Legislature:
Category:
Reset
Active:

Assistant Commissioners

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jitħallsu l-assistant commissioners li għamlu xogħol fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew u għall-kunsilli lokali li għaddew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8607.

Perit Richard England

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallas il-Perit Richard England minn meta beda l-ħidma tiegħu sal-lum fuq il-proġetti ta' St James Cavalier, is-sit tat-Teatru Rjal u l-masterplan għal Bieb il-Belt, bil-pagamenti separatament u bid-data ta' meta tħallas?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.

Perit Richard England — Dipartiment tax-Xogħlijiet

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8515, jista' il-Ministru jgħid minn liema uffiċċju qiegħed jaħdem il-project co-ordination unit? Kif qiegħed jitħallas il-Perit Richard England bħalissa ġaladarba l-fee għadha ma ġietx negozjata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Kif aċċennajt fir-risposta tiegħi għad-domanda 8515, il-project coordination unit qiegħed jaħdem mal-Perit England, u għal aktar koordinament tal-proċess qegħdin jaħdmu fl-istudio tal-Perit England stess. F'dak li għandu x'jaqsam mat-tieni domanda, naħseb li l-Onorevoli Interpellant japrezza li l-fee tal-Perit hija regolata bit-tariffa 'K' iżda bħal ma aċċennajt fir-risposta tiegħi għad-domanda 8515, il-ħlas dovut ser jieħu inkonsiderazzjoni li ħafna mix-xogħol ta' support fit-tħejjija tal-proġett qiegħed isir minn dan it-tim li hu mħallas direttament mill-Gvern.

Studenti Universitarji — Masters tar-Roads

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm iggradwaw studenti fil-Masters tar-Roads mill-Universita' ta' Malta minn meta nbeda dan il-kors? Jista' jagħti l-ismijiet ta' dawn il-persuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ewwel studenti tal-Masters in Road Engineering spiċċaw il-kors din is-sena u ser jigradwaw dan ix-xahar. In-numru tagħhom ilaħħaq 13.

ADT

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li ntlaħaq bejn l-assoċjazzjoni tat-trasport pubbliku u l-ADT?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-ftehim li ġie iffirmat bejn il-Ministeru ta’ l-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Awtorita' dwar it-Trasport ta’ Malta u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku.

Toroq

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8018, jista' il-Ministru jgħid min kien il-perit jew ditta ta' periti li l-kuntratturi nkarigaw għat-toroq: Ta' Burmarrad, Salina - Iklin; u Mosta Ring road?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li l-periti nkarigati minn dawn il-proġetti għat-toroq Ta' Burmarrad, Salina - Iklin u Mosta Ring Road kienu 'Design Resources'.

Xiri ta' żejt mil-Libja

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim għax-xiri taż-żejt mil-Libja għas-sena 2003?

Response (GATT, AUSTIN)

Minħabba n-natura kummerċjali tal-ftehim dwar xiri ta' żejt, bejn Malta u l-Libja, ma jidhirlix li hu xieraq li npoġġi kopja ta' l-istess ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaż-Żebbuġ — Triq ta' Srina - Kuntrattur Taljan

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-kuntrattur Taljan li qiegħed jaħdem fuq it-Triq ta' Srina, Ħaż-Żebbuġ hux se jinbidel għax waqa' lura ħafna fix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nikkonferma li x-xogħolijiet fi Triq Mdina, Ħaż Żebbuġ u mhux Triq ta' Srina, Ħaż Żebbuġ kif indikat fil-mistoqsija waqa' lura. Bħalissa għaddejien diskussjonijiet mal-kuntrattur sabiex ikun stabbilit jekk il-kuntrattur hux f'pożizzjoni li jlesti x-xogħolijiet fi żmien aċċettabli.

Qormi — Imdina Road - Tarmac

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala t-tarmac fil-parti ta' Mdina Road, Ħal Qormi - inti u sejjer lejn Ħaż-Żebbuġ fejn ix-Shopwise - qiegħed jerġa' jinqala' meta dan it-tarmac sar xi erba' snin ilu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi din il-parti msemmija kienet inagħtat kisja ‘asphalt’ temporanja ta’ żewġ pulzieri sabiex jingħaqdu l-livelli tal-parti l-ġdida ta' din eżistenti. Għalhekk din il-parti kellha terġa tinqala sabiex tinbena mill-ġdid.

MEPA — Rapport ta' ħidma

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8454, jista' il-Ministru jgħid kull meta suppost il-MEPA tgħaddi r-rapport ta' ħidma mill-uffiċjal tal-verifika lill-Ministru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura li qed issir il-mistoqsija fuqha mhix stipulata fil-liġi.

