Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Enterprise — Perit

Question

B'riferena għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6080, jista' il-Ministru jivverifika l-fatti għax jien għandi fil-pussess tiegħi korrispondenza ffirmata minn perit li ismu qed jintbagħat separatament, f'isem l-MDC?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li la l-Malta Enterprise u lanqas il-Malta Development Corporation ma jimpjegaw lil xi persuna bl-isem il-ġdid indikat mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu, Perit bl-isem indikat fil-Mistoqsija oriġinali numru 6080 huwa mpjegat mal-Malta Industrial Parks Limited.

Air Malta — Titjiriet bi prezz sussidjat

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' passiġġieri li ġew Malta bit-titjiriet ta' l-Air Malta bi prezz sussidjat sabiex jivvotaw fl-elezzjoni tal-MEP's? Kemm ġie jiswa dan is-sussidju? Dan is-sussidju jagħmel tajjeb għalih il-gvern jew l-Air Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Birkirkara — Triq Olaf Gollcher

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tinfetaħ Triq Olaf Gollcher f'Birkirkara peress li din it-triq hi importanti għar-residenti ta' din l-area għax tgħaqqad il-bypass ta' Birkirkara mal-parti l-qadima tar-raħal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi t-triq imsemmija ġiet spezzjonata minn perit ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport u nstab illi biex din tkun tista' tinfetaħ jeħtieġ li tittieħed parti minn għalqa li tinsab fit-tarf ta' din it-triq. L-awtorita' mistennija tikkonsidra t-talba ta' l-Onor. Interpellant sabiex tara x'inhu l-aħjar li jsir.

Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew — Offerta għall-provvista tat-trasport

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6093 u cioe' jista' jgħid min tefa' l-offerta għall-provvista tat-trasport lill-kummissjoni elettorali għall-elezzjonijiet tat-12 ta' Ġuju, 2004? Min rebaħ din it-tender?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għall-elezzjonijiet tat-12 ta’ Ġunju 2004, intefgħu offerti minn dawn il-kuntratturi: 1. Għall-provista ta’ karozzi bix-xufier: Paramount Garages, Executive Transport Co-op Ltd, Demicoli Garage, Peppin Garage Ltd, Mikalkris Ltd u First Coaches; 2. Għat-trasport ta’ kaxex tal-voti u persuni li jakkumpanjawhom (Malta): Public Transport Association u Unscheduled Bus Service; 3. Għat-trasport ta’ Assistenti Kummissjonarji Elettorali: Executive Transport Co-op Ltd u Co-op Services Ltd; 4. Għat-trasport ta’ persuni minn u lejn is-sala ta’ l-għadd tal-voti, Ta’ Qali: Executive Transport Co-op Ltd u Co-op Services Ltd; 5. Għat-trasport ta’ kaxex tal-voti u persuni li jakkumpanjawhom (Għawdex): Amabile Zammit, f’isem il-Gozo Bus Owners Association; 6. Għat-tqassim ta’ kaxex tal-voti, poloz tal-votazzjoni u dokumenti oħrajn: Public Transport Association u Unscheduled Bus Service. L-offerti ntrebħu minn dawn il-kuntratturi: 1. Paramount Garages 2. Unscheduled Bus Service 3. Co-op Services Ltd 4. Co-op Services Ltd 5. Amabile Zammit, f’isem il-Gozo Bus Owners Association 6. Public Transport Association

Settur tat-trasport pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk issa li Malta saret membru ta' l-Unjoni Ewropea, hemmx il-ħsieb li jiġi liberalizzat is-settur tat-trasport pubbliku b'mod partikolari n-numru ta' karozzi tal-linja, minibuses u taxis?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u t-tweġibna tingħata f'seduta oħra.

Elezzjonijiet tat-12 ta' Ġunju — Offerta għall-provvista tat-trasport

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid min tefa' l-offerta għall-provvista tat-trasport lill-kummissjoni elettorali għall-elezzjonijiet tat-12 ta' Ġuju, 2004? Min rebaħ din it-tender?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tingħata tweġiba hekk kif l-informazzjoni mitluba tasal mingħand il-Kummissjoni Elettorali.

