Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-vapuri l-ġodda tal-Gozo Channel żviluppaw ħsarat fis-sistema tal-kanen tagħhom minħabba t-tip ta' materjal li ntuża? Jekk fl-affermattiv, kemm ġie jiswa x-xogħol ta' irranġar tas-sistemi konċernati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lillOnorevoli Nterpellant jagħmel ilmistoqsija lillMinistru konċernat.
Tista' il-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' impjegati mill-kumpanija Gozo Channel mis-sena 1992 sas-sena 2002, kull sena separatament (fl-aħħar ta' kull sena)?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lillOnorevoli Nterpellant jagħmel ilmistoqsija lillMinistru konċernat.
Jista' il-Ministru jara li titwaħħal bozza pubblika fis-sit Raba Nemel, l/o Rabat kif muri fis-site plan li qed tintbagħat separatament, peress li f'dawn l-irziezet joqogħdu diversi anzjani u mal-lejl ikun hemm ħafna dlam bil-konsegwenza li lanqas jissugraw joħorġu mid-djar tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ir-responsabilita' tat-twaħħil ta' lampi ġodda issa għaddiet f'idejn il-Kunsilli Lokali.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 1647, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport Retention of the status quo regarding the exportation of Maltese stone?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-rapport Retention of the status quo regarding the exportation of Maltese stone jinsab fis-sit tal-Malta EU Information Centre (www.mic.org.mt/Malta-EU/Studies/Studies_mes.htm).
Diviżjoni tax-xogħlijiet — Ħlas ta' sahra lill-ħaddiema
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu overtime il-ħaddiema tad-diviżjoni tax-xogħlijiet mill-1 ta' Jannar 2003 sa Settembru 2003? Fuq liema proġetti tħallas dan l-overtime?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena l-ħlas ta' overtime laħaq is-somma ta' Lm422,243.19ċ. L-ammonti għal kull xahar huma kif jidhru hawn taħt:-
Lm. ċ
Jannar 60,904.35
Frar 55,213.01
Marzu 62,579.36
April 82,060.37
Mejju 33,012.48
Ġunju 35,801.37
Lulju 40,810.13
Awwissu 25,867.63
Settembru 25,994.49
Dan l-overtime tħallas għal xogħol li sar fuq diversi proġetti fosthom il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-promenade ta' San Giljan, il-promenade tax-Xemxija, il-Barrakka t'Isfel, l-Imdina u proġetti ta' riabilitazzjoni u ta' restawr fost l-oħrajn.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk twaqqafx il-ħlas tad-danger money lill-impjegati fid-diviżjoni tax-xogħlijiet? Jekk fl-affermattiv, dan sar bi qbil mat-trade unions?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas tad-danger money biss twaqqaf lil numru ta' uffiċjali tekniċi fit-Taqsima tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni minħabba li t-talbiet ma kienux ġustifikati.
Dan qed isir bħala parti minn eżerċizzju biex jiġi assigurat li l-ħlas tad-danger money isir lil min ħaqqu.
Din mhix kwistjoni ta' trade unions iżda hija miżura purament amministrattiva.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġietx ippreparata t-tender għall-engineered landfill fejn l-Imnajdra? Saret stima tax-xogħol propost? Meta hu previst li se jibda x-xogħol?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iżvilupp ta' l-engineered landfill temporanja fl-inħawi ta' Qasam il-Kbir u tal-Magħlaq jifforma parti mid-dokumenti tal-pakkett magħruf bħala Package 2A li l-offerti għalih ġew sottomessi sal-15 ta' Settembru 2003. L-istima ta' dan ix-xogħol kienet saret u x-xogħol huwa previst li jibda' hekk kif jinħareġ il-permess tal-MEPA u jiġi mogħti l-kuntratt.
