Legislature:
Category:
Reset
Active:

UE — Kontribuzzjoni finanzjarja ta' Malta

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu kkalkulat li se tkun il-kontribuzzjoni finanzjarja ta' Malta lill-Unjoni Ewropea matul is-snin 2004, 2005 u 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Ministri/segretarji parlamentari

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ministru jew segretarju parlamentari li baqa' jipprattika il-professjoni jew ix-xogħol tiegħu sal-lum, anke wara li ngħata l-kariga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari huma mistennija li jimxu mal-Kodiċi ta’ Etika li tapplika għalihom. Sezzjoni 45 ta’ din il-Kodiċi tirreferi għas-suġġett li qed iqajjem l-Onorevoli Interpellant u tgħid hekk: “Ministru (jew Segretarju Parlamentari) li qabel il-ħatra tiegħu jkun jaħdem għal rasu, jeżerċita professjoni jew ikun fin-negozju kemm jekk personalment, u kemm jekk permezz ta’ forma legali oħra, kemm jekk waħdu, u kemm jekk le, m’huwiex obbligat jiddisponi mill-interess jew sehem tiegħu iżda jrid jagħmel immedjatament l-arranġamenti neċessarji sabiex jassigura li: - jinqata’ mit-tmexxija u management ta’ l-uffiċċju, sengħa jew negozju; - jagħmel arranġamenti biex ikun jista’ jitħallas ta’ xogħol li jkun għamel jew profitti dovuti lilu; - ma jibqax jieħu sehem mill-ħlas jew profitti ta’ xogħol li jsir wara li jkun ġie maħtur Ministru, għajr għal somma fissa kull sena kkunsidrata bħala dħul fuq l-investiment li jkun għamel fl-avvjament.” Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ngħataw struzzjoni biex jottemporaw ma’ dak imsemmi hawn fuq.

Bini ta' impjanti tat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopji tal-full development permits għall-bini ta' l-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex u fil-Mellieħa?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li s'issa l-MEPA ħarġet permess 'outline' għall-Impjant t'Għawdex li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. L-'outline permit' għall-proġett tal-Mellieħa misteni jkun approvat fi żmien sitt ġimgħat oħra. Għadhom ma saru l-ebda applikazzjonijiet għal 'full permit' lill-MEPA fuq il-proġetti msemmijja. Dawn ser isiru mill-Water Services Corporation wara li jingħataw it-tenders u qabel jibdew ix-xogħolijiet attwali. Din il-procedura qed tkun addottata għax il-kuntratti huma tat-tip 'Design and Build' u għalhekk huwa kmieni wisq, f'dan l-istadju, biex wieħed iforni lill-Mepa b'disinn iddettaljat.

Dipartiment għall-immaniġġjar ta' l-iskart — Radam ta' skart fil-landrills

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus li d-dipartiment għall-immaniġġjar ta' l-iskart kellu jdaħħal mit-tariffi għar-radam ta' l-iskart fil-landfills kif ukoll fl-impjant tal-kompostaġġ minn meta ġew introdotti dawn it-tariffi kull sena separatament? Kemm fil-fatt ġabar flus kull sena d-dipartiment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Dawn il-flus sal-lum għadhom jinġabru mid-Direttur Ġenerali tax-Xogħlijiet. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Vetturi li jġorru l-iskart

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-vetturi li jġorru l-iskart humiex se jiġu liċenzjati għal din l-attivita' mill-waste serv?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-WasteServ Malta Ltd ma hijiex se tilliċenzja il-vetturi peress li qed toffri is-servizzi ta' Operatur u mhux ta Regolatur.

Waste serv — Radam fil-landfill

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus dovut lil waste serv għar-radam fil-landfill minn meta din l-aġenzija ħadet ir-responsabbilta' għal din il-funzjoni sal-lum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ammont ta' flus li kien dovut lil WasteServ għar-radam fil-landfill bejn Mejju tat-2003 sa Marzu tat-2004, kien ta' Lm557,447.41.

