Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21298 u 21558 u jgħid: B'riferenza għat-tabelli li twaħħlu fit-toroq arterjali, jista' il-Ministru jgħid kemm kellhom jitwaħħlu tabelli u kemm fil-fatt twaħħlu u kemm ġew imkissrin u/jew mibdula jew se jinbidlu?
Kemm kienet l-ispiża kollha ta' dan il-kuntratt u kemm tħallsu flus s'issa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' tabelli li ġew mwaħħla s'issa huwa 306, li jammontaw għall-valur ta' Lm 387,629.73. Dan il-prezz jinkludi l-pedamenti, l-gantry poles, is-signboards, is-sign brackets u l-installazzjoni ta' kull tabella.
L-ammont ta' tabelli li għad iridu jiġu mwaħħla huwa ta' 26, li huma stmati li jiswew madwar Lm 30,903.35.
L-ammont ta' tabelli li ġew irranġati jew mibdula mħabba ħsarat fihom kien ta' 134 - ikkawżati jew minn inċidenti tat-traffiku jew inkella minn atti ta' vandaliżmu. Dawn it-tabelli swew Lm 31,316.28.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21541 u jgħid liema proġetti ġew finanzjati mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea (2005-2006)?
Sa meta jistgħu jiġu sottomessi l-kontijiet ta' dawn il-proġetti sabiex ikunu jistgħu jitħallsu minn dawn il-fondi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista tal-proġetti li qed jiġu finanzjati mill-Fondi Strutturali, mill-Fond ta’ Koezjoni, mill-Programm Equal u mill-Fond ta’ Transizzjoni għas-snin 2005-2006.
Fil-każ tal-Fondi Strutturali, il-preżentazzjoni tal-kontijiet mhix speċifika għall-proġett iżda għall-Fond. Kull sena jridu jiġu preżentati numru ta’ kontijiet fuq il-Fondi differenti u dawn jitgħu jkunu minn proġetti differenti. Jiena diġa għidt fid-diskors tal-baġit li Malta laħqet l-obligazzjonijiet tagħha kollha għas-sena 2006 – xhur qabel d-deadline. Dan japplika wkoll għall-Programm Equal.
Fil-każ tal-proġetti tal-Fond ta’ Koezjoni, l-aħħar data hi Novembru 2008 iżda fuq dan il-Fond l-Awtoritajiet jistgħu jitolbu estensjoni tad-deadline minħabba n-natura tal-proġetti.
Fil-każ tal-proġetti taħt il-Fond ta’ Transizzjoni, il-pagamenti jridu jsiru sa tliet snin minn mindu ġie approvat il-Programm. Dan ifisser sa Diċembru 2008 għall-proġetti taħt il-programm tal-2005 u sa Diċembru 2009 għall-proġetti taħt il-Programm tal-2006. Għal dan il-Fond hemm ukoll il-possibilta’ ta’ talba għal estensjoni tad-deadline.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopji tal-pubblikazzjoni On Site li ħarġu matul din is-sena? Kemm hi l-ispiża għal din il-pubblikazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li l-ispiża għal din is-sena marbuta mal-pubblikazzjoni On Site, li hi l-pubblikazzjoni konġunta bejn il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u l-BICC, swiet lill-Ministeru Lm 5,301.45ċ.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull ħarġa On Site, ippubblikati matul din is-sena:-
§ Harġa Numru 19 – Frar 2006
§ Harġa Numru 20 – Ġunju 2006
§ Harġa Numru 21 – Settembru 2006 (edizzjoni speċjali li tinkludi kopji u aktar paġni).
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21547, l-iskola hi dik primarja ta' H'Attard.
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li issa t-tfal kollha għandhom l-uniformi meħtieġa.
Informat ukoll li s-supplier avża lis-surmast li kien hemm xi nuqqas ta' ftehim u assigurah li l-uniformijiet se jiġu pprovduti. Fil-fatt l-uniformijiet diġa ġew pprovduti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħata petrol u diesel mill-pompa tal-gvern f'Ħal Kirkop?
Liema dipartimenti jużaw il-faċilitajiet ta' din il-pompa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li matul l-aħħar tnax-il xahar, mill-pompa tal-Gvern f’Ħal Kirkop ingħataw 139,118 litru petrol u 379,244 litru diesel.
Il-faċilitajiet ta’ din il-pompa jużawhom id-Dipartimenti kollha fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, d-Dipartiment tad-Djar u l-Kostruzzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali, l-Aġenzija WasteServ u l-Forzi Armati ta’ Malta, fuq bażi okkażjonali, il-Unit tad-Dranaġġ fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma u l-Uffiċċji tal-President.