MEPA — Ħaddiema sospiżi fuq każi ta' investigazzjoni kriminali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif jitħallsu dawk l-impjegati tal-MEPA li jkunu sospiżi fuq każi ta' investigazzjoni kriminali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li skond il-provvedimenti tal-ftehim kollettiv ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), meta mpjegat jiġi sospiż waqt li jkunu għaddejjin proċeduri kriminali fil-Qorti ma jittieħdu l-ebda passi dixxiplinari sakemm jiġu mitmuma il-proċeduri fil-Qorti, u għalhekk l-impjegat ikompli jgawdi mill-paga normali. Jien infurmat li din il-klawsola ilha hekk sa mill-ewwel ftehim kollettiv.

Forti Chambray

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-gvern fil-konfront ta' l-iżviluppaturi ta' Fort Chambrai li kienu kisru l-kondizzjonijiet tal-kuntratt li bih ingħataw il-proprjeta'?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onorevoli Membru jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u l-Investiment.

ATP — Ħaddiem

Question

Jista' il-Ministru jispjega x'inhu r-rwol tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fl-awtorita' dwar it-trasport pubbliku? Kif ġie ngaġġat dan il-persuna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-persuna msemmija ġiet impjegata ma' l-awtorita' dwar it-trasport wara li ħarġet sejħa għall-Assistant Manager. Ir-rwol ta' din il-persuna huwa li jassisti liċ-CEO.

Impjant għat-trattament tad-drenaġġ

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 5976, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-avviż għat-talba ta' expression of interest li saret għal bini ta' l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ ta' Malta North? F'liema gazzetti jew pubblikazzjonijiet deher dan l-avviż u f'liema data?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma avviċinat l-Ambaxxata Taljana f'Malta bid-dokumenti meħtieġa sabiex issir is-sejħa għal expression of interest. L-Ambaxxata infurmat lill-Korporazzjoni li kienet għaddiet l-istess dokumenti lil Ministero delle Attivita' Produttive u l-I.C.E. (Istituto per il Commercio con l'Estero) f'Ruma. Il-Korporazzjoni ġiet infurmata mill-Ambaxxata Taljana li l-I.C.E. kienet bagħtet tinforma, bis-sejħa għal-expression of interest, lil lista ta' kumpaniji li kienu fuq il-mailing list tagħha permezz ta' email u fax. Is-sejħa għalqet fit-22 ta' Marzu, 2004. Ma saret l-ebda publikazzjoni ta' avviż f'dan ir-rigward. Kopja ta' l-avviż għal expression of interest se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Miżbla tal-Magħtab

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport xjentifiku li kienu għamlu l-esperti Ingliżi fuq il-miżbla tal-Magħtab?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kopja ta’ dan ir-rapport jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra hekk kif id-dokument tat-tendergħax-xogħolijiet meħtieġa jkun ppublikat.

Ta' Qali — Ħemsija - riħa ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jara x'inhi r-raġuni għar-riħa qawwija ta' drenaġġ li hemm fil-Ħemsija, l/o Ta' Qali?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li r-riħa li hemm fil-Ħemsija, l/o Ta' Qali, hija l-istess problema ta' riħa li hemm ħdejn l-isptar Monte Carmeli. Biex tispiċċa din il-probelma, is-sezzjoni tad-drenaġġ se tressaq id-"discharge point" li hemm taħt l-Imdina.
Leg 10 PQ #5975 Sitting 136 2004-06-01 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Miżbla tal-Qortin

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'qiegħed isir sabiex l-arretrati dovuti għar-radam fil-Miżbla tal-Qortin mill-kuntratturi jinġabar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li qiegħdin jittieħdu passi meħtieġa biex l-arretrati dovuti mill-kuntratturi għar-radam fil-Miżbla tal-Qortin jinġabru.