Diviżjoni tax-xogħlijiet — Ħatra ta' direttur ġenerali
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma nħatarx acting direttur ġenerali fid-diviżjoni tax-xogħlijiet meta dan il-post ilu vakanti diversi xhur? Meta se toħroġ is-sejħa għal ħatra ta' direttur ġenerali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sakemm jinħatar id-Direttur Ġenerali fit-Taqsima tax-Xogħlijiet, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ingħata n-nomina temporanja ta' Direttur Ġenerali, u dan skond Avviż tal-Gvern Nru. 694 li ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tat-8 ta' Awissu 2003.
Is-Sejħa għall-ħatra ta' Direttur Ġenerali ħarġet fil-21 ta' Lulju 2003 u għalqet fil-11 ta' Awissu 2003.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu x-xogħlijiet kollha li kellhom isiru fil-mużew ta' Villa Rumana fir-Rabat? Dawn ix-xogħlijiet tlestew kollha? Jekk fin-negattiv, għaliex kien hemm id-dewmien?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li fil-Villa Rumana oriġinarjament kellu jsir biss xogħol ta’ manutenzjoni. Dan ix-xogħol inbeda fi Frar 2002. Iżda wara studju fuq l-interpretazzjoni tas-sit inħass il-bżonn li jsir ukoll xogħol ta’ rijabilitazzjoni intensiva. Dan ix-xogħol kien jinkludi tibjid, tibdil ta’ madum, u xogħol biex is-sit isir aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilita` billi jiġi stallat platform lift u jsir ukoll toilet ġdid għal dawn il-persuni.
Dan il-proġett jinkludi wkoll xogħol intensiv fuq l-aperturi kollha tal-Villa Rumana u xogħol infrastrutturali biex tinbidel is-sistema ta’ l-ilma, drenaġġ u elettriku. Il-post kellu jiġi wkoll mgħammar b’sistema ta’ intruder alarm u fire detection system u sistema ta’ ventilazzjoni ġdida biex jiġi kkonservat aħjar il-mużajk Ruman. Sadanittant qed isir studju dwar il-possibilita li titqiegħed raised flooring għall-konservazzjoni aħjar tal-możajċi billi ma jkunx hemm kuntatt dirett.
Il-proġett jinkludi wkoll restawr ta’ l-oġġetti esibiti fil-Villa Rumana. Dan ix-xogħol tlesta u sar miċ-Ċentru Malti għar-Restawr.
Sar ukoll interpretative plan u l-proġett issa ser jinkludi wkoll xogħol biex tittella’ wirja permezz ta’ interpretation panels skond standards approvati. Hu maħsub li jkun hemm ukoll ħanut sabiex jinbiegħu oġġetti speċjalizzati.
Meta beda x-xogħol oriġinali ta’ manutenzjoni ma kienx antiċipat li l-proġett se jiġi estiż biex jinkorpora dan ix-xogħol kollu. Dan id-‘dewmien’ kien dovut għall-fatt li kien hemm u għad hemm aktar xogħol xi jsir biex titlesta r-rijabilitazzjoni mixtieqa fuq dan is-sit.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jinżammx inventarju aġġornat tal-ħwejjeġ kollha li jinsabu fil-mużewijiet tal-gvern? Jekk fl-affermattiv, dawn ingħataw lil Heritage Malta issa li din ilha li bdiet tiffunzjona mill-1 ta' Jannar 2003?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li kull mużew tal-Gvern għandu l-inventarju tiegħu. S’issa dawn l-inventarji kienu qed jinżammu biss mill-kuraturi ta’ kull mużew individwali. Bħalissa qed jiġi imħejji programm ta’ aġġornament u verifika ta’ l-inventarji kollha eżistenti, u fl-istess ħin is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed tlesti preparamenti biex jitwaqqaf inventarju nazzjonali kif titloob il-liġi dwar il-Patrimonju Kulturali.