Kottonera — Car Park

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq il-carpark li diġa' inħarġu l-permessi għalih mill-MEPA u li l-gvern wiegħed li se jsir bħala parti mill-proġett tal-Kottonera?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Bħalissa il-permess approvat għand il-MEPA PA 2243/04 huwa 'Outline' għal 'multi-level' car park. Il-gvern qed jistudja kif ser jinbeda dan il-proġett filwaqt li jieħu in konsiderazzjoni l-ispiża neċessarja u anke talbiet minn xi wħud mill-konsorzja eżistenti biex jipparteċipaw fl-iżvilupp tiegħu.

Ħaż Żebbuġ — Triq ta' Srina - Stormwater Drainage

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' sistema ta' stormwater drainage qiegħda tintuża fit-Triq ta' Srina, l/o Ħaż-Żebbuġ biex tlaħħaq mal-volum enormi ta' xita li jaqa' fuq din it-triq kull darba li tagħmel ix-xita?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-ilma tat-triq u kif wkoll dak li jiġi mill-egħlieqi ta’ madwar ser jinġabar ġo collection chambers “gullies” fuq kull ġenb tat-triq. Il-pajpijiet tal-istormwater culvert li jinsabu f’kull kariġjata, ġew iddisinjati biex jieħdu l-ilma li jaqa' fit-triq u dak li jiġi mill-egħlieqi f’ 1 in 1 year storm 15min duration. L-istormwater culverts ser iffergħu l-ilma ġol-widien eżistenti.

Perit Richard England — Dipartiment tax-Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Perit Richard England ingħata s-servizz ta' periti u drafts persons mid-dipartiment tax-xogħlijiet pubbliċi sabiex jgħinuh fuq il-proġett ta' parlament ġdid? Jekk fl-affermattiv, kemm qiegħed iħallas il-Perit England lill-gvern għas-servizzi offruti minn dawn il-persuni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq għandu diversi ħtiġijiet ta' żvilupp ta' diżinn, stimi u eventwalment Project Management ta' proġetti kapitali ġodda. Għal dan il-għan saret talba lill-MPO sabiex il-Ministeru ikollu Project Co-Ordination Unit li tkun magħmula minn perit, quantity surveyors u draught persons. Din it-talba ġiet milqugħa u numru ta' uffiċjali b'dawn il-kwalifiki kienu identifikati u trasferiti mal-Ministeru. Minħabba x-xogħol li għaddej bħalissa fuq studji preliminari għall-proġett tas-sit tat-Tejatru Rjal u d-daħla ta' Bieb il-Belt dan it-tim bħalissa qiegħed jaħdem mal-Perit England. B'dan l-arranġament u dejjem jekk il-proġett jitkompla, il-Perit England jitħallas fee negozjata li tieħu in konsiderazzjoni li ħafna mix-xogħol ta' support fit-tħejjija tal-proġett qiegħed isir dan it-tim li hu mħallas direttament mill-Gvern.

Perit Richard England — Proġetti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallas il-Perit Richard England minn meta beda l-ħidma tiegħu sal-lum fuq il-proġetti ta' St James Cavalier, is-sit tat-Teatru Rjal u l-masterplan għal Bieb il-Belt, kull pagament separat bid-data meta tħallas?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda lill-Ministru ikkonċernat.