Impjant għat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ġiet ippubblikata s-sejħa għall-offerti għal bini ta' l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ fil-Malta North? F'liema gazzetta saret din is-sejħa għall-offerti? Meta se tagħlaq din is-sejħa għall-offerti? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-tender?

Response (GATT, AUSTIN)

Is-sejħa għall-offerti saret permezz ta' komunikazzjoni diretta ma ħmistax il-kumpanija li rrispondew għal talba ta' "expression of interest" kif diġa ntqal fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari Nru 5401. Il-komunikazzjoni saret permezz ta 'fax' fit-30 ta' April, 2004. Is-sejħa għall-offerti ser tagħlaq fit-28 ta' Lulju, 2004 u peress illi hemm ħlas ta' Lm 200 biex jinġabar it-tender, dan ikun jista' jitqieghed fuq il-Mejda tal-Kamra wara dik id-data.

Kuntratturi Taljani — Użu mill-protokoll Taljan

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 5834, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk f'każ ta' offerti pubblikati qabel l-1 ta' Mejju, 2004 iżda li se jagħlqu wara din id-data, jistgħux japplikaw għalihom kuntratturi minn kull pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ ta’ offerti pubbliċi li s-sejħa għalihom saret fil-Gazzetta tal-Gvern u/jew fl-Official Journal ta’ l-Unjoni Ewropea qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li jagħlqu wara din id-data, jista’ jikkompeti kull offerent interessat minn kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea.

Fort Chambray — Żviluppaturi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi se jieħu l-gvern fil-konfront ta' l-iżviluppaturi ta' Fort Chambray li kisru l-kondizzjonijiet tal-kuntratt li bih ingħataw il-proprjeta'?

Response (BORG, TONIO)

L-Onorevoli Membru huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru li taħtu taqa' r-responsabbilita' ta' l-aġenzija METCO li qiegħda ssegwi l-proġett f'isem il-Gvern.

Għoti ta' proprjeta' tal-gvern b'riżoluzzjoni tal-Kamra

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hijiex qiegħda ssir il-verifika neċessarja sabiex jiġi żgurat li min jingħata proprjeta' tal-gvern b'riżoluzzjoni tal-Kamra jsegwi l-kondizzjonijiet tal-kuntratt? Dawn il-verifiki, jekk qegħdin isiru, qed isiru wkoll f'każ ta' proprjeta' tal-gvern li tingħata b'xi mod ieħor bħalma hu l-każ speċifiku tal-lukanda Verdala fir-Rabat?

Response (BORG, TONIO)

Il-kundizzjonijiet tal-kuntratti li jirrigwardjaw proprjeta' tal-Gvern mogħtija b'Riżoluzzjoni tal-kamra huma segwiti fil-każ ta' 'Major Projects' minn Monitoring Board fi ħdan il-Ministeru li fid-dekasteru tiegħu jaqgħu dawn il-'Major Projects' bħal Cottonera, Manoel Island/Tigne, u Cruise Passenger Terminal, u fil-każ ta' Għaqdiet Sportivi u Għaqdiet Volontarji mill-Ministeru li dawn jaqgħu taħtu. Infurmat illi ma hemm ebda obbligi kuntrattwali mad-Dipartiment tal-Artijiet jew l-Uffiċċju Konġunt rigward il-lukanda Verdala tar-Rabat.

Vetturi li jġorru l-iskart

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern kull sena għar-reġistrar ta' vetturi li jġorru l-iskart?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-ammont ta' flus li nġabru kull sena bejn l-1998 u l-2002 huwa kif spjegat hawn taħt:- 1998 Lm7,300 1999 Lm16,930 2000 Lm16,180 2001 Lm16,760 2002 Lm17,060 Rigward is-snin 2003 u 2004 nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5833 fejn intqal li issa r-reġistrazzjoni ta' vetturi li jġorru l-iskart taqa' taħt l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Ġew imfassla regolameni li jikkonċernaw fost ħwejjeġ oħra r-reġistrazzjoni ta' vetturi li jġorru l-iskart u dawn ir-regolamenti ser jiġu ppubblikati għall-konsultazzjoni pubblika.