Eżerċizzju ta’ aġġornament u verifika ta’ l-inventarji beda bi proġett speċifiku dwar ix-xogħolijiet ta’ l-arti li jeżistu f’dipartimenti, uffiċċini tal-Gvern, kif ukoll fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti. Hu maħsub li dan ix-xoghol ta’ aġġornament u verifika għandu jistlesta sa’ l-aħħar ta’ din is-sena. Wara dan il-proġett pilota, ser isiru oħrajn simili iffokati fuq kollezzjonijiet nazzjonali oħra.
Dwar l-inventarju nazzjonali, is-Sovrintendenza dalwaqt tipubblika tender għax-xiri ta’ sistemi elettroniċi u ta’ informatika, ta’ inventarji skond standards internazzjonali. Dan l-inventarju ser jiġbor fih struttura waħda, diversi inventarji ta’ oġġetti jew xogħolijet ta’ l-arti li jinsabu f’ mużewijiet, kif ukoll inventarji ta’ arkivji, dokumenti, fotografija u media oħra li jinsabu f’ kollezzjonijiet nazzjonali.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-attivitajiet sportivi li qegħdin jiġu organizzati fil-kumpless sportiv tal-Kottonera? Kemm miż-żgħażagħ li jattendu ġejjin mill-Kottonera?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li filwaqt li mhuwiex l-għan ewlieni tal-Bord tat-tmexxija tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera li jorganizza attivitajiet sportivi, huwa jħajjar għaqdiet lokali u internazzjonali li jorganizzaw fih il-kompetizzjonijiet u l-attivitajiet tagħhom.
Minbarra l-kompetizzjonijiet tal-volleyball fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Zagħar ta' l-Ewropa, ġew miżmuma b'suċċess tournament internazzjonali tal-weightlifting u l-FISTF Table Football World Cup. Jeżistu diġa kuntatti oħra għal tournaments internazzjonali fix-xhur li ġejjin.
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball qiegħda tagħmel użu mill-Kumpless bl-organizzazzjoni ta' l-attivitajiet regolari tagħha bi tħejjija għall-kampjonati nazzjonali ta' l-istaġun li ġej. Numru ta' għaqdiet oħra diġa' bdew iżommu l-laqgħat amministrattivi tagħhom fil-Kumpless. Ingħata aċċess wkoll għal attivitajiet kulturali u edukattivi. Huwa maħsub li l-iskejjel governattivi tal-viċinanzi ikollhom ukoll aċċess estensiv għall-Kumpless. Mit-18 ta' Ottubru kull nhar ta' Sibt filgħodu il-kumpless ser jibda jkun faċilita' ewlenija fejn isiru l-attivitajiet ta' Skolasport.
Il-Bord tat-tmexxija iltaqa' ma 23 entita' li wrew ix-xewqa li jagħmlu użu mill-Kumpless. Bħalissa qegħdin isiru l-aħħar tħejjijiet biex fi żmien qasir il-parti l-kbira ta' dawn l-għaqdiet ikollhom is-sede tagħhom bil-faċilitajiet li jkollhom bżonn fl-istess Kumpless. Hija l-politika tal-Bord li għaqdiet mill-inħawi tal-Kottonera jingħataw priorita' għall-użu tal-Kumpless, meta dan ikun mitlub u prattiku.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-kumpless ta' l-isport f'Bormla? Kemm fadlilhom x'jitħallsu l-kuntratturi? Dan il-ħlas se jsir sa l-aħħar tas-sena 2003?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nixtieq ninforma lil Onor. Interpellant illi l-konsulenza, d-disinji u bills of quantities saru mill-Building and Engineering Department tal-Works Division u huwa mifhum li n-nefqa tal-kumpless qed jiġi evalwat minn dan id-Dipartiment.
Sa l-aħħar ta' Settembru 2003, l-invoices li ġew ippreżentati u li kienu gew ippreżentati u li kienu għad iridu jitħallsu jammontaw għal Lm398,098.88.
Rigward il-ħlas, saret talba lill-Ministeru tal-Finanzi biex jiġu pprovduti fondi kemm jista' jkun malajr biex il-ħlas ikun jista' jitwettaq.