Sptar Mater Dei — FMS - Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-membri ta' l-FMS u ta' dawk il-persuni li ħadmu magħha fuq l-isptar Mater Dei f'dawn l-aħħar ħames snin? X'kien ir-rwol ta' kull persun? Min hu responsabbli għal variation orders u min jiċċertifikahom għall-ħlas?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'persentaġġ ta' xogħol tlesta sal-lum meta mqabbel max-xogħol li kellu jsir fil-kuntratt għall-bini tat-toroq: i) ta' Burmarrad; ii) Salina - Iklin; iii) Mosta ring road; iv) Mtarfa bypass? Meta nbeda x-xogħol fuq kull triq u kemm kien stmat ix-xogħol skond il-kuntratt? Kemm telgħa l-valur tax-xogħol ta' kull triq s'issa? Min kienu l-periti privati nkarigati mix-xogħlijiet f'kull triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Burmarrad – Ix-xogħol kollu li kien hemm fil-kuntratt tlesta. Il-proġett ta’ din it-triq beda f’nofs is-sena 2000 u kien stmat li se jiswa Lm 1,347,647. Fuqu tħallsu Lm2,577,365. Il-periti inkarigati mill-proġett kienu l-periti tal-ADT. Waħda mill-kundizzjonijiet tat-tender kienet li l-kuntrattur jinkariga periti privati sabiex isegwu x-xogħol. Salina-Iklin – Ix-xogħol fil-kuntratt oriġinali tlesta u jonqos isiru xi xogħolijiet oħra bħala extra works u variation. Ix-xogħol fuq dan il-kuntratt beda f’nofs is-sena 2000 u kien stmat li se jiswa Lm1,413,677. Fuq dan il-proġett s’issa tħallsu Lm2,022,307. Il-proġett kien jinkludi wkoll xogħol ta’ service shaft u tunnel li sar minn Ballut Blocks. Dan ix-xogħol li kien stmat Lm78,250 tlesta. S’issa tħallsu Lm74,337. Hemm ukoll xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ ‘steel structure’ ġot-tunnel. Dan ix-xogħol għadu ma bediex u stmat li jiswa Lm15,379. Il-periti inkarigati mill-proġett kienu l-periti tal-ADT. Waħda mill-kundizzjonijiet tat-tender kienet li l-kuntrattur jinkariga periti privati sabiex isegwu x-xogħol. Mosta Ring Road – Fuq dan il-proġett s’issa tlesta madwar 90% tax-xogħol li jonqos biex il-parti tat-triq bejn chainage 200 u 1750 tlesta sal-base course. Ix-xogħol fuq dan il-proġett beda fi frar 2000 u il-kuntratt oriġinali kien ta’ Lm587,014.00. Il-flus approvati telgħu għal Lm1.28miljun u s’issa tħallsu Lm1053534.00. Il-periti inkarigati mill-proġett kienu l-periti tal-ADT. Waħda mill-kundizzjonijiet tat-tender kienet li l-kuntrattur jinkariga periti privati sabiex isegwu x-xogħol. Fuq il-Mosta Ring Road qed isir xogħol ieħor ta’ surfacing mill-Bitmac Ltd. Il-valur ta’ dan ix-xogħol huwa Lm38,154. Ma kienx hemm periti privati inkarigati minn dan ix-xogħol. Mtarfa Bypass – Ix-xogħlijiet f’din it-triq saru jew qed isiru minn diversi kuntratti kif gej: Minn tat-Tabija sa Mtarfa Roundabout Rikonstuzzjoni tat-triq Lm100,948.00 Minn Mtarfa Roundabout sal-Pont tal-Ferrovija Bini ta’ Retaining wall Lm 326,048 Cladding tas-sejjiegħ Lm14,918 Tqegħid tas-servizzi Lm64,069 Bankini (qed isir) Lm19,000 Asfaltar (qed isir) Lm77,503 Dwar ix-xogħlijiet pendenti tlesta madwar 75% tax-xogħol tal-bankini u madwar 40% tax-xogħol ta’ l-asfalt. Fuq dawn iż-żewġ kuntratti s’issa ma sar ebda ħlas. Il-periti inkarigati mill-proġett kienu l-periti tal-ADT. Il-kuntrattur ma kellu l-ebda obbligu li jinkariga periti privati.

Ta' Qali — Asfaltar ta' Triq

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-parti ta' fuq ta' Triq il-Pitkali, bejn il-ġibjun u l-pitkali fil-limiti ta' Ta' Qali, hijiex se tiġi mogħtija wiċċ ġdid peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita isir aktar il-quddiem skond il-prijoritatjiet li jirriżultaw.

Wied Ħesri — Plot tal-gvern

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8177 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u li issa ġiet riferuta lilha u cioe' tista' il-Ministru tgħid x'isir f'każ li persuna tieħu plot tal-gvern u wara għaxar snin tibqa' ma tibnihiex bħalma ġara fil-każ ta' plot f'Wied Ħesri l/o Siġġiewi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta persuna ma tonorax xi waħda mill-kundizzjonijiet ippublikati fl-Avviż relattiv għall-akkwist ta' plot, l-Awtorita' tad-Djar tordna lil dik il-persuna biex tirregolarizza l-pożizzjoni tagħha. F'każ li dan jibqa' ma jsirx l-Awtorita' tieħu l-passi biex jittieħed lura l-plot. Rigward il-plot li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant nitolbu jagħtini aktar dettalji, anki b'mod kunfidenzjali, għal aktar investigazzjoni.

Mosta — Triq l-Awrora

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8227 u cioe' jgħid x'inhi r-raġuni għala Triq Awrora fil-Mosta, li ilha li nbdiet minn Jannar 2004, sal-lum għadha ma tlestietx meta toroq oħra li nbdew magħha ilhom li tlestew ix-xhur?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi d-Direttorat ħareġ żewġ tenders għall-kostruzzjoni ta' Triq l-Awrora fil-Mosta: (1) It-tender għall-kostruzzjoni ta' bankini, servizzi u storm water culvert ħareġ f'Settembru 2003. Ix-xogħol beda iktar kmieni din is-sena u tlesta kif ippjanat. (2) Fi Frar 2004 nħareġ it-tender għall-kostruzzjoni u l-asphalting tat-triq. Dan it-tender qed jiġi aġġudikat in vista tad-diskussjoni dwar ir-rati u riċentement l-irħas tender offra traħħis fuq l-offerta oriġinali tiegħu.

Marsa Garage — Technical Officer

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mir-riżultati għal technical officer għas-sejħa għal promotion li kienet saret fil-Marsa garage f'Marzu 2003 (Ref: MPO173/2001)

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-intervisti għas-sejħa għall-applikazzjonijiet ġew konklużi. Il-Bord tal-Għażla qiegħed jiffinaliżża r-rapport tiegħu skond ir-riżultati ta' l-intervista sabiex jissottomettieh lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u lid-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.