li permezz tagħha intrebaħ dan il-kuntratt? Din ir-rata kienet l-orħos waħda mitfugħa? Kermm hu l-valur ta' xogħol li tħallas s'issa skond dan il-kuntratt?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-kuntratt li ġie ppubblikat skond Avviż Numru 23 tat-8 ta' Frar 2002, kien ingħata l-ewwel darba fil-25 ta' Mejju lis-Sur John Bugeja bir-rati ta' Lm3.95 u Lm4.45 kull siegħa, normali u sahra rispettivament. Din kienet l-orħos offerta mitfugħa. Ftit jiem wara, ġara li s-Sur Bugeja nforma lid-Dipartiment li ma kienx jista' jipprovdi l-bowser peress li kien biegħu. Id-Dipartiment ġibed l-attenzjoni tas-Sur Bugeja li l-azzjoni tiegħu se tkun immultata skond il-kundizzjonijiet ta' l-offerta. Minħabba li x-xogħol kien urġenti, it-tieni orħos kuntrattur, Bugeja & Bugeja ġew avviċinati pero' dawn irrifjutaw. Għalhekk ma kienx hemm triq oħra ħlief li tintgħażel it-tielet irħas offerta ta' Greenlines Environment Services. Fil-31 ta' Mejju 2002 ġiet aċċettata l-offerta tagħhom bir-rati ta' Lm6.90 u Lm8.50 rispettivament għal kull siegħa normali u bis-sahra. L-ammont ta' penali li s-Sur Bugeja ġie mmultat kien ta' Lm5,305. Il-pagamenti li tħallsu s'issa lill-Greenlines jammontaw għal Lm2,692.30.

Direttorat tat-Toroq

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk f'każ ta' tiġdid jew tibdil ta' servizzi (utilities) li huma taħt wiċċ it-triq u li jkun hemm bżonn li jsiru xogħlijiet fuqhom qabel il-bini tat-triq, f'każ li d-dipartiment jew il-korporazzjoni konċernata tirrifjuta li tagħmel ix-xogħol, id-direttorat tat-toroq qiegħed iħallas għal dan ix-xogħol? Jekk fl-affermattiv, x'inhu l-valur ta' xoglijiet li saru fuq il-utilities matul dawn l-aħħar tnax-il xahar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li r-risposta għall-ewwel parti tal-mistoqsija hija fl-affermativ. Peress li l-informazzjoni mitluba trid tinġabar mill-files tal-proġetti ndividwalment, id-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant jingħataw aktar il-quddiem.

Proġett Connections

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett Connections? Meta hu maħsub li se jiġu finalizzati d-diskussjonijiet mal-consortium magħżul u meta se jinbeda x-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Bħalissa għadhom għaddejjin in-negozjati mal-Konsorzju Renaissance u hu diffiċli li wieħed jipprevedi meta ser ikunu konklużi dawn in-negozjati.
Leg 9 PQ #36526 Sitting 811 2002-11-06 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Fosos