Toroq — Xogħlijiet

Question

B'riferenza għat-toroq imsemmija hawn taħt, jista' il-Ministru jgħid f'kull każ separatament: i) meta nbeda x-xogħol? ii) kemm sar xogħol s'issa u x'inhu l-valur tiegħu? iii) meta hu previst li jitlesta x-xogħol kollu? It-toroq huma: il-bypass ta' l-Imtarfa; it-triq ta' Burmarrad sar-roundabout tal-Qlejgħa; it-triq tas-Salina sa l-Iklin; il-Mosta ring road?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Dan il-proġett hu maqsum fi tlett fażijiet. L-ewwel fażi li tkopri l-parti magħrufa South Bound (li tagħti mir-Rabat lejn Ta' Qali) tlestiet fl-aħħar tas-sena 2000. L-ispiża għal dan ix-xogħol kienet Lm100,948. It-tieni fażi tkopri l-parti magħrufa bħala North Bound (li tagħti mir-roundabout ta' l-Imtarfa lejn ir-Rabat. Sa llum tlesta xogħol li l-ispiża tiegħu tammonta għal Lm410,000. Din il-fażi tinkludi xogħlijiet ta' bankini, parapetti u asfaltar. Dan ix-xogħol huwa stmat li jiġi jiswa madwar Lm100,000. It-tielet fażi tkopri bini ta' retaining walls, tqegħid ta' servizzi u kisi bl-asfalt tan-North Bound carriageway mill-pont tal-ferrovija sa Ta' Tabja. Dan ix-xogħol huwa stmat li se jiswa Lm500,000 u jkun jista' jinbeda wara li jitlesta x-xogħol li qiegħed isir bħalissa fuq it-tieni fażi. Burmarrad - Mosta Tarġa Gap Dan il-proġett inbeda f'Jannar 2001 u tlesta f'April 2003. Il-valur tax-xogħol laħaq is-somma ta' Lm1,467,311. Salina - Iklin Il-proġett inbeda f'Jannar 2001 u hu maħsub li jitlesta sa l-aħħar ta' Ġunju 2004. S'issa huwa stmat li tlesta 90% tax-xogħol li l-valur tiegħu huwa Lm2,003,729. Mosta ring road Il-proġett inbeda f'Jannar 2001. Hu stmat li x-xogħol hu 80% komplut. Dan ix-xogħol hu stmat Lm936,000 u hu maħsub li l-proġett jitlesta f'Settembru 2004.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Minsitru jgħid liema toroq se jsiru permezz tal-fondi mill-Unjoni Ewropea? Hemm bżonn ta xi permess tal-MEPA għal dawn it-toroq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-toroq li se jsiru permezz tal-fondi ta' l-Unjoni Ewropea jaqgħu fi tlett kategoriji: Fl-ewwel kategorija hemm dawn finanzjati mill-istructural funds li se jkunu: 1. Triq Ħal Far, B'Bugia, it-tielet fażi li tkopri l-parti mil-Laboratorju tal-Paċi sal-Freeport (3km). 2. Triq il-Marfa, Mellieħa m iċ-Ċirkewwa sat-triq tal-Mistra (4.2 km). Teżisti l-possibbilta' li dan ix-xogħol ma jsirx biex il-fondi jintużaw għax-xogħol tal-pontijiet ta' Triq Reġjonali. Fit-tieni kategorija hemm dawk finanzjati mill-cohesion funds li se jkunu: 1. Dawret San Pawl, San Pawl il-Baħar (2.7 km) 2. Vjal l-Avjazzjoni, Luqa (0.6 km) 3. Triq l-Imġarr, Għajnsielem, Għawdex (1.8 km) Fit-tielet kategorija hemm mill-finanzjament mill-istructural regional funds għal Għawdex li se tkun it-triq li mir-Rabat twassal għal San Lawrenz. Dawn il-proġetti jridu jkunu regolarizzati mill-permessi tal-MEPA.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma t-roroq li se jsiru permezz tal-fondi mill-protokoll Taljan? Għal dawn it-toroq hemm bżonn xi permessi mill-MEPA?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-toroq li se jsiru b'finanzjament mill-ħames protokol dwar assistenza ekonomika, teknika u finanzjarja bejn il-Gvern Malti ta' l-Italja huma kif ġej: 1. Tarġa Gap, Mosta sar-roundabout tal-Qlejja, Mosta. 2. Roundabout Qlejja, Mosta saċ-ċimiterju Militari, Rabat. 3. Ċimiterju Militari sar-roundabout tas-Saqqajja, Rabat. 4. It-Triq tas-Saqqajja, minn Ħ'Attard sar-Rabat. 5. Triq Mdina, Qormi/Żebbuġ mix-showroom tal-KIA sar-roundabout tas-Saqqajja. 6. Triq is-Siġġiewi, Żebbuġ/Siġġiewi. 7. Triq Ħal Qormi/Ħal Luqa; Triq Ħal Luqa/Qormi; mill-Għammieri sa Vjal il-Kunsill ta' l-Ewropa. Applikazjonijiet li saru għand il-MEPA diġa' ġew approvati mill-board u l-awtorita' qed tistenna li jinħarġu l-permessi.

