Jista' il-Ministru jgħid x'ġara mill-proposta sabiex jiġi introdott servizz ta' aċċess vertikali bejn il-Valletta Waterfront u ċ-ċentru tal-Belt li kienet tħabbret aktar kmieni din is-sena?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-permess outline PA 2211/06 għall-proġett msemmi għadda din il-ġimgħa. It-tender bil-permessi anness għandu jiġi ppublikat fil-ġimgħat li ġejjien.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kenitx ġiet ippreżentata l-proposta għall-proġett konta l-għargħar mill-fondi mill-Unjoni Ewropea? Kemm ġiet costed din il-proprosta? F'liema stadju waslet din il-proposta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-proposta għall-proġett kontra l-għargħar f’Birkirkara u l-Msida ġiet ippreżentata biex tkun ikkunsidrata mal-proġetti għall-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea. L-istima hija ta’ 70 miljun Euro.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra t-total ta' proġetti ta' toroq u junctions li ġew sottomessi għall-fondi mill-Unjoni Ewropea bl-ispiża stmata għal kull proġett separatament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
B'riferenza għall-bini ta' blokk ta' uffiċini ġodda mill-Malta Maritime Authority fix-xatt tal-Belt fejn is-Sea Malta, jista' il-Ministru jgħid: 1) x'inhu l-floorspace totali ta' dawn l-uffiċini; 2) dan il-floorspace hu kollu għall-użu ta' l-MMA u jekk fin-negattiv, minn min se tintuża; 3) x'kienet l-ispiża ta' dawn ix-xogħlijiet; 4) min kienu l-main contractors fuq dan il-proġett; 5) min kienu l-konsulenti u l-periti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-floor space totali tal-Maritime Trade Centre huwa 17,000m² maqsuma kif ġej:
Ufficini, common areas, kuruturi, toilets, Meeting Rooms, Lobby u Canteen
11,800m²
Car Park
2500m²
Plant Area and Car Route Areas
2700m²
Total
17,000m²
Dan il-bini hu maqsum fi tlett blokki. Blokk minnhom hu għal użu ta’ l-Awtorita’ Marittima, fejn għall-ewwel darba d-direttorati kollha fi ħdan l-Awtorita' sejrin ikunu miġburin f’bini wiehed. Blokk ieħor sejjer iservi għas-servizzi komuni waqt li l-aħħar blokk huwa ntiż biex iservi bħala one-stop shop għall-affarijiet marittimi billi joffri uffiċini għall-kiri waqt li parti oħra sejra tintuża mill-kumpanija Valletta Gateway Terminals.
Ix-xogħolijiet li saru huma stmati li ser jiswew is-somma ta’ LM4,334,000 (ex VAT) lill-Awtorita Marittima u LM1,030,000 lill-VISET plc. Il-kontribut tal-VISET plc huwa abbażi tal-kuntratt bejn il-Gvern u l-Viset plc għall-proġett tal-Valletta Waterfront fejn il-VISET plc intrabtet li tikkumpensa lill-Awtorita' Marittima talli vvakat l-uffiċini tagħha f’Pinto Stores fix-Xatta tal-Belt Valletta.
Il-kuntratturi prinċipali huma kif gej: -
§ Panta Contracting Ltd
§ Vassallo Builders Ltd
§ AX Holdings Ltd
§ Camray Company Ltd
§ Mekanika Ltd
§ Motherwell Bridge (Malta) Ltd
§ Aluserv Ltd
§ HalMann Ltd
§ FM Environmental Ltd
§ Attard Brothers Ltd
Il-Periti u konsulenti huma kif ġej:
§ Architecture Project (AP) - għall-istruttura u l-arja tal-komun (AP huma l-periti tal-VISET plc)
§ Perit Martin Farrugia – għall-arja ta’ l-uffiċini
§ Scicluna & Associates – għall-inġenerija mekkanika u elettrika.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waal il-proġett ta' l-għargħar fil-Menqa tal-Marsa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-proġett ta’ l-għargħar fil-Menqa tal-Marsa wasal fil-fażi finali tiegħu. Bħalissa qed isir xogħol fuq il-
bridge
li ser ikun hemm fi Triq il-Mollijiet u l-iżbokk għall-baħar. Minn hawn u ftit jiem oħra ser jinbeda xogħol ta’ rranġar taż-żona ta’ biswit il-kanal.
Jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' l-urban improvement fund (UIF) għal kull belt u raħal separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni hija aċċessibbli mill-pubbliku minn fuq il-website ta’ l-istess Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Din l-informazzzjoni ilha aċċessibbli sa mill-20 ta’ Ottubru 2006.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu mpjegati fid-dipartimenti fid-dekasteru tiegħu matul dawn l-aħħar 12-il xahar li ma kenux f'posthom waqt il-ħin tax-xogħol u/jew li abbużaw mis-sick leave? F'liema gradi kienu dawn l-impjegati? X'passi ttieħdu kontra tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi fl-aħħar tnax-il xahar ittieħdu passi dixxiplinarji kontra 50 ħaddiem li ġew akkużati li ma kienux f’posthom waqt il-ħin tax-xogħol, u kontra 145 ħaddiem li kienu akkużati li abbużaw mis-‘sick-leave’. Dawn inħarġulhom ‘charges’ skond ir-regolament 20 tar-Regolamenti tad-Dixxiplina.
