Jista' il-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti akkużati li ħaddmu persuni barranin b'mod illegali matul dawn l-aħħar tnax-il xahar? F'liema data u fejn inqabdu jaħdmu dawn il-persuni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Frar 2002 u 31 ta` Jannar 2003, il-Pulizija resqet 15-il persuna quddiem il-Qorti fuq akkużi li ħaddmu persuni barranin illegalment. Dawn il-każi seħħew fid-dati u fil-lokalitajiet kif ġej:
Qormi
07.02.02
Mellieħa
02.05.02
26.06.02
Sliema
10.05.02
Luqa
21.09.02
Ta` Xbiex
10.05.02
Valletta
21.03.02
27.09.02
23.01.03
Balzan
13.11.02
Kirkop
16.01.03
Jista' il-Ministru jgħid kemm tressqu ħaddiema illegali barranin il-qorti wara li nstabu jaħdmu illegalment? F'liema data u f'liema post instabu dawn il-ħaddiema matul dawn l-aħħar tnax-il xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 38216, jista' l-Viċi Prim Ministru jfisser il-frażi "talbiet pendenti" għax mill-informazzjoni li għandi jidher li hemm ħafna iktar każi "awaiting" minn erbgħa?
Jista' jgħid minn liema pajjiżi hemm it-talba ta' l-addozzjoni tat-tfal għal erbgħa talbiet pendenti?
Minn liema pajjiżi nġabu tfal għall-addozzjoni matul dawn l-aħħar erbgħa snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-erba' talbiet pendenti msemmija fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 38216 huma talbiet ta' adozzjonijiet ta' tfal Maltin li d-dipartiment ġie mgħarraf dwarhom mill-Avukat li ressaq ir-Rikors fis-Sekond'Awla.
Id-Dipartiment jiġi nfurmat mill-Avukat li jressaq Rikors fis-Sekond'Awla tal-Qorti Ċivili dwar talba tal-applikanti biex jadottaw minuri (skond l-Artiklu 116 (2) Cap. 16 tal-Kodiċi Ċivili). Għaldaqstant, id-Dipariment mhuwiex f'pożizzjoni li jgħid in-numru ta' każijiet ta' adozzjonijiet pendenti fil-Qorti ta' Malta qabel ma jirċievi l-ittra msemmija mingħand l-Avukat tal-applikanti li ser jaddottaw.
Matul dawn l-aħħar erba' snin il-pajjiżi li minnhom inġabu tfal għal adozzjoni kienu Renju Unit, Pakistan, Albania, Rumanija, Filippini, Kolombja, Kenya u Marokk.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk meta jinqabdu ħaddiema barrani llegalment fuq xi sit ta' xogħol mill-ispetturi ta' l-ETC jittieħdux proċeduri kkontra min iħaddem dawn il-persuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Meta-ħaddiema barranin jinstabu jaħdmu f'Malta illegalment, l-uffiċċjali tal-ETC jgħaddu l-każijiet immedjatament lill-Pulizija.
Il-Pulizija ttellagħhom il-Qorti immedjatament. L-uffiċjali tal-ETC ġeneralment jintalbu jitilgħu wkoll il-Qorti bħala xhieda kontra l-persuna akkużata. Kemm il-ħaddiema kif ukoll min iħaddimhom, jiġu mmultati skond il-liġi, jekk jinstabu ħatja.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-istudju li kellhom jagħmlu l-konsulenti Taljani IRMA dwar iċ-ċaqliq fis-swar ta' l-Imdina ġiex kumplut? Jekk fl-affermattiv kemm ġie jiswa dan l-istudju? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l-istudju? Min hu r-rappreżentant tad-ditta IRMA f'Malta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dan l-istudju li qiegħed isir dwar iċ-ċaqliq fis-swar ta' l-Imdina għadu mhux lest pero' jinsab fi stadju avvanzat ħafna.
Jista' il-Ministru jara li l-pulizija li daħlu l-aħħar fis-servizz jingħataw raincoat kif suppost peress li ħafna minnhom qegħdin ibatu minn dan in-nuqqas propju issa fix-xuhur tax-Xitwa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-raincoat provduta lill-membri tal-Korp tal-Pulizija kienet qed tiġi evalwata sabiex ikun hemm titjib fil-kwalita` u sabiex tkun tinkludi safety standards bħal ma huma high visibility features kif ukoll sabiex tidentifika lill-persuna bħala Pulizija. Ninsab infurmat ukoll illi sejħa għal offerti skond dawn l-standards mistennija li toħroġ dalwaqt.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mit-talba sabiex jitwessa' Sqaq il-Mużew, Dingli ħafna snin ilu (WD 1792/84)
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex tara x'talba kien hemm biex jitwessa dan l-isqaq peress illi mir-referenza tal-file jidher illi l-każ imur lura għall-1984.
Awtorita' dwar l-Immaniġjar ta' l-Iskart — Kiri ta' uffiċini
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema uffiċini nkrew mill-Awtorita' dwar l-Immaniġjar ta' l-Iskart? Kemm hu l-ħlas li qiegħed isir kull sena għal dawn l-uffiċini? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-kera?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-uffiċini li nkrew għal kumpanija li għandha toffri s-servizzi għall-immaniġġjar ta' l-iskart huwa l-ewwel sular ta' 'Phoenix Building', Triq il-Ferrovija Santa Venera u l-kera li qed titħallas hija ta' Lm17,500 fis-sena. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt indikat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 38093 u cioe' jgħid x'inhi l-policy tal-gvern dwar private adoptions tat-tfal?