Bini ta' impjant għat-trattament tad-drenaġġ

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari preċedenti rigward il-bini ta' impjant għat-trattament tad-drenaġġ permezz tal-fondi mill-protokoll Taljan, jista' il-Ministru jgħid: i) meta l-Gvern Taljan ħareġ sejħa għall-expression of interest għall-kumpanniji Taljani interessati f'dan ix-xogħol? ii) kemm-il kumpannija rrispondiet għal din is-sejħa? iii) liema kienu l-kumpanniji li wrew interess?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena infurmat li saret sejħa għal 'expression of interest' permezz ta' l-Ambaxxata Taljana, fit-3 ta' Marzu, 2004. Din is-sejħa għalqet fit-22 ta' Marzu, 2004, id-data meta lista ta' 15-il kumpanija ġiet iffinaliżżata. Ma sar l-ebda proċess ta' 'shortlisting ' u l-kumpaniji kollha ser jingħataw iċ-ċans li jitfgħu offerta.

Diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi — Laboratorju għall-ittestjar tax-xogħlijiet ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru gjħid x'inhi r-raġuni li l-laboratorju għall-ittestjar tax-xogħlijiet ta' toroq li kien hemm fi ħdan id-diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi sal-lum għadu ma ġiex integrat man-National Standards Laboratory?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-laboratorju li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant ilu li ġie ntegrat mal-Malta National Laboratory minn Marzu 2002.

Ħad-Dingli — Triq Ċensu Spiteri - servizz ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5147 u cioe' jista' jgħid meta se jitwassal is-servizz ta' drenaġġ fil-parti ta' fuq ta' Triq Ċensu Spiteri, f'Ħad Dingli peress li din it-triq qiegħda fil-parti l-antika tar-raħal u qiegħed jinħoloq inkonvenjent kbir lir-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-estensjoni tad-drenaġġ fi Triq Ċensu Spiteri, Ħad-Dingli ddaħlet fil-programm ta' xogħolijiet simili tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.

Universita' — Kors tal-BEduc

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma/jiċħad rapporti li wasluli li l-kors tal-BEduc fl-Universita' se jitwaqqaf għal numru ta' snin peress li qiegħed jingħad li hawn wisq għalliema gradwati?

Response (GALEA, LOUIS)

Niċħad ir-rapporti msemmija. Il-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni qatt ma kellha, u l-anqas għandha, pjani biex il-kors tal-B.Ed (Hons.) jitwaqqaf għal numru ta' snin minħabba n-numru ta' għalliema gradwati.

Miżbla tal-Magħtab — Ħażna temporanja ta' skart

Question

B'riferenza għall-faċilita' ta' ħażna temporanja ta' l-iskart fil-Magħtab, jista' il-Ministru: i) ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-proġett kif ukoll il-permessi tal-MEPA; ii) kemm ġie jiswa x-xogħol li sar; iii) meta nħarġu t-tenders għal dan ix-xogħol; u iv) minn min intrebħet it-tender għal dawn ix-xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li ma hemmx bżonn ta’ permess ta’ żvilupp għall-faċilita’ msemmija. Qed tinġabar l-informazzjoni neċessarja għall-kumplament tal-mistoqsija.

Ħad Dingli — Triq Ċensu Spiteri - servizz ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitwassal is-servizz ta' drenaġġ fil-parti ta' fuq ta' Triq Ċensu Spiteri, f'Ħad Dingli peress li din it-triq qiegħda fil-parti l-antika tar-raħal u qiegħed jinħoloq inkonvenjent kbir lir-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Laboratorju għall-ittestjar tax-xogħlijiet ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-laboratorju għall-ittestjar tax-xogħlijiet ta' toroq li kien hemm fi ħdan id-diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi sal-lum għadu ma ġiex integrat man-national standards laboratory?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Kumitat li jiġġudika t-tenders — Protokoll ma l-Italja

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn min hu iffurmat il-kumitat li qiegħed jaġġudika t-tendersgħal xogħol ta' toroq li se jsir skond il-protokoll ma l-Italja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi l-kumitat hu ffurmat minn: Mr. Anthony Pavia - Chairman Dr. Marc Bonello - Member Mr. Anton Spiteri - Member Mr. Carmel Zammit - Member Mr. Angelo Mallia - Secretary

Protokoll Taljan — Bini ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-aġġudikazzjoni ta' l-offerti għal bini ta' toroq li se jiġu ffinanzjati mill-Protokoll Taljan? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-parti tal-Protokoll Taljan li tirrigwardja t-toroq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi l-kumitat lesta rapport ta' l-evalwazzjoni teknika u finanzjarja ta' l-offerti għal dan ix-xogħol. Hu ppjanat li dawn it-tenders jiġu aġġudikati sa l-aħħar ta' dan ix-xahar.

Suq tal-propjeta

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport dwar is-suq tal-propjeta' li għadu kif ġie ppublikat mill-BICC?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.