Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva li saret mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Marsa — RDC department

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-operazzjonijiet tad-dipartiment ta' l-RDC fil-Marsa issa se jiġu trasferiti għal lokalita' oħra? F'liema lokalita' se jittieħed dan id-dipartiment?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li kienet saret talba mill-Malta Enterprise biex l-art in kwistjoni tiġi mgħoddija lilha għal skopijiet industrijali, u għalhekk hemm il-ħsieb li l-operazzjonijiet tal-Cleansing Services Department jiġu trasferiti f'lokalita' oħra ġewwa Kordin.

General Soft Drinks Co. Ltd.

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li d-ditta General Soft Drinks jew xi sussidjarja tagħha ingħataw il-proprjeta' fejn sal-lum kien hemm ir-Refuse Disposal Centre (RDC) fil-Marsa?

Response (GATT, AUSTIN)

Fis-sena 2003, L-MDC approvat l-allokazzjoni ta' art lill-General Soft Drinks Co Limited. Għalkemm l-art għadha ma ġietx allokata, is-sit li qiegħed jiġi kkonsidrat huwa dak li irrefera għalih l-Onorevoli Interpellant.

Siġġiewi — Appartamenti tal-gvern - stallar ta' lift

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk sarux applikazzjonijiet għall-istallar ta' lift fil-blocks tal-housing estate il-qadima fis-Siġġiewi? Jekk fl-affermattiv, x'sar minn dawn l-applikazzjonijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet żewġ applikazzjonijiet għal stallar ta' lifts fil-Qasam tal-Gvern indikat. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' qed tipprepara d-dokumenti tat-tender għall-istallar ta' dawn il-lifts wara li nħarġu l-permessi meħtieġa mill-MEPA.

Vetturi — k-plates

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li vetturi 'il fuq minn 1500cc mhux qegħdin jingħataw liċenzja sabiex jinkrew (k-plates)?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Bħalissa l-Awtorita qed tistudja allegazzjonijiet ta' abbużi minn xi sidien ta' karozzi tal-kiri. Kien innotat illi kienu qed jiġu reġistrati vetturi lussużi bil-K plate li ma tantx jagħtu impressjoni li kienu ser jintużaw għal kiri. Għaldaqstant l-ADT iddeċidiet illi tiskrutinja kwalinkwe talba l-fuq minn 1300cc qabel tapprova r-reġistrazzjoni tagħhom.

Protokoll Taljan — Xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista' il-Ministru jekk jekk huwiex f'pożizzjoni li jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7658?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

LOT 1- Minn Targa Gap tgħaddi minn Tal-Qlejja Junction għall- Mtarfa Junction Ix-xogħol inbeda fit-08 ta’ Ġunju, 2004 u sal-lum tlesta madwar 30% tax-xogħol kollu. L-Awtorita’ iċċertifikat ħlasijiet li jammontaw għal Lm846, 784.96 fuq dan il-LOT. LOT 2 – Minn Mtarfa Junction tgħaddi minn Junction at De Rohan Gate, Żebbug għal Junction għas- Siġġiewi Ix-xogħol inbeda fl-10 ta’Ġunju, 2004 u sal-lum tlesta madwar 15% tax-xogħol kollu. L-Awtorita ċċertifikat ħlasijiet li jammontaw għal Lm 248,479.10 fuq dan il-LOT. LOT 3 – Minn Junction għad-direzzjoni għas-Siġġiewi lejn Qormi Minn Triq Luqa, Qormi għal JunctionCargo Air Terminal, Luqa Ix-xogħol inbeda fl-10 ta’Ġunju, 2004 u sal-lum tlesta madwar 10% tax-xogħol kollu. L-Awtorita ċċertifikat ħlasijiet li jammontaw għal Lm 356, 852.87 fuq dan il-LOT Il-perċentaġġi tax-xogħol komplut kien maħdum mill-programm tat-tqassim tax-xogħol, hekk kif preżentat mill-kuntratturi u approvat mis-Supervisors li qegħdin jieħdu ħsieb ix-xogħlijiet inkwistjoni.

Ħ'Attard — Skola primarja - librerija pubblika

Question

Jista' il-Ministru jara li l-librerija pubblika fl-iskola primarja ta' Ħ'Attard li bħalissa qiegħda fejn il-klassijiet tal-kindergarten, titneħħa minn hemm għax qiegħda toħloq riskju kbir għas-sigurta' ta' dawn it-tfal żgħar peress li hi aċċessibbli għall-pubbliku waqt il-ħin ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill qed jiltaqa' mal-Kap ta' l-iskola biex il-librerija tiġi allokata post aktar 'l ġewwa fl-iskola.

Ħ'Attard — Triq Ħal Warda

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-pulizija tissorvelja Triq Ħal Warda f'Ħ'Attard waqt il-ħin tad-dħul fl-iskola tal-gvern għax minkejja li din it-triq suppost tkun magħluqa għat-traffiku, il-vetturi xorta waħda jgħaddu minnha?

Response (BORG, TONIO)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7887 f'din l-istess Seduta.