Il-ħaddiema li ttieħdu passi dixxiplinarji kontrijhom, kellhom dawn il-gradi:
professjonali – 1; tekniċi – 50; klerikali u amministrattivi - 12; industrijali - 129; dipartimentali – 2; messaġġier – 1.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-preparamenti għas-sejħiet għall-iżvilupp ta' Ta' Qali Crafts Village?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed tiġi kkompilata l-informazzjoni miġbura minn entitajiet ikkonċernati biex jiġu iffinalizzati s-sejħiet. Hu ppjanat li s-sejħiet isiru fil-bidu tal-2007.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol ta' taħmil tal-bottleneck li hemm fis-sukkursu tas-Salina mill-ħama li akkumula fih matul dawn l-aħħar snin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi għal raġunijiet strutturali fis-sukkursu, madwar 200 metru minn 900 metru tul komplessiv, ma setgħux jiġu mħammlin l-isfel mill-baħar. L-istrutturi li hemm mall-ġenb ta’ din il-parti tal-kanal, għandhom pedamenti 'l fuq mill-baħar u ma jippermettux taħmil tal-kanal mingħajr ma dawn jiddgħajfu konsiderevolment.
Ix-xogħol biex jitneħħa dan il-bottleneck għandu jsir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, is-sena d-dieħla. Dawn ix-xogħlijiet ma sarux din is-sena minħabba li kien għad fadal xi konsultazzjonijiet mal-MEPA rigward l-għoti tal-permess.
Jista' il-Ministru jara li meta jsir xogħol ta' trinek mid-WSC minħabba xi main renual jew biex tiġi rranġata xi ħsara f'toroq bit-tarmac u manutenzjoni tat-triq isir kif suppost u t-tarmac li jintuża biex timtela t-trinka jiġi compacted u t-trinka sealed kif suppost?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ L-Ilma dejjem qiegħda tara kif ittejjeb l-operat tagħha fejn jidħol xogħol fit-toroq. Korsijiet ta’ taħriġ għall-impjegati li jaħdmu f’dan il-qasam isiru minn żmien għall-ieħor. Hemm ukoll servizz ta’ Quality Assurance fuq kuntratturi li jqiegħdu l-mains ġodda.
Barra minn hekk, il-Korporazzjoni bħalissa għaddejja f’taħdidiet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex jiġi aġġornat il-kuntratt li kellha fis-snin li għaddew mal-Kunsilli Lokali. Permezz ta’ dan il-kuntratt ikunu l-kuntratturi tal-Kunsilli li jagħmlu x-xogħol tal-kisi mill-ġdid ta’ wiċċ tat-trinek li jitħaffru għall-manutenzjoni u il-ħlas isir mill-Korporazzjoni.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-bini tal-mina mill-MIDI f'Tigne Point huwiex komplut?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-ewwel fażi tal-bini tal-mina tlesta u nbeda x-xogħol fuq it-tieni parti. L-Onorevoli Interpellant jista' jivverifka dan mill-iskeda li poġġejt fuq il-mejda tal-Kamra għall-mistoqsija parlamentari numru 21530.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsarat li qegħdin ibaxxu l-effiċjenzi tal-power station ta' Delimara, kemm fit-turbini kif ukoll fil-combined cycle? X'inhuma dawn il-ħsarat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li m'hemmx ħsarat li qegħdin ibaxxu l-effiċjenza tal-Power Station ġewwa Delimara.
Jisa' il-Ministru jgħid meta se jinħarġu t-tenders għal car parks skond kif ġie rrapportat li stqarr iċ-chief executive ta' l-ADT?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat min-naħa tal-Kap Eżekuttiv ta’ l-Awtorità li hu qatt ma stqarr li se jinħarġu tenders għal car parks. Li seta’ semma kien il-ħsieb ta’ l-Awtorità li torganizza b’mod aħjar id-diversi parkeġġi pubbliċi li hawn u li huma regolati minnha, anki permezz ta’ inizjattivi bi sħubija bejn l-Awtorità u l-privat.
Jista' il-Ministru jara li l-bypass ta' San Pawl il-Baħar, fejn bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet estensivi, tiġi mdawwla b'mod adegwat matul il-lejl u mhux ikun dlam bħalma kien fil-21 ta' Ottubru, 2006 b'konsegwenza li joħloq riskju serju għal kulmin juża din it-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħol fuq il-Bypass ta' San Pawl il-Baħar, qed ikun imdawwal permezz tas-sistema li kienet eżistenti fit-triq. Ma’ din is-sistema ġew miżjuda żewġ flood lights fit-truf tad-devjazzjonijiet sabiex iżidu l-viżibilita f’dawn l-inħawi fejn qed issir devjazzjoni tat-traffiku minn karreġġjata għall-oħra.
Jirriżultalna li l-ħsara msemmija mill-Onorevoli Nterpellant kienet kkawżata minn xi nuqqas ta’ enerġija elettrika li m'hijiex relatata mal-kostruzzjoni tat-triq.
Jista' il-Ministru jgħid b'konnessjoni ma' proġetti ta' bini ta' toroq, liema mhedded tal-mains tad-drenaġġ ġew spezzjonati permezz tas-CCTV qabel ma nbeda x-xogħol matul dawn l-aħħar 12-il xahar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid mingħand liema kuntrattur qegħdin jiġu mikrija l-jetting bowsers mid-dipartiment tad-drenaġġ? Kemm tħallas il-kuntrattur għal dan is-servizz matul dawn l-aħħar 12-il xahar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jagħti lista ta' equipment mediku li jrid jiġi trasferit mill-isptar San Luqa għall-isptar Mater Dei?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddej eżerċizju biex jiġi identifikat u bar-coded apparat mediku li jista' jiġi trasferit mill-Isptar Mater Dei. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kanmra l-lista ta' l-apparat fid-Dipartimenti fejn diġa' sar l-eżerċizju. L-eżerċizju ser isir ukoll fis-swali kollha, l-Cath Lab u CICU.