Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 18023 u 18230 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-site plan li tindika l-boundaries tas-sit tal-proġett SmartCity@Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm persuni applikaw għal post ta' officer/clerk/ office assistant skond iċ-ċirkolari tal-WSC NO. 7/2006? X'sar minn dawn l-applikazzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk parti miċ-ċentru parrokkjali ta' H'Attard ġiex mikri mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni? Jekk fl-affermattiv, kemm hi l-area mikrija? Jista ipoġġi kopja tal-kuntratt tal-kirja fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tikri parti miċ-Ċentru Parrokjali ta' Ħ'Attard wara sejħa għall-offerti. Skond il-kundizzjonijiet ta' din is-sejħa, l-applikant kellu jpoġġi għad-dispożizzjoni tad-Diviżjoni sala għall-mija u għoxrin ruħ, kif ukoll tmint'ikmamar għall-'workshops'. Kopja tal-Letter of Acceptance ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jitneħħa l-ġnien li hemm biswit il-knisja, quddiem il-każin tal-MLP, f'H'Attard u jsir parkeġġ minflok? Hemm bżonn permess tal-MEPA? Jekk fl-affermattiv, hemm xi applikazzjoni għal dan ix-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Hemm bżonn permess ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-iżvilupp kif deskritt mill-Onor. Interpellant iżda s'issa ma jidhirx li ġiet sottomessa applikazzjoni f'dan ir-rigward.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk is-sezzjoni ta' l-arkivji fi ħdan id-dipartiment tax-xogħlijiet hux ser jiġi trasferit għal mad-dipartiment ta' l-artijiet? Jekk fl-affermattiv, minħabba l-valur storiku ta' dawn l-arkivji jistgħu dawn l-arkivji jiġu trasferiti għal arkivji nazzjonali?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18231 u jikkonferma li l-kuntrattur li għamel ix-xogħol f'Imdina Road, Ħaż-Żebbuġ - bejn Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat - ma wassalx il-main ġdid tad-drenaġġ sal-pumping station Ta' Srina?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fi Triq Mdina, bejn il-junction ta' St Dorothy's u junction Ta' Srina, ma sarux xogħlijiet estensivi in konnessjoni ma' mains tad-drenaġġ ġodda. Ix-xogħlijiet ta' drenaġġ li saru kienu:
- gravity main ġdid - tul ta' madwar 250m minn kull tarf tat-triq bejn ir-roundabout ħdejn l-iskola tad-Dorotej u De Rohan Gate murija bl-aħdar fil-pjanta.
- il-gravity main l-antik muri bl-aħmar u li qiegħed fuq in-naħa tal-bini sarulu t-tiswijiet meħtieġa.
- bejn ir-roundabout ħdejn l-iskola tad-Dorotej u dik ta' Srina, ir-rising main ġie mtawwal sabiex jgħaqqad ir-roundabout tad-Dorotej mall-pumping station ta' Srina.
Din il-parti tax-xogħlijiet hi murija bil-maġenta fuq il-pjanta li qegħda titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid jekk hux minnu li jekk persuna li tkun ġiet boarded out u li qiegħda tieħu l-pensjoni ta' l-invalidita' titlef din il-pensjoni kemm-il darba tikkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali jew jekk tiġi eletta bħala kunsillier?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li persuna ma titlifx id-dritt għall-Pensjoni għal Invalidita' mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jekk tikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u tiġi eletta bħala kunsillier.
Ninsab infurmata wkoll li jekk tali persuna tiġi maħtura fil-kariga ta' Sindku, li hi kariga remunerattiva, din titlef id-dritt għall-pensjoni msemmija.
Jista' il-Ministru jagħti l-ismijiet ta' l-għalliema u s-suġġett li jgħallmu fil-kors tal-construction fl-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Istitut ta' l-Inġinerija u Kostruzzjoni jeżistu dawn il-korsijet :
05/04/03 MCAST - Foundation Certificate in Construction Engineering Skills
05/04/03 MCAST - Certificate in Construction Engineering Skills
05/04/10 MCAST - BTEC First Diploma in Construction
05/04/11 MCAST - BTEC National Diploma in Construction/Building Services Engineering.
Hemm ukoll korsijiet ta' filgħaxija part-time fil-Construction Management.
Informat li hemm 56 lecturers jgħallmu f'dawn il-korsijiet.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18178 u jgħid kemm ġew jiswew flus it-toroq li saru permezz tal-fondi tal-Protokoll Taljan, kull triq separatament?
