Legislature:
Category:
Reset
Active:

WSC — Meter ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jara li mill-aktar fis il-meter ta' l-ilma tal-koppja pensjonanta li n-numru tal-kont tagħhom qed jintbagħat separatament, jiġi ċċekkjat għax il-konsum ta' ilma reġistrat fuqu hu esaġerat u qiegħed iwassal għal tbatija kbira għal din il-familja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fit-28 ta' Marzu 2006 il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għamlet spezzjoni fir-residenza indikata mill-Onorevoli Interpellant, fejn irriżulta li kien hemm leakage fil-flushing. Dan il-leakage ġie rranġat temporanjament minn nies tal-Korporazzjoni u l-konsumatur ġie avżat biex jieħu ħsieb jirranġa s-sistema tal-flushing. L-impjegati ftehmu mal-konsumatur li kienu ser jerġgħu jagħmlu spezzjoni oħra nhar it-3 ta' April, sabiex jikkonfermaw jekk il-konsum esaġerat ta' l-ilma kienx dovut għall-dan il-leakage. Madankollu sal-lum 4 ta' April il-konsumatur kien għadu ma rranġax is-sistema. Għalhekk ser issir spezzjoni oħra meta l-konsumatur javża lill-Korporazzjoni li jkun irranġa l-ħsarat fis-sistema tiegħu.

Proġett tal-Park and Ride

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18022 u jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-park and ride?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 18022.

Protokoll Taljan — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew jiswew flus it-toroq li saru permezz tal-fondi tal-Protokoll Taljan, kull triq separatament? Il-Gvern Taljan għaddihom dawn il-flus lill-Gvern Malti, u jekk fl-affermattiv, kemm kien l-ammont ta' flus?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Ħaż-Żebbuġ — Triq l-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18026 u jikkonferma li l-kuntrattur li għamel ix-xogħol f'Imdina Road, Ħaż-Żebbuġ - bejn Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat - ma wassalx il-main ġdid tad-drenaġġ sal-pumping station Ta' Srina?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Skola Primarja Pawlu Xuereb

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal kemm kien jammonta l-kont tat-telefon ta' l-iskola primarja Pawlu Xuereb "A" fir-Rabat matul dawn l-aħħar 12-il xahar, kull xahar separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul dawn l-aħħar 12-il xahar il-kont tat-telefon ta' l-iskola primarja Pawlu Xuereb 'A' fir-Rabat kien jammonta għall-Lm522.06 maqsum kif ġej :- Frar 2005 Lm121.25 April 71.33 Ġunju 75.73 Awwissu 54.35 Ottubru 45.91 Diċembru 83.29 Frar 70.20

Proġett tal-Park and Ride

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-park and ride?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-proġett tal-Park and Ride hu maqsum fi tlett fażijiet. Ix-xogħolijiet fuq il-junctions li jagħtu għas-sit fejn ser isir il-Park and Ride tlestew aktar kmieni din is-sena. It-tender għall-operat tal-Park and Ride ġie aġġudikat iżda kien hemm żewġ oġġezzjonijiet. Bħalissa iż-żewġ appelli jinstabu quddiem iċ-ċentru tal-Arbitraġġ. It-tender tax-xogħolijiet fuq is-sit ta' Hornwork u Crownworks Ditch ser jingħata fi ftit żmien ieħor.

Bypass ta' l-Imtarfa

Question

Jista' il-Ministru jara li t-triq li tagħti minn fejn Howard Gardens, Imdina għal fejn l-Istazzjon Restaurant u l-bypass ta' l-Imtarfa tiġi rranġata peress li din it-triq użata ħafna mit-turisti u tinsab fi stat diżastruż?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa l-prijorita' assoluta rigward toroq fl-inħawi hija li jitlesta x-xogħol tal-Bye Pass ta' l-Imtarfa. Minħabba n-natura tax-xogħol, l-ispiża għax-xogħolijiet li baqa' hija konsiderevoli, ma hux possibli li jsiru toroq oħra fl-inħawi għal din is-sena.

Public Service Garages — Vannijiet bojod

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17956 u jgħid f'liema lokalita' jinsabu dawn il-public service garages u kemm hawn vannijiet bojod reġistrati f'kull lokalita'?.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 17956.

