Legislature:
Category:
Reset
Active:

EU — Għajnuna f'forma ta' ikel

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk l-Unjoni Ewropea hijiex tagħti għajnuna lil Malta f'forma ta' prodotti ta' l-ikel, bħal ross, għaġin u ħalib? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kif qed titqassam din l-għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel riferenza għal Mistoqsija Parlamentari Numru 14695. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li t-tqassim tal-prodotti qed isir skond ir-Regolament tal-Kunsill 3730/1987, u r-Regolament tal-Kummissjoni 3149/92 li jistipula li l-imsemmi tqassim għandu jsir minn organizzazzjonijiet tal-karità.

Bejgħ ta' proprjeta' lill-barranin

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kien il-valur tal-proprjeta' li nbiegħet lill-barranin matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-valur tal-proprjeta’ immobbli li kienet trasferita lill-barranin matul dawn l-aħħar ħames snin, kien kif sejjer jingħad: Sena Valur tal-Proprjeta’ Immobbli Lm 2001 25,671,943 2002 32,678,077 2003 46,964,078 2004 43,584,685 2005 47,257,795

Riżori u Infrastruttura — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna spiċċaw ix-xogħol bl-eta', ġew boarded out għal raġunijiet mediċi jew irriżenjaw mix-xogħol matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament u possibbilment kull dipartiment li jaqa' taħt dan il-ministeru separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Bejgħ ta' proprjeta' lill-barranin

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15629 u jgħid x'kien il-valur tal-proprjeta' li nbiegħet lill-barranin matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 15629 li qed tingħata f’din l-istess seduta.

Distribution losses ta' l-elettriku

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 15123, 15383, 15438, 15582 u 15797 u jgħid x'inhu l-persentaġġ tad-distribution losses ta' l-elettriku kull sena matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Mosta Ring Road

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15599 u jgħid x'kien il-valur tax-xogħlijiet s'issa tal-Mosta ring road? Fadal xi ħlasijiet jew kontijiet xi jsiru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-valur tax-xogħlijiet li saru s’issa jammontaw għall-Lm1,333,817.41. Il-pagamenti li saru s’issa jammontaw għall-Lm1,185,352.00 u ghalhekk fadal Lm 148,465.41 li għadhom iridu jitħallsu.

Bejgħ ta' proprjeta'

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15623 u jgħid x'kien id-dħul totali tal-gvern minn bejgħ ta' proprjeta' matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Importazzjoni ta' fuel

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15627 u jgħid kemm jitħallas dazju, sisa u VAT fuq l-importazzjoni tal-fuel? Għal kemm ammontaw dawn it-taxxi għas-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Malta Desalination Services

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-kumpannija Malta Desalination Services se tiġi xolta? X'se jsir mill-operat li tagħmel u mill-ħaddiema tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Nikkonferma li l-kumpannija MDS ser tkun xolta għax ma baqgħetx sostenibbli mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma. Dan għaliex meta twaqqfet l-MDS Ltd f'1997, kienu inxtraw spare parts li jammontaw għal aktar minn miljun lira u billi f'dawn l-aħħar 8 snin dawn il-parts kwazi ma ntużaw xejn, l-awdituri ma setgħux jikkunsidrawhom bħala assi tal-kumpanija u għalhekk ġew konvertiti f'telf. Infatti fis-sena finanzjarja li spiċċat f'Settembru tat-2004 il-kumpannija ireġistrat telf. Barra minnhekk ittieħdet l-opportunita biex il-KSI tikkonsolida l-operat tagħha mal-WSC peress illi ma hemm l-ebda skop li tibqa għal rasha. L-operat li tagħmel il-kumpannija ser tibda tagħmlu direttament il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma u l-ħaddiema tal-kumpannija se jiġu assenjati ma l-istess Korporazzjoni.

Kumitati tar-riabilitazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa li saret mill-kumitat tar-riabilitazzjoni tal-Belt, Kottonera u Imdina matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena u kull kumitat separatament? Fuq liema proġetti saret din in-nefqa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Infakkar ukoll li f'dawn l-aħħar sentejn saru xogħlijiet oħra f'dawn il-lokalitajiet li kienu ffinanzjati minn voti oħra kapitali bħall-proġett ta' l-Imdina. Barra minn hekk, fl-aħħar sentejn bdew isiru xogħlijiet ta' embellishment u restawr mill-ħaddiema tal-Works Division.

Proprjeta' f'Kordin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qed titħallas kera għal proprjeta' f'Kordin li jagħmlu użu minnha d-dipartimenti fi ħdan dan il-ministeru?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi qed iħallas is-somma ta' Lm21,535 kera fis-sena f'Kordin. Fir-rigward tal-proprjeta' li għandu d-Dipartiment għas-Servizzi ta' l-Indafa f'Kordin, il-kera hija ta' Lm2,600 fis-sena.