Il-Gvern Taljan għaddihom dawn il-flus lill-Gvern Malti, u jekk fl-affermattiv, kemm kien l-ammont ta' flus?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-kontijiet għax-xogħlijiet fuq dawn it-toroq għadhom ma ġewx finalizzati.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx bżonn permess tal-MEPA sabiex il-playing field li hemm wara blokk
A1 tal-
housing estate
tal-gvern f'H'Attard titneħħa u minflok isir parkeġġ? Jekk fl-affermattiv, hemm xi applikazzjoni għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika, permezz ta’ site plan, il-post eżatt li qed jirreferi għalih.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex iż-żebgħa tal-linji tat-triq ġdida li tagħti mill-Mosta għaż-Żebbiegħ bilkemm għadhom jidhru, minkejja li ilhom li saru ftit ġimgħat ilu biss?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta nħarġet is-sejħa għall-offerti għal landscaping tal-moll ta' Sant'Anġlu tal-Cottonera Waterfront? Minn min intefgħu l-offerti u x'kienu l-valuri rispettivi tagħhom? Min rebaħ dan il-kuntratt u meta mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Charles Buhagiar li s'issa ma nħarġet l-ebda tender fuq xogħol ta' landscaping.
Ix-xogħol li hemm bħalissa qiegħed isir permezz ta' żewġ kuntratti li nħarġu 'l fuq minn sena ilu u ma ntużawx. Għalhekk ġie deċiż li ssir change of site biex permezz ta' dawn il-kuntratti jkun jista' jsir dan ix-xogħol. Ix-xogħol hu mistenni jitlesta s-sajf li ġej.
Jista' il-Ministru jinvestiga x-xogħlijiet li qed isiru fi Triq in-Nassab, Ħal Qormi peress li jidher li x-xogħol li sar fuq il-bankina qiegħed joħloq inkonvenjent kbir lir-residenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 18122.
Kien hemm ilmenti għal mod kif oriġinarjament kienu qegħdin isiru l-bankini minħabba problemi ta' livelli. Ix-xogħol kien għalhekk sospiż sakemm instabet soluzzjoni li taħdem. Dawn il-bankini issa tlestew.
Riċentament l-Awtorita' dwar it-Trasport irċeviet ilment wieħed permezz tat-telephone rigward id-dewmien sabiex titlesta t-triq. Il-feedback li għandna huwa li l-mod kif issa saru l-bankini huwa għas-sodisfazzjon ta' kulħadd.
Jista' il-Ministru jispjega x'qiegħed isir min-naħa tal-WSC u l-Enemalta għal bidla li trid issir fil-billing bid-dħul eventwali tal-euro?
Response (GATT, AUSTIN)
Wara l-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida w id-Direttivi tal-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla fl-Ewro (NECC), il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma (KSI), waqqfet kumitat intern sabiex jittratta kull aspett li l-bidla għall-Ewro ħa jkollha fuq il-Korporazzjoni w il-klijenti tagħha.
B'mod iktar speċifiku, il-Korporazzjoni qiegħda taħdem id f'id mal-"MITTS Ltd" għall-bidliet tekniċi li jridu jsiru fosthom il-wiri ta' prezzijiet bl-Ewro fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Din ser tiġi introdotta skond id-direttivi mħejjija mill-'NECC'.
Barra mill-bidliet tekniċi, l-KSI qed tipprepara kampanja ta' komunikazzjoni sabiex tipprovdi aktar informazzjoni rigward il-bidliet fuq il-kontijiet tagħha. Ser ikun hemm linja tat-telefon apposta, kif ukoll "webpages" fuq is-sit ta' l-Internet tal-KSI apparti reklami fuq il-gazzetti u fuq il-mezzi tax-xandir, biex jiġu spjegati l-bidliet li ser jsiru fuq il-kontijiet.Huma wkoll maħsuba laqgħat ma organizzazjonijiet varji li jistgħu jgħinu l-klijenti tal-Korporazzjoni f'dawn il-bidliet.
Mill-aspett loġistiku, meta l-klijent jiġi hu personali, impjegati mħarrġa apposta ser jirrispondu mistoqsijiet li jista ikollu l-klijent. Il-'Cash Office' se tkun preparata biex tilqa n-nies li jiġu jħallsu kemm bl-Ewro kif ukoll bil-Lira Maltija skond id-direttivi li joħorġu iżjed 'il quddiem.
Il-KSI qed iżżomm kuntatt kontinwu mall-Kumitat Settorali għas-Servizz Pubbliku (PSSC) u l-Ministeru tagħha.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18135 u jgħid meta nħarġet is-sejħa għall-offerti għal landscaping tal-moll ta' Sant'Anġlu tal-Cottonera Waterfront? Minn min intefgħu l-offerti u x'kienu l-valuri rispettivi tagħhom? Min rebaħ dan il-kuntratt u meta mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 18135.
Jista' il-Ministru jara li t-tabella kbira li hemm f'Constitution Street, Mosta, faċċata ta' Hope Street, u li tindika li hemm area industrijali, titneħħa minfejn hi u titpoġġa aktar 'il ġewwa għax bħalissa tinsab imwaħħla f'area residenzjali, bil-konsegwenza li taffettwa b'mod negattiv il-valur tal-proprjeta' f'din l-area residenzjali?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.