Cottonera Waterfront

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta nħarġet is-sejħa għall-offerti għal landscaping tal-moll ta' Sant'Anġlu tal-Cottonera Waterfront? Minn min intefgħu l-offerti u x'kienu l-valuri rispettivi tagħhom? Min rebaħ dan il-kuntratt u meta mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Toroq — Konsum ta' l-elettriku

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17973 u jgħid kemm jammonta l-konsum ta' l-elettriku sabiex jinxtegħlu l-lampi pubbliċi fit-toroq bħala persentaġġ għall-konsum totali? Min iħallas għal dan il-konsum ta' elettriku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-konsum ta' l-elettriku sabiex jinxtegħlu l-lampi pubbliċi fit-toroq ammonta għall-2% fl-2004 mill-konsum totali. Dan il-konsum ta' l-elettriku jitħallas mill-Gvern ċentrali.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Advertising Agencies

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17971, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Minibuses — Seat Belts

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-minibuses u l-vans il-bojod hux se jkunu mġiegħla jkollhom is-seat belt għal kull seat?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li kemm il-minibuses kif ukoll il-vannijiet il-bojod li bdew jintużaw għall-ewwel darba wara l-1998 iridu jkunu mgħammra bis-seat belts. Fir-rigward ta’ dawk il-minibusesu vannijiet li meta daħlu fis-servizz ma kinux mgħammra bis-seat belt, l-operaturi tagħhom m’humiex se jiġu mġiegħla jistallaw is-seat belt.

Green Wardens — Uniformijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-dress code tal-green wardens hux speċifikat jekk wardens irġiel huwiex permess jilbsu l-misluta fuq xofftejhom, waqt il-qadi ta' dmirijiethom?

Response (BORG, TONIO)

Qed nassumi illi l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-ispetturi ambjentali. Billi dawn jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-Ministru responsabbli għall-ambjent, nitlob lill-Onor. Membru jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

ETC — Kors ta' care worker

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-ETC se torganizza l-kors ta' care worker ma' persuni b'diżabilita'? Dan il-kors isir fil-għodu jew fil-għaxija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kors ta’ Care Workers’ ma’ persuni b’diżabilita’ isir filgħodu. Bħalissa il-Korporazzjoni qiegħdha f’negozjati mat-trainers biex tistabbilixi data għall-kors li jmiss.

H'Attard — Triq il-Ġibjun

Question

Jista' il-Ministru jara li l-arblu mwaħħal f'nofs it-triq fit-tarf ta' Triq il-Ġibjun, H'Attard proprju eżatt quddiem l-entratura għall-uffiċini tal-WSC f'Ta' Qali, u li miegħu hemm imwaħħla xi cables ta' l-elettriku, jitneħħa għax hu ta' periklu kbir għall-vetturi li jgħaddu minn din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ biex jitneħħa l-arblu msemmi ser isir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili fi żmien qasir.

Tax Refunds

Question

Jista' il-Prim Ministru jara li tax refunds dovuta lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għas-snin 1995, 1996 u 1998 jiġu mħallsa għax ilhom pendenti għal wisq żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jiżvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna konċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tar-Refunds tad-dipartiment matul il-ħin ta’ l-uffiċċju.

ADT — Minibuses Ħimor

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li qegħdin isiru taħditiet bejn l-ADT u s-sidien tal-minibuses ħomor biex in-numru ta' seats jiżdied minn 14 għal 20? Jekk fl-affermattiv, f'liema stadju waslu dawn it-taħditiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li skond ftehim li kien sar bejn il-Gvern u l-Kooperattiva tal-Minibuses fl-1998, is-seating capacity tal-minibuses il-ħomor żdiedet għal 18 minn 14. Jien infurmat ukoll li diġà saru xi taħditiet dwar proposta mill-Awtorità dwar it-Trasport biex is-seating capacity titla' għal 22. Min-naħa tagħha l-Kooperattiva ssuġġeriet li s-seating capacity għandha titla' għal 28, liema talba ma tistax tintlaqa' peress li vettura b'dik is-seating capacity bl-ebda mod ma tista tkun kunsidrata bħala minibus.

Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk mara Maltija li jkollha partner barrani tikkwalifikax għal xiri ta' appartamenti maħruġa mill-Awtorita' tad-Djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li jekk mara Maltija tkun miżżewġa ma' raġel barrani, dawn jistgħu jikkwalifikaw għax-xiri ta’ post ta’ l-Awtorita’ tad-Djar bħala koppja. Il-post jista' jinxtara wkoll f'isem koppja mhux miżżewġa jekk il-partner tal-mara Maltija jkun ċittadin ta' pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea. Mara Maltija li ma tkunx miżżewġa tista' tikkwalifika biex tixtri l-post f'isimha biss u kemm il-darba jkollha aktar minn tletin sena.