B'refernza għar-risposta ta' misotqsija numru 37845 jista' il-Ministru jgħid kemm hi stmata n-nefqa rikorrenti għat-tħaddim ta' l-isptar Mater Dei meta dan ikun komplet u jkun qiegħed jaħdem fit-totalita' tiegħu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minn l-aħħar studju li sar kien hemm ħafna tibdil dwar kif sejjer jopera l-ispatar Mater Dei. Għaldaqstant, illum qed isir studju profond biex tkun ikkalkulata mill-ġdid l-istima tan-nefqa rikorrenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jivverifika jekk l-ammont ta' pensjoni ridotta li qegħda tieħu l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hux korrett peress li hu tant żgħir li din il-persuna u l-familja tiegħu mhux possibbli li jgħaddu b'dan l-ammont?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għall-gwardjani tal-ħabs li ħarġu xi xahar ilu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istadju tal-ipproċessar ta` l-applikazzjonijiet għall-gwardjani tal-ħabs hu dak tal-vetting. L-applikazzjonijiet, li għalqu fis-27 ta` Diċembru, 2002, jesiġu li l-applikanti jkollhom ċertu kwalifiki.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir mil-larinġ li jinqata' mill-ġonna tal-Buskett?
Response (ZAMMIT, NINU)
Bħal ma jaf l-Onor Interpellant, il-funzjoni tat-taqsima Urban and Rural Landscaping għaddçt f'idejn l-Environment Landscaping Consortium Ltd, li twaqqaf dan l-aħħar.
Il-qtugħ tal-larinġ fil-ġonna hu responsabbilta' tal-Consortium, u l-frott li jinqata' jingħata għall-bejgħ lill-kuntratturi privati bi prezzijçt tas-suq.
B'danakollu, jien infurmat li l-kuntratt bejn il-Gvern u l-Consortium jassigura wkoll li l-Gvern jibqagħlu qligħ xçraq mill-bejgħ ta' dan il-frott.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi n-nefqa rikorrenti għal kull sena għat-tħaddim ta' l-Isptar San Luqa?
Jista' jgħid kemm hi stmata n-nefqa rikorrenti għall-Isptar Mater Dei?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li:
In-nefqa rikorrenti għat-tħaddim ta' l-Isptar San Luqa għas-sena 2003 hija stmata li tkun ta' LM29,496,350.
In-nefqa rikorrenti għall-Isptar Mater Dei għas-sena 2003 hija stmata li tkun ta' LM800,000.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-gvern rigward fidi ta' ċens li jkun rivedibbli kull 25 sena, liema ċens ikun jitħallas il-Joint Office?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma tħabbar fid-diskors tal-Budget għas-sena 2002, il-Gvern impenja ruħu li jifdi ċ-ċens ta` dawk il-postijiet kollha amministrati mill-Uffiċċju Konġunt dment li huma wżati bħala residenza ordinarja jew bħala postijiet ta` villeġjatura.
L-applikant għandu jibgħat ittra, flimkien ma` kopja ta` l-aħħar irċevuta, lill-Uffiċċju Konġunt fejn jitlob biex jifdi ċ-ċens.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 37425, jista' l-Ministru jgħid kif qiegħed isir bini proprju fil-wied ta' Ħ'Attard quddiem, u mhux fuq wara kif intqal fir-risposta, l-Isptar Monte Carmeli f'Ħ'Attard eżattament fuq wara tal-vilel kif indikat fis-site plan li qed tintbagħat separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li saret spezzjoni mill-Enforcement Officer ta` l-Area u jirriżulta li l-plot indikat fuq is-site plan li nbagħtet separatament, hija koperta b`permess numru PA 4043/02 maħruġ fid-9 ta` Settembru 2002. Ix-xogħol preżenti jikkonsisti fil-bini tal-boundary wall mat-triq u mal-korsa tal-wied, liema ħajt qiegħed jinbena skond il-linji uffiċjali.