Distribution losses ta' l-elettriku

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 15123, 15383, 15438 u 15582 u jgħid x'inhu l-persentaġġ tad-distribution losses ta' l-elettriku kull sena matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Sptar Monte Carmeli — Ħaddiema fil-kċina

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' persuni li jaħdmu f'kull shift fil-kċina ta' l-isptar Monte Carmeli? Kemm hu l-full complement ta' l-impjegati f'dan ix-xogħol? Hemm xi ħsieb li l-postijiet vakanti jiġu mimlija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-kċina hemm tliet shifts li fil-preżent jikkonsistu kif ġej: Shift A - 4 persuni Shift B - 4 persuni Shift C - 3 persuni Il-full complement huwa ta' 5 persuna f'kull shift. Dawn il-postijiet vakanti hemm il-ħsieb li jiġu mimlija b'nies ġodda. Sa dan it-tant, qed jingħata overtime biex il-kwalita' ta' servizz mogħti mill-kċina jibqa' jinżamm.

Wasteserv — Rimi ta' skart

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-rata għal kull tunnellata (inkluż il-VAT) li l-Wasteserv titlob għar-rimi ta' skart ta' l-industrija tal-bini? Teżisti rata differenti għall-istess tip ta' skart? Ir-rata tvarja skond it-tip ta' skart, u jekk fl-affermattiv x'inhuma dawn ir-rati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li r-rata li l-kumpanija Wasteserv Malta Co. Ltd. titlob għar-rimi ta' skart ta' l-industrija tal-bini fis-siti kkontrollati minnha hija ta’ Lm1.40 għal kull tunnellata (VAT inkluża). Skart ta' l-industrija tal-bini li jkun ikkontaminat jintbgħat iż-Żwejra fejn jiġi sseparat qabel jintrema' jew jintuża. Ir-rata għar-rimi ta’ dan l-iskart ikkontaminat (imħallat) hija Lm2.36 (VAT inkluża).

Ġnien ta' Hastings

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-proġett tal-ġnien ta' Hastings? Meta nbeda x-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jqum dan il-proġett? Meta hu maħsub li jitlesta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li x-xogħol fuq il-proġett tal-ġnien ta' Hastings jikkonsisti f'dan li ġej:- pavimentar ta' passaġġi bil-granit u ġebel tal-franka b'kurduni tal-granit; xogħol ta' restawr fl- area tal-monument; bini tal-gladjola; garden furniture bħal bankijiet ġodda ta' l-injam; sistema ġdida ta' dawl għall-ġnien kollu; sistema ta' irrigazzjoni ġdida. Ix-xogħol beda f'Jannar ta' l-2005 u ser jiswa Lm220,000 li Lm109,000 huma salarji tal-ħaddiema tal-Gvern. Ix-xogħol ser jitlesta' għan-nofs is-sena d-dieħla.

Restawr ta' l-Akwadott

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-proġett tar-restawr ta' Akwadott? Meta nbeda x-xogħol? X'inhi l-istima tax-xogħol li jrid isir? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-proġett tar-restawr ta’ l-Akwadott jikkonsisti f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi kienet tikkonsisti fir-restawr tal-monument innifsu li beda f'Mejju 2004 u tlesta' fi Frar ta' din is-sena. Dan ġie jiswa madwar Lm 80,000 bejn labour cost, materjal neċessarju u spejjeż biex jitneħħew is-servizzi tad-dawl li kienu qegħdin ma' l-akwadott, u biex jingħaddu minn postijiet ohra. It-tieni fażi tikkonsisti f'tisbiħ, jiġifieri li jsir il-pavimentar u d-dawl. Mix-xogħlijiet ta' preparament għat-tpoġġija tal-madum u tad-dawl, s'issa tlestiet parti minn B'Kara. F'Jannar għandu jibda jitpoġġa l-madum u d-dawl f'din il-parti, kif ukoll jissoktaw ix-xogħlijiet ta' preparazzjoni fil-parti l-oħra ta' B'Kara, kif ukoll f'Hal Balzan u Santa Venera. L-istima ta' dawn ix-xogħlijiet ta' tisbiħ f'dawn it-tlett lokalitajiet jammontaw għal madwar Lm215,000 bejn labour costs u materjal, u hu pproġettat li jitlesta' kollox sa l-aħħar ta' l-2006. Mill-ispiża globali ta' Lm295,000, il-kunsilli nvoluti se jħallsu b'kollox Lm 40,000.

Bejgħ ta' proprjeta' lill-barranin

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kien il-valur tal-proprjeta' li nbiegħet lill-barranin matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ħaż-Żebbuġ — Imdina Road

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk is-service road f'Imdina Road, Ħaż-Żebbuġ (il-parti bejn il-junction De Rohan/ċentru) hijiex one-way u jekk fl-affermattiv, f'liema direzzjoni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li s-service road li hemm fi Mdina Road bejn il-Junction ta' De Rohan biswit is-St. Dorothy's School hija one-way il-fuq direzzjoni lejn ir-Rabat. Bħalissa qed jitwaħħlu sinjali forma ta' arrow signs biex tiġi ndikata d-direzzjoni l-fuq għall-vetturi li jkunu ġejjin mis-side roads ta' Ħaż Żebbuġ għal ġo l-istess service road msemmija mill-Onorevoli Interpellant.

ADT — Vetturi li jidħlu l-Belt

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15543 u jgħid x'inhu d-dħul għas-sena 2005 ta' l-ADT mil-liċenzji għall-vetturi li jidħlu l-Belt? Kemm hu n-numru ta' dawn il-persuni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li d-dħul ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport mill-liċenzji għall-vetturi li jidħlu l-Belt, mill-1 ta' Jannar sa l-aħħar t'Ottubru 2005 kien ta' Lm574,535. In-numru ta’ vetturi hu ta’ 47,706.