Question

Jista' il-Ministru jivverifika li x-xogħol ta' tqattiegħ ta' blat sabiex issir fossa fil-bajja ta' Lapsi, s-Siġġiewi hux kopert bil-permessi ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar? Jafu li għal dan ix-xogħol propost kienet saret oġġezzjoni mill-persuni kważi kollha li għandhom proprjeta' f'din il-bajja (PA 1419/00)? Jista' il-Ministru jispjega kif tista' titbattal din il-fossa meta vetturi kbar ma jistħgux jinżlu f'din il-bajja? Japprezzax li allura din il-fossa se twassal għat-tniġġiż tal-baħar ta din il-bajja b'effett serju fuq il-feedwater ta' l-impjant tar-reverse osmosis?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi x-xogħol ta` tħaffir ta` fossa li preżentament qed isir ġewwa Għar Lapsi, limiti tas-Siġġiewi huwa kopert bil-permess meħtieġ ta` żvilupp PA 1419/00 maħruġ fit-18 ta`Ottubru 2001. L-oġġezzjonijiet li saru minn terzi waqt il-proċess ta` l-applikazzjoni ġew ikkunsidrati mill-Awtorita`. Saret ukoll konsultazzjoni ma` l-entitajiet konċernati fuq dan is-suġġett, fosthom dawk ta` l-Ambjent illi ma sabux oġġezzjoni għal dan l-iżvilupp. L-applikant intrabat li l-fossa titbattal għas-spejjeż tiegħu permezz ta` pompa konnessa ma` bowser li jiġi pparkjat fit-triq Għar Lapsi. Il-fossa hija suġġetta għal ċertifikazzjoni u permessi mid-Dipartiment tad-Drenaġġ u minn dak tas-Sanita`, fejn dan ta` l-aħħar jirriserva d-dritt li jordna t-twaqqif ta` l-użu tal-fossa u/jew jordna sistemi ulterjuri ta` drenaġġ jekk iħoss in-neċessita` li jagħmel hekk.
Leg 9 PQ #36566 Sitting 811 2002-11-06 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' il-Ministru jara li l-Enemalta tilqa' d-diversi talbiet li sarilha, inkluż mill-kunsill lokali tas-Siggiewi, sabiex it-triq li tagħti għall-bajja ta' Lapsi tiġi imdawla, b'mod partikolari l-parti bejn id-dar tal-providenza u r-roundabout li hemm fejn il-barriera peress li din il-parti tat-triq bil-mod kif iddur hi perikoluża u tista' toħloq konfużjoni għal dawk is-sewwieqa li mhumiex familjari ma' din l-area?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta għall-kunsiderazzjoni tagħha.
Leg 9 PQ #36608 Sitting 811 2002-11-06 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel t'Għada — Pembroke

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 36417, cioe`: B'riferenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 36185, jistax ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tax-xogħlijiet li ngħataw mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada lill-kumpannija Kalaxlokk Co. Ltd.?

Response (GALEA, LOUIS)

Minħabba l-interess li l-Onor. Membru, u ditti li fihom jista' jkollu interess, għandhom, u minħabba xogħolijiet li fihom huwa involut in konnessjoni ma' proġetti ta' skejjel, mogħti l-parir li l-informazzjoni ta' natura kummerċjali li qed jitlob l-Onor. Membru dwar kuntratti ta' xogħolijiet mogħtija lil ditta partikolari m'għandhiex titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bini ta' Toroq

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 36408, cioe`jwieġeb mistoqsija parlamentari 36187 u jgħid x'inhu l-ammont li ntnefaq fuq il-bini tat-toroq mill-1 ta' Ottubru 1998 sal-lum, kull sena separatament? Jista' jagħti dettalji dwar in-nefqa li saret f'kull triq, inkluż l-isem tat-triq u l-lokalita`?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36187.

Mosta Ring Road

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' xogħol li tlesta sal-lum fuq il-Mosta Ring Road? Kemm hu l-ammont ta' ħlas li sar lill-kuntratur s'issa? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħol kollu u meta hu previst li se jitlesta x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s'issa hu stmat li l-kuntrattur wettaq kemm jammonta għal Lm567,570 valur ta' xogħol li minnhom tħallsu Lm350,720 filwaqt illi l-ammont Lm141,892 ġie miżmum bħala retention skond il-kuntratt. Il-kuntratt hu stmat li ser jiswa Lm898,000 u għalhekk jirriżulta illi sa llum tlesta 63% tax-xogħol fuq dan il-kuntratt. Ix-xogħol fuq dan il-kuntratt hu maħsub li jitlesta fi Frar 2003.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' xogħol li tlesta sal-lum fuq it-triq li tagħti mis-Salini sa San Pawl tat-Targa? Kemm hu l-ħlas li sar lill-kuntrattur sa issa? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħol kollu u meta hu previst li se jitlesta x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi s'issa hu stmat illi l-kuntrattur wettaq kemm jammonta għal Lm900,000 valur ta' xogħol li minnhom tħallsu Lm691,000 filwaqt illi l-kumplament ġie miżmum bħala retention skond il-kuntratt. Il-Kuntratt hu stmat li ser jiswa Lm1,690,000 u għalhekk jirriżulta illi sa lum tlesta 53% tax-xogħol fuq dan il-kuntratt. Id-Direttorat tat-Toroq u l-kuntrattur qed jiddiskutu l-qagħda preżenti tal-kuntratt u l-kuntrattur qiegħed jieħu passi biex iżid in-numru tal-ħaddiema li hemm fuq dan il-proġett.