Diviżjoni tax-xogħlijiet — Impjegati li għandhom mobile phone
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fi ħdan id-diviżjonijiet tax-xogħlijiet kif ukoll fil-ministeru li għandhom mobile phone imħallas mill-gvern? F'liema grad huma dawn l-impjegati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Ministeru hemm sitt impjegati li għandhom mobile phone imħallsa mill-Gvern. Dawn jinkludu lis-Segretarju Permanenti, żewg Diretturi u tlett membri tas-Segretarjat Privat.
Fit-Taqsima tax-Xogħlijiet hemm tmien impjegati li għandhom il-mobile phone imħallas mill-Gvern. Dawn jinkludu ħames diretturi, ic-Chairman tal-BICC, il-Kap tal-Oil Pollution Response Module u l-Operations Manager fid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi.
Direttur ieħor kif ukoll il-Koordinatur tal-Proġetti ta' Rijabilitazzjoni jagħmlu użu mill-mobile phone personali tagħhom u d-dipartiment iħallas is-sejħiet.
Hemm ukoll 43 bejn inġiniera u periti li jirċievu Lm10 kull tlett xhur bħala kumpens għal sejħiet li jagħmlu fuq xogħol ta' l-uffiċċju mil-mobile personali tagħhom u dan skond il-ftehim li jeżisti mal-unions ta' dawn l-impjegati.
Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura — Applikazzjonijiet għal promotions
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex l-applikazzjonijiet kollha għal promotions li ħarġu qabel l-elezzjoni sal-lum lanqas biss għadhom bdew jiġu proċessati? Jista' jgħid jekk din hijiex policy ta' dan il-ministeru jew tal-gvern?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess għal promozzjonijiet ġie mwaqqaf temporanjament. Il-proċess tal-promotions għadu għaddej.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1605, jista' il-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tad-dipartiment tad-drenaġġ humiex se jingħataw l-għażla jekk riedux imorru mal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma jew jekk iridux jibqgħu mas-servizz pubbliku?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1606 u cioe' jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi talba minn xi dipartiment governattiv sabiex isir żvilupp li jinkludi proprjeta' 32, Eagle Str, Bormla?
Jista' jgħid kif ġiet applikata l-proċedura ta' pussess abbużiv meta dan l-istess gvern f'amministrazzjonijiet preċedenti kien stqarr li din il-proċedura m'għadhiex tintuża?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-fond no. 32, Eagle Street, Bormla jifforma parti minn żewġ blokki ta` bini f`Eagle Street, Hannover Street, Irish Street u St Mark Street li ġew identifikati biex jiġu esproprjati għal fażi li jmiss għal skopijiet ta` Housing (St. Helen`s Gate Project Phase III) mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta` Djar.
Il-postijiet kollha f`dawn iż-żewġ blokki ġew stmati biex jiġu esproprjati b`titolu ta` xiri assolut u appena l-Awtorita` tad-Djar tipprovdi s-somma mitluba ta` Lm234,500.00, id-Dipartiment tal-Artijiet jippublika d-Dikjarazzjoni tal-President ta` Malta għall-akkwist ta` dawn il-proprjetajiet bit-titolu ta` outright purchase.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1615, jista' il-Ministru jgħid jekk il-bdiewa ingħatawx risposta għall-ilment li għamlu ma' l-Awtorita' tar-Riżorsi rigward raba fl-inħawi tal-Marfa (mhux Imtarfa kif muri f'mistoqsija parlamentari 1615)?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' dwar ir-Riżorsi qed tagħmel l-investigazzjonijiet fuq l-ilment tal-10 ta' Settembru 2003 li għamlu l-bdiewa li għandhom ir-raba fl-inħawi tal-Marfa.
L-Awtorita' għandha tinforma lil partijiet konċernati fuq l-ilment inkwistjoni.