Kemm hu n-numru ta' talbiet għal private adoptions pendenti?
Kemm saru private adoptions matul dawn l-aħħar erba' snin kull sena separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Adozzjoni privata ssir minn koppja jew individwu eliġibbli skond il-Liġi Maltija dwar Adozzjoni b'rikors fis-Sekond'Awla. Mar-rikors jiġu ppreżentati ċertifikati u dokumenti tal-applikanti kif ukoll kunsens tal-ġenituri tal-minuri li jkun ser jiġi adottat. Skond l-Artiklu 116 (2) Cap. 16 tal-Kodiċi Civili, d-Direttur tal-Ħarsien tal-Familja jiġi nfurmat dwar l-adozzjoni mill-Avukat li jressaq ir-Rikors.
Fid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Familja hemm 4 talbiet pendenti t'adozzjonijiet privati li qed isir xogħol fuqhom.
Mill-1998 sal-2001 saru 61 adozzjonijiet privati. Minn dawn 15 saru fl-1998, 17 fl-1999, 14 fl-2000 u 15 fl-2001.
Jista' il-Ministru jara li jitkompla x-xogħol ta' restawr fuq l-arkata storika li hemm mal-ġenb tal-kappella tal-Kunċizzjoni l/o Rabat peress li dan ix-xoħol ilu wieqaf għal diversi ġimgħat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ix-xogħol ta' restawr fuq l-arkata storika li hemm mal-ġenb tal-kappella tal-Kunċizzjoni, limiti tar-Rabat, wieqaf temporanjament minħabba raġunijiet loġisitċi. Ix-xogħol għandu jerġa' jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir Triq Ġdida fi Triq il-Gandlora, Żebbuġ, peress li din it-triq hi prattikament mibnija kollha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi l-Awtorita' Dwar it-Trasport lestiet l-istejjem meċessarji sabiex jitlesta x-xogħol fit-triq imessija.
Għalhekk hu mistenni li fil-ġimgħat li ġejjin toħroġ sejħa għall-offerti sabiex ix-xogħol meħtieġ ikun jista' jsir.
Jista' il-Ministru jara li l-parti ta' ġewwa ta' Triq Ġdida fi Triq il-Gandlora, Żebbuġ tiddawwal b'mod adegwat għax mal-lejl ikun hemm dalm ċappa u peress li t-triq għadha ma saritx, qiegħda tagħti lok għal ħafna inċidenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra bħalha.
Jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata t-triq li tieħu mill-Madliena għall-Għargħur inkluż il-pont ta' quddiem Busietta Gardens, peress li din it-triq tinsab fi stat diżastruż?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi t-triq imsemmija kienet ġiet asfaltata żmien ilu, u għalhekk hija responsabbilta tal-Kunsill Lokali.
Madanakollu l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tispezzjona diversi toroq madwar Malta kollha, fosthom ukoll it-triq indikata mill-Onor. Interpellant sabiex tħejji programm separat għar-restawr ta' diversi toroq li għalkemm m'humiex arterjali għandhom linking function għat-trasport bejn l-istat u l-irħula.
Jista' l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni neċessarja fuq is-saqaf tal-kappella storika li hemm il-Kunċizzjoni l/o Rabat, peress li qiegħed jidħol l-ilma u jagħmel ħsara fl-istess knisja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li sa issa qatt ma kien hemm talba għal dan ix-xogħol. Madankollu, ser tiġi spezzjonata l-knisja bil-għan li jsir ix-xogħol meħtieġ.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 37212, jista' l-Ministru jara x'azzjoni tista' tittieħed mill-Korporazzjoni Enemalta peress li l-cables li jridu jsiru huma għad-distribuzzjoni ta' l-elettriku?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni Enemalta ġiet infurmata bl-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' draft text tal-liċenzja li se tinħareġ lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' 'draft text' tal-liċenzja li l-Malta Resources Authority ressqet għal konsultazzjoni qabel ma tiġi finalizzata l-liċenzja għall-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol tad-dawl tal-Milied li tqiegħed mal-promenade ta' Tas-Sliema u San Ġiljan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ispejjeż involuti fix-xogħol imwettaq mill-ħaddiema tad-Dipartiment għall-Manifattura u Servizzi huwa:
Materjal tal-lampi Lm1,723.
Conduit u wire Lm1,039.
Ħlas ta' overtime: plumbers Lm1,081.
Ħlas ta' overtime: electricians Lm1,666.
-------------
TOTAL Lm5,509.
-------------
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-gvern dwar private adoptions tat-tfal?
Kemm hu n-numru ta' talbiet għal private adoptions pendenti?
Kemm saru private adoptions matul dawn l-aħħar erba' snin kull sena separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija numru 37902 jista' il-Ministru jivverifika jekk qabel ma nħareġ il-permess PA4043 02 ingħatax attenzjoni għal fatt li dan il-bini se jostakola l-passaġġ ta' l-ilma f' Wied Inċita Ħ'Attard?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant tirrigwardja żvilupp f`sit li huwa identifikat għall-iżvilupp ta` vilel skond il-Pjan Regolatur u bejn is-sit u l-wied hemm triq. Għalhekk dan l-iżvilupp mhux ser jostakola il-passaġġ tal-ilma.
B'refernza għar-risposta ta' mistoqsija numru 37846 jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rotta tal-Park and Ride Scheme li hi proposta għall-Belt?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi r-rotta tat-
trolley buses
tal-
Park & Ride
għada qed tiġi maħduma peress li din it-triq tkun adattata għal dawn it-tip ta' vetturi li ser ikunu jaħdmu bl-elettriku.