Consortium Enviorment Landscaping — Xogħol/Private Public Partnership
Question
Jista' il-Ministru jgħid kif qiegħed jiġi mħallas il-consortium Enviorment Landscaping Company Ltd għax-xogħol li jwettaq fil-Private Public Partnership? Xi proċedura qegħda tintuża għax-xiri ta' makkenarju, siġar u oġġetti oħra li jintużaw fix-xogħol? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-programm ta' ħidma li dan il-Private Public Partnership irid iwettaq fit-tnax-il xahar li ġejjin?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s'issa għadu ma sar ebda ħlas lill-Environmental Landscapes Consortium Ltd.. Eventwalment hu mistenni li jibdew isiru pagamenti kull xahar. Dawn ikunu jirreflettu x-xogħol mwettaq, kif imkejjel mill-Monitoring Unit imwaqqaf mill-Gvern, u mħallas skond rati stabbiliti fil-programm ta' xogħolijiet anness mal-kuntratt.
Apparat jew inġenji li jistgħu jinxtraw mill-Consortium biex jitwettaq ix-xogħol kuntrattat jitħallsu mill-Consortium u jibqgħu l-projeta tiegħu. Siġar u materjal ieħor li jintuża direttament fix-xogħol jinxtraw kif jikkunsidra xieraq il-Consortium. L-ispejjeż f'dan ir-rigward jiffiguraw fil-Bills of Quantity sottomessi lill-Monitoring Unit għal kejl u ċertifikazzjoni qabel isiru ħlasijiet lill-Consortium.
Ix-xogħol li għandu jitwettaq mill-Consortium fl-ewwel tnax il-xahar mill-għoti tal-kuntratt huwa kif jidher fid-dokument anness.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-ispeed cameras bdewx jiġu wżati? Jekk fl-affermattiv x'riżultati kien hemm mill-installazzjoni ta' dawn il-cameras?
Response (BORG, TONIO)
B`żieda mat-tagħrif li jien kont tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34670, ninsab infurmat illi kien hemm 105 sewwieq li ingħataw ċitazzjonijiet wara li ġew irreġistrati fuq l-speed camera li kienu qed isuqu b`veloċita aktar minn dik permessibli.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 37446?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li n-nefqa kapitali fuq l-bini ta' toroq arterjali, bini ta' toroq lokali u manutenzjoni ta' toroq arterjali mill-1999 'l hawn kienet ta' Lm 28,506,000.
1999 Lm 4,998,000
2000 Lm 7,870,000
2001 Lm 6,688,000
2002 Lm 8,950,000
Ma dawn irrid inżid ukoll is-somma ta' Lm 1,713,000 f'valur ta' xogħol lest li għad irid jitkejjel kif ukoll Lm 1m miżmuma bħala "retention money" fuq xogħol li diġa hu lest iżda għadu ma ġiex ċertifikat.
Jien infurmat ukoll li saret ukoll nefqa ta' Lm 7,527,000 fuq xogħol ta' toroq mill-Kunsilli Lokali kif ġej:
1999 Lm 1,500,000
2000 Lm 1,673,000
2001 Lm 2,160,000
2002 Lm 2,194,000
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, kull xahar separatament? Kemm minn dawn l-inċidenti huma relatati ma l-industrija tal-bini u barrieri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol tar-restawr tal-Victoria lines? Hemm xi pjan kif se jsir dan ix-xogħol, kemm sar s'issa u meta se jispiċċa? Jekk fl-affermattiv jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-pjan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ix-xogħol ta' restawr fuq il-Victoria Lines qiegħed fl-istadju tat-tieni fażi tal-Proġett Pilota ta' Bingmma Gap fejn bħalissa qiegħed tiġi rrestawrata medda ta' madwar 250 metru ta' ħajt li twassal minn Bingemma Gap sax-Xagħra ta' Bingemma. Saru u għadhom qegħdin isiru diversi studji bil-għan li jitfassal pjan dettaljat tax-xogħol meħtieġ.
