Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li ssir sorveljanza adegwata mill-pulizija fl-inħawi tal-playing field ġdid f'Tal-Blata l-Għolja, Mosta peress li qegħdin jiġu rapportati ħafna abbużi f'din l-area, inkluż it-teħid tad-droga u ħafna serq mid-djar li litteralment qegħdin jitterrorizzaw lir-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-rapporti magħmula lill-Pulizija, jidher illi matul din is-sena kien hemm żewġ rapporti ta' serq u ieħor ta' ħsara volontarja mill-inħawi imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu, infurmat ukoll illi qed issir ronda fl-inħawi kemm mill-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll mill-Mobile Squad u ta' l-Iskwadra ta' kontra d-Droga.
Jista' il-Ministru jgħid b'liema legal notice twaqqaf l-urban improvement fund tal-MEPA? Meta twaqqaf dan il-fund? Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-bord tal-MEPA? Kemm inġabru flus f'dan il-fund sal-lum? Meta japplika dan il-fund u x'inhu l-iskop tiegħu? Hemm kriterji preċiżi ta' kif jiġu kkalkulati l-kontribuzzjonijiet għal dan il-fund? Sal-lum intnefqu xi flus minn dan il-fund u jekk fl-affermattiv fuq liema proġetti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp jipprovdi għal obbligi dwar l-iżvilupp, li permezz tagħhom jistgħu jinġabru fondi bħala 'planning obligation'. M'hemmx riferenza diretta fil-liġi għall-"urban improvement fund" jew skemi bħalha. L-"urban improvement fund" twaqqaf bl-approvazzjoni tal-Bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) f'April 2005, meta ġie approvat il-Policy dwar il-Kontroll ta' l-Iżvilupp u Gwida fid-Disinn. Il-bilanċ f'dan il-fond fl-aħħar ta' Marzu 2006 jammonta għal Lm 466,470. Sa dakinhar ma kienu ntefqu l-ebda flus minn dan il-fond. Meta jkun hemm ħlas dovut għal nuqqas ta' parkeġġ u m'hemmx il-Commuted Parking Scheme tapplika, din l-iskema u l-flus jiġu allokati għall-dan il-fond sabiex jiffinanzja 'traffic management', titjib urban jew proġetti simili. Il-ħlas dovut għal kull parkeġġ nieqes huwa ta' Lm 500. Sa l-aħħar ta' Marzu 2006 ma kienu ntefqu l-ebda flus minn dan il-fond għalkemm hemm diġa xi proġetti li sejrin jiġu iffinazjati minn dan il-fond fuq talba tal-kunsilli lokali.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 18559 u 18844 u jgħid kemm persuni applikaw għal post ta' officer/clerk/ office assistant skond iċ-ċirkolari tal-WSC NO. 7/2006? X'sar minn dawn l-applikazzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma rċiviet sitta u għoxrin applikazzjoni għal post ta' Officer/Clerk/Office Assistant skond iċ-ċirkulari WSC 7/2006. Fi żmien qasir għandhom isiru l-Interviews.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-rising main il-ġdid li sar fi Triq Ta' Srina minn kuntrattur privat tqabbadx mill-istess kuntrattur mal-pumping station ta' Srina?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-connection finali ġol-pumping station saret mill-impjegati tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18754 u jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-Baċir nru. 1?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Għadhom għaddejjin diskussjonijiet ma' wieħed miż-żewġ konsorzji li ġew short-listed fejn qed jiġu sottomessi l-proposti tagħhom. Id-diskussjonijiet huma fi stadju avvanzat.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-parking bays li ġew miżbugħa f'St. Anne Street, c/w St. Anne Junction, Mosta humiex koperti bil-permessi ta' l-ADT meħtieġa? Jekk fin-negattiv, x'se jsir dwarhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Minn riċerka li saret fir-records tat-Traffic Management Unit irrżulta li m'hemm ebda permess għall-parking bays miżbugħa fi Triq St Anna fil-post li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant. It-Traffic Management Unit kien ġibed l-attenzjoni tal-Kunsill Lokali Mosta b'ittra datata 17 ta' Jannar 2006, li kienet inħarġet bħala risposta għall-kummenti li ntbagħtu lill-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta, mill-perit ta' resident fil-post.