Imtarfa Bypass

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' xogħol li tlesta fuq it-tieni fażi tal-bypass ta' l-Imtarfa sal-lum? kemm hu l-ammont ta' ħlas li sar lill-kuntrattur sa issa? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħol kollu u meta hu previst li se jitlesta x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-bini mill-ġdid tat-triq ta' l-Imtarfa hu maqsum f'żewġ sezzjonijiet. Bħal issa għadu kif sar ix-xogħol tal-bini tar-retaining wall fuq l-ewwel sezzjoni jiġifieri mir-roundabout sat-triq ta' l-istazzjon. Dan Ix-xogħol hu stmat li jiswa Lm320,000 u li minnhom s'issa tħallsu Lm155,000. Il-Korporazzjoni tad-Drenaġġi u l-Korporazzjoni tas-Servizzi ta' l-Ilma qedgħin jikkunsidraw jekk jistgħux javvanzaw il-proġetti tax-xogħol tagħhom ta' tqegħid ta' mains f'din it-triq u għalhekk risposta għall-kumplament tal-mistoqsija tkun tista' tingħata hekk kif dawn iż-żewġ entitajiet jieħdu d-deċiżjonijiet taghhom.

Triq ta' Burmarrad

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' xogħol li tlesta sal-lum fuq it-Triq ta' Burmarrad? Kemm hu l-ħlas li sar lill-kuntrattur sa issa? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħol kollu u meta hu previst li se jitlesta x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi s'issa hu stmat illi l-kuntrattur wettaq kemm jammonta għal Lm800,000 valur ta' xogħol li minnhom tħallsu Lm737,000. Il-kuntratt hu stmat li ser jswa Lm1,640,000 u għalhekk jirriżulta illi sa lum tlesta 48% tax-xogħol fuq dan il-kuntratt. Id-direttorat għat-Toroq u l-kuntrattur qed jiddiskutu l-qagħda preżenti tal-kuntratt u l-kuntrattur qiegħed jieħu passi biex iżid in-numru tal-ħaddiema li hemm fuq dan il-proġett.

Pubblikazzjonijiet

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għal mistoqsija 35793, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-pubblikazzjonijiet: Residential property market recommedations (2001) Report in public private partnerships (2002) Recycling building materials working party report (2002) Condition of contract for common civil works guidelines (2002) Standard methods of measurements guidelines (2002) Energy efficiency in building design guidelines (2002)?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-publikazzjonijiet mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #36513 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Lands Department

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-talba li saret lill-kummissarju ta' l-artijiet minn persuni li d-dettalji tagħhom qegħdin jingħataw separatament sabiex jitrasferixxu l-kera ta' garage f'Ħ'Attard minn fuqhom għax fuq binthom (L827/98)?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi permezz ta` ittra li ġġib id-data tas-6 ta` Ottubru 1999, l-Uffiċċju Konġunt kien informa lil persuna konċernata li t-talba tagħha ma setgħatx tiġi milqugħa, peress li kienet tmur kontra l-provvedimenti tal-Att dwar it-Trasferimenti ta` Artijiet tal-Gvern.