Toroq — Traffic management proposals

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-traffic management proposals li saru mill-kuntratturi li qegħdin jaħdmu fuq it-toroq iffinanzjati mill-Protokoll Taljan li permezz tagħhom kellhom jipprovdu rotot alternattivi għat-traffiku waqt li jsir ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

MIA — Uffiċċju tat-taxis

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-uffiċċju tat-taxis fl-arrivals tal-Malta International Airport ġie magħluq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li peress li l-Awtorita dwar it-Trasport ta' Malta hi r-regolatur u mhux l-operatur tas-servizz tat-taxis, l-Awtorita ilha tinsisti mal-White Taxi Amalgamated li għandha tkun hi l-amministratur ta' dan il-Booth. Peress li l-White Taxi Amalgamated baqgħet ma ħaditx f'idejha it-tmexxija ta'dan il-Booth, l-Awtorita ħasset li ma tistax tibqa' terfa l-piż ta' Lm11,370 fis-sena, għall-benefiċċju ta' servizz provdut minn operaturi privati. Nixtieq ukoll ninforma l-Onorevoli Interpellant li t-Taxi Booth fil-Cruise Liner Terminal hija mħaddma mill-Operatur.

Tipjip f'bars/restaurants

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ir-regolamenti dwar tipjip f'bars u restaurants japplikawx ukoll għal bars li jifformaw parti integrali minn każini sportivi, soċjali jew politiċi?

Response (BORG, TONIO)

Ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Protokol Taljan — Xogħlijiet fuq toroq

Question

B'riferenza għax-xogħlijiet ta' toroq li qegħdin isiru mill-fond tal-protokoll Taljan, jista' il-Ministru jagħti informazzjoni fuq kull triq separatament? Meta nbeda x-xogħol? X'persentaġġ ta' xogħol (ikkomparat mat-total) tlesta s'issa? Ġew ippreżentati xi kontijiet sal-lum u jekk fl-affermattiv, kemm tħallsu l-kuntratturi? Meta hu previst li jitlesta x-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi d-Direttorat tat-Toroq qed jiġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant mill-kuntratturi nkarigati mix-xogħol tat-tlett lottijiet rispettivament u għalhekk risposta tkun tista' tingħata iktar il-quddiem hekk kif din l-informazzjoni tinġabar.

Belt Valletta — Triq il-Merkanti

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-bdil tas-sistema one-way ta' Triq il-Merkanti, il-parti ta' wara l-Palazz tal-President, ġietx approvata mill-ADT?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minħabba x-xogħolijiet ta' bankini li qed isiru f'parti ta' Triq San Pawl, sar konsultazzjoni mall-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u ġie deċiż li tinbidel is-sistema ta' one way fil-parti ta' Triq il-Merkanti li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, bħala parti minn skema ta' traffiku temporanja sakemm jittlestew dawn ix-xogħolijiet.

Fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann — Direct orders

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huma d-direct orders u x'kien il-valur tagħhom li ngħataw mill-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann? Min jawtorizza l-ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Numru 5937.

Fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann — Ħaddiema

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif intgħażlu l-ħaddiema mill-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann li jdawru t-turisti? Kif intgħażlu l-periti u l-konsulenti l-oħra? Qatt saret sejħa pubblika qabel ma saret l-għażla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Numru 5936.

Fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kellha dħul il-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann minn meta twaqqfet sal-lum? Kemm hu d-dħul tal-fondazzjoni mill-kirjiet tal-ħwienet li hemm fil-blokk? Kif intużat l-għotja ta' Lm300,000 li saret mill-gvern lill-korporazzjoni? Min jivverifika l-kotba ta' l-accounts tal-fondazzjoni? Dawn isiru indipendentement minn dawk tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Numru 5938.

Proġetti ta' bini ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-iskema ta' proġetti ta' bini ta' toroq bejn il-gvern u l-kunsilli lokali għal massimu ta' Lm75,000 ġiet imwaqqfa? Hemm xi ħsieb li titnieda xi skema simili fil-futur?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 6611 kont għidt li mhux il-ħsieb li jingħataw kuntratti lill-Kunsill Lokali. Fir-risposti supplementari li kont tajt hemm indikati r-raġunijiet bħal :- - raġunijiet ta' budgeting - kontrol tal-kwalita - kontrol ta' l-ipprogrammar - kontrol tal-kwalita' - kontrol fl-ippjanar

Pembroke — Fawran ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga r-raġuni li għaliha d-drenaġġ fl-inħawi tal-housing estate ta' St Patricks f'Pembroke ifur b'mod regolari?

Response (GATT, AUSTIN)

Fil-waqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal PQ 7220, jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tikkonferma illi l-ħsara li kien hemm fil-mejn ġiet imsewwija. Il-fawran - li ma jistax jingħad li kien xi ħaġa regolari - kien ikkawżat minn sadd li kien imnaddaf. Il-manhole fit-triq in kwestjoni kellha bżonn tikħil minn ġewwa biex ikun assigurat li jekk ikun hemm xi fawran id-drenaġġ ma jgħaddix mill-fili ta' din il-manhole u jiskula f'kantina privata. Jien infurmat ukoll li fil-bitħa ta' wara ta' post privat partikolari hemm manhole oħra tal-mejn pubbliku tad-drenaġġ u s-sid tal-post kellu jikkontattja lill-uffiċjali tal-KSI biex isir appuntament ħalli issir spezzjoni u jsiru tiswijiet jekk ikun il-każ.

Enemalta — Użu ta' barge għal fuel fl-impjant tal-Qajjenza

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk għal xi perijodu matul ix-xhur li għaddew il-korporazzjoni Enemalta kenitx qiegħda tuża xi barge sabiex twassal il-fuel fl-impjant li għandha l-Qajjenza? Jekk fl-affermattiv, ta' min kienet din il-barge u x'kienu l-kondizzjonijiet tal-kuntratt ta' l-użu tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn naħa ta' l-Enemalta, qatt ma sar trasport ta' fuel lejn in-naħa tal-Qajjenza.