Sussegwentament, it-Traffic Management Unit infurmat lill-Kunsill Lokali Mosta, b'ittra bid-data 6 ta' Marzu 2006, sabiex jitneħħew tali parking bays. Intbagħtet reminder lill-Kunsill Lokali bid-data, 14 ta' Marzu 2006 u 9 ta' Mejju 2006.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 18712, jista' il-Ministru jgħid kemm minn dawn il-lecturers huma gradwati u f'liema suġġett huma speċjalizzati?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ktieb maħruġ mill-BICC Impressions Aesthetics Designer Handbook?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il Mejda tal-Kamra, kopja tal-pubblikazzjoni Impressions Aesthetics Design Handbook, maħruġ mill-Kunsill Konsultattiv dwar L-Industrija tal-Bini, kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 18631, jista' il-Ministru jgħid x'azzjoni se tittieħed dwar directional sign li allura twaħħlet b'mod illegali?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Permessi għal directional sign tat-tip li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu jista’ jkun li jkunu approvati minn entitajiet oħra. Barraminhekk, l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta mhux responsabbli għal kull xorta ta’ infurzar li jista’ jkun meħtieġ fir-rigward ta’ tali signage.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-persuni li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, se jagħmlu l-kuntratt għall-art fl-industrial area ta' Ħal-Luqa peress li l-konvenju ilu li ġie ffirmat aktar minn tlett snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kuntratti għall-artijiet f'Ħal Luqa qegħdin isiru u dawk il-persuni li dwarhom saret din il-mistoqsija biex isir il-kuntratt, dalwaqt se jiġu notifikati.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18547 u jgħid x'inhi r-raġuni għaliex iż-żebgħa tal-linji tat-triq ġdida li tagħti mill-Mosta għaż-Żebbiegħ bilkemm għadhom jidhru, minkejja li ilhom li saru ftit ġimgħat ilu biss?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita tat-Trasport tagħmel spezzjonijiet fuq it-toroq li saru mill-fondi tal-Protokoll Taljan u jekk mill-istess spezzjonijiet jirriżulta nuqqasijiet fil-performance tal-materjali, il-kuntrattur jintalab biex jirrispetta l-obbligi kontrattwali in kwistjoni.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18559 u jgħid kemm persuni applikaw għal post ta' officer/clerk/ office assistant skond iċ-ċirkolari tal-WSC NO. 7/2006? X'sar minn dawn l-applikazzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 18023, 18230 u 18548 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-site plan li tindika l-boundaries tas-sit tal-proġett SmartCity@Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-boundaries tas-sit tal-Proġett ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta jitressaq għad-diskussjoni l-Abbozz tal-Kuntratt.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18629 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tax-xogħlijiet ta' embellishment proposti f'Għar id-Dud, Tas-Sliema?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tat-tisbiħ li se jsir fil-promenade ta Għar id-Dud, Sliema. L-Onor. Interpellant għandu japprezza li dawn il-pjanti m'humiex finali u jistgħu jigu amendati skond iċ-ċirkostanzi tax-xogħol li jkunu kumpatibbli mal-post.
Dipartiment tax-Xogħlijiet — Sezzjoni ta' l-Arkivji
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk is-sezzjoni ta' l-arkivji fi ħdan id-dipartiment tax-xogħlijiet hux se jiġi trasferit għal mad-dipartiment ta' l-artijiet? Jekk fl-affermattiv, minħabba l-valur storiku ta' dawn l-arkivji jistgħux jiġu trasferiti għall-arkivji nazzjonali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li sa llum m'hemm l-ebda ħsieb li s-sezzjoni ta' l-arkivji fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet tiġi trasferita għal mad-Dipartiment ta' l-Artijiet.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-konsulent Ġermaniż Prof. Muller hux qiegħed jagħti konsulenza tad-ditta privata li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Kemm qiegħed jitħallas Prof. Muller għal dan ix-xogħol? Liema hu l-proġett li hu involut fih? Ma jaħsibx il-Ministru li dan it-tip ta' xogħol privat imur kontra l-kuntratt li għandhom il-konsulenti Ġermaniżi li jispeċifika b'mod ċar li xogħolhom għandu jkun biss ma' l-ADT?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li d-ditta li għaliha qed jirriferi l-Onorevoli Interpellant talbet li tuża s-servizzi tal-Professur Muller. L-Awtorità dwar it-Trasport talbet ħlas għal dan is-servizz ta’ Lm35 s-siegħa. Dan il-ħlas qed isir lill-Awtorità u mhux lill-Professur Muller.
Jien infurmat ukoll li l-Professur Muller se jagħti l-opinjoni esperta tiegħu dwar proċeduri ta’ testijiet għal analiżi strutturali tal-pavimentar tar-runway, u proposti dwar id-disinn u l-manutenzjoni tal-pavimentar, li ma jaqax taħt ir-responsabbiltà ta’ l-ADT.
L-Awtorità hi tal-fehma li f’dan ir-rigward ma jeżistix konflitt ta’ interess.
Jista' il-Ministru jara li t-tabella kbira li hemm fi Triq il-Kostituzzjoni, Mosta faċċata ta' Hope Street u li tindika li hemm area industrijali titneħħa minn fejn hi u titpoġġa aktar 'il ġewwa għax bħalissa tinsab imwaħħla f'area residenzjali bil-konsegwenza li taffettwa b'mod negattiv il-valur tal-proprjeta' f'din l-area residenzjali?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Traffic Management Unit irriżulta li ma nħareġ ebda permess għal tali directional sign
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 18530, jista' il-Ministru jgħid jekk ir-rising main il-ġdid ġiex imqabbad mal-pumping station Ta' Srina?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 18546, jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li jiġu finalizzati l-kontijiet għax-xogħlijiet ta' toroq tal-Protokol Taljan?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-ammonti kemm ġew jiswew it-toroq li ġew kostruwiti mil-fondi tal-Protokoll Taljan waslu fl-istadju konklussiv hekk kif bdew jingħalqu il-final bills tal-istess xogħlijiet. Minħabba li mhux l-ammonti tat-toroq kollha ġew konklużi, l-istess ammonti jingħataw meta jiġu magħluqa u konfermati l-kontijiet kollha.
Il-kwistjoni jekk kienx hemm fondi li ġew trasferiti mill-Gvern Taljan lill-Gvern Malti kienet u għadha xi ħaġa monitored mill-OPM. Madankollu ninsab infurmat illi l-claims li saru fl-2005 li jammontaw għal kważi 25.9 miljun Euro ġew rimburżati mill-Gvern Taljan filwaqt li l-Gvern għadu qed jistenna li jiġu rimburżati madwar 4.1 miljun Euro li saret it-talba għalihom aktar kmieni din is-sena.