Huwa ppjanat li jibda proġett ieħor ta' restawr fuq ir-riħ ta' Ħal Għargħur. Għal dan l-iskop saret talba lid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex jiġi allokat bini antik tas-servizzi biex iservi bħala depot għall-ko-ordinazzjoni u l-immaniġġjar ta' dawn ix-xogħolijiet.
Dawn ix-xogħolijiet jibdew jitwettqu hekk kif jiġu allokati r-risorsi umani meħtieġa.
Minħabba esiġenzi oħra tad-Dipartiment, mhux presentament possibli li jsiru interventi fuq iżjed minn lant wieħed ta' dan il-monument storiku li fih madwar 12-il kilometru ta' ħitan.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol tat-tneħħija tal-wires minn mal-ħitan fl-Imdina? Kemm intefqu flus fuq dan il-proġett s'issa? Meta se jibda x-xogħol tal-pavimentar tat-toroq, kemm se jiġi jiswa u meta hu pjanat li se jitlesta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-proġett ta' tneħħija tal-wires minn mal-ħitan ta' l-Imdina huwa miexi skond kif kien ppjanat. Ix-xogħol kollu konness mas-sistema ġdida ta' servizzi taħt l-art tlestiet kollha u għaddew il-cables u servizzi kollha. Il-fażi tal-house connections hi fil-final tagħha. Diġa bdew jitneħħew il-wires minn mal-ħitan, l-ewwel tal-Melita Cable, umbagħad tal-Maltacom u umbagħad tal-Enemalta. S'issa dan il-proġett sewa' mat-Lm380,000 u dan jinkludi s-sistema ġdida ta' pillar boxes taħt l-art.
Għar-rigward tal-pavimentazzjoni propju ta' l-Imdina bħalissa qed jiġu ffinalizzati t-tenders li jridu joħorġu. Il-proġett huwa stmat li jibda fi Frar 2003, jdum mas-sentejn u jiswa' man-nofs miljun lira. Il-Proġett għar-Rijabilitazzjoni ta' l-Imdina qed jieħu ħsieb li l-proġett isir f'fażijiet sabiex ikun ta' l-anqas inkonvenjent għar-residenti u għall-pubbliku u turisti li jżuru l-Imdina.
Peress li ma ngħatax risposta għall-mistoqsija parlamentari 37405, jista' l-Prim Ministru jgħid kif qiegħed jiġi mħallas il-Consortium Environment Landscaping Company Ltd?
X'proċedura qegħda tintuża għax-xiri ta' makkinarju u siġar u oġġetti oħra li jintużaw fix-xogħol?
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-programm ta' ħidma li dan il-public private partnership irid iwettaq fit-tnax il-xahar li ġejjin.
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nissuggerixxi lill-Onorevoli Interpellant li jaghmel il-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar akkwist ta' art li sar mid-direttorat (ex dipartiment) tat-toroq għal xogħol konness mal-bini ta' toroq matul is-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 kull sena separatament.
1) lokalita` tal-proprjeta` akkwistata
2) d-data tal-kuntratt
3) l-valur tal-kuntratt
4) l-isem tan-nutar li ppubblika l-kuntratt
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi l-informazzjoni mitluba għall-Mistoqsia Parlamentari numru 36708 għadha qed tinġabar u għalhekk l-eżerċizzju ser jiġi estiż biex ikopri l-perjodu indikat f'din il-mistoqsija wkoll.
Jista' il-Ministru jikkonferma li f'dawn l-aħħar jiem inħarġet internal memorandum lill-impjegati tal-MEPA sabiex ma jagħtux informazzjoni dwar applikazzjonijiet lil periti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li nħarġet 'instruction note' biex tfakkar lill-uffiċjali ta` l-Awtorita` dwar il-provvedimenti għar-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni lill-pubbliku dwar applikazzjonijiet ta` żvilupp kif provdut fl-Att dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp.
Ta` min isemmi li kien taħt dan il-Gvern li għaddiet liġi li permezz tagħha l-pubbliku issa għandu aċċess akbar għall-informazzjoni. Dan seħħ wara li taħt amministrazzjoni Laburista saret emenda fil-liġi li tnaqqas dan l-aċċess.