Jista' il-Minsitru jgħid meta l-kuntrattur li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, se jitħallas għax-xogħol ta' trinek li għamel lill-Enemalta peress li dawn il-kontijiet ilhom pendenti għal jiem relattivament twal?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kuntrattur li ismu qed jidher sepaatament m'għandux kontijiet pendenti mal-Enemalta.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21335 u jagħti l-lista ta' toroq arterjali li ġew upgraded mill-2003 sal-lum? X'kien it-tul ta' kull triq u x'kienet l-ispiża tax-xogħlijiet? Liema huma t-toroq li qiegħed isir xogħol fuqhom bħalissa u x'inhu t-tul tagħhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21514 u jgħid kemm iqum flus kull metru kubu ta' ilma: 1) prodott mill-RO plants, kull impjant separatament; 2) imtella' mill-boreholes/gallaries?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ispejjeż diretti għal produzzjoni ta’ l-ilma għax-xorb f’ċentezmi għal kull metru kubu ta’ ilma huma dawn:
Pembroke 20.57
Lapsi 22.45
Ċirkewwa 24.5
Boreholes 5.5
Dawn jinkludu spejjeż tal-ħaddiema direttament relatati, spejjeż tal-manteniment, kimika u elettriku. Dawn ma jinkludux spejjeż kapitali u diprezzament kif ukoll spejjez ta’ distribuzzjoni.
Ta’ min jirrimarka li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma hija eżenti mis-surcharge.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21519 u jgħid x'kien id-dħul tal-Wasteserv għad-disposal ta' l-iskart matul is-sena 2005? Kemm hu d-dħul għal din is-sena sal-lum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21522 u jgħid jekk il-power station ta' Delimara hijiex konformi mar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-emmissjonijiet ta' trab u NO? X'inhi l-pożizzjoni tal-power station tal-Marsa f'dan ir-rigward?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21533 u jgħid liema partijiet tal-proġett tal-Cottonera Waterfront tlestew sal-lum kif previsti fil-kuntratt? Liema huma x-xogħlijiet li fadal isiru?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kenitx ġiet preżentata l-proposta għall-proġett ta' restawr tal-fortifikazzjonijiet għall-fondi mill-UE? Kemm ġiet costed din il-proposta? F'liema stadju waslet din il-proposta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li l-proposta għall-proġett ta’ restawr/manutenzjoni tas-swar ġiet ippreżentata biex tkun ikkunsidrata għall-finanzament mill-fondi strutturali 2007 - 2013 ta' l-Unjoni Ewropea. Il-proġett jinkludi restawr u konsolidazzjoni ta’ partijiet ta’ swar fil-Belt Valletta, il-Birgu, Mdina, u ċ-Ċitadella – Għawdex. L-istma globali hija ta' 30 miljun Euro.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-istudji li qegħdin isiru mill-MEPA fuq żewġ sites proposti għas-sea reclamation?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-evaluation committee imwaqqaf apposta fi hdan l- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kien ta rakkomandazzjoni lid-Dipartiment tal-Kuntratti dwar l-għoti ta' din it-tender. Kien hemm oġġezzjoni waħda għal din ir-rakkomandazzjoni. Id-Dipartiment tal-Kuntratti, wara li fela bir-reqqa l-argumenti miġjuba minn min oġġezzjona kif ukoll l-argumenti miġjubin mill-evaluation committee, b'korrispondenza bid-data ta’ l-24 ta' Ottubru 2006, iddeċieda favur il-parir oriġinali ta' l-evaluation committee.
Issa, il-pass li jmiss hu l-iffirmar tal-kuntratt mill-kumpanija li rebħet it-
tender
.
Riżorsi u Infrastruttura — Vetturi li jużaw biodiesel
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk vetturi li jintużaw minn dipartimenti fid-dekasteru tiegħu jużawx il-biodiesel? Jekk fl-affermattiv, x'inhu l-ammont ta' biodiesel li ntuża matul din is-sena? X'inhi r-rata li qiegħed jinxtara biha l-biodiesel?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li d-dipartimenti fil-Ministeru qed jużaw il-biodiesel għal 20 van pickup tal-Gvern.
L-ammont ta' biodiesel li ntuża mill-bidu ta' din is-sena sa l-aħħar ta' Settembru 2006 kien ta’ 13,542 litri.
Ir-rata li qed tinxtara biha l-biodiesel tvarja skond il-prezz tas-suq tal-fuel.
Peress li kien ġie mwiegħed li l-applikanti għal kors ta' l-IT fl-MCAST kollha se jibdew il-kors, jista' il-Ministru jgħid meta dawn l-istudenti se jibdew l-istudji tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
L-ewwelnett mhux veru li qatt ġie mwiegħed li l-applikanti għall-korsijiet ta' l-ICT fl-MCAST kollha ser jibdew il-kors.
B'dankollu informat li qegħdin isiru l-arranġamenti meħtieġa biex l-istudenti li applikaw għal kors fl-Information and Communication Technology fl-MCAST jingħataw l-opportunita' li jsegwu l-kors fl-aqsar żmien possibli. L-istudenti qegħdin jintalbu jikkonfermaw l-applikazzjoni tagħhom biex jibdew il-kors.
Jista' il-Ministru jara li l-pelican lights fi Triq Sant'Anna l-Floriana jiġu kkontrollati mill-wardenswaqt ir-rush hours biex jiġu evitati traffic jams kawżati minn użu kontinwu ta' dawn il-lights?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari ta’ l-Onorevoli Interpellant t-Taqsima għall-Immanniġġjar tat-Traffiku hija infurmata li l-pelican lights li hemm fit-triq Sant’Anna, l-Furjana sa mill-lum 6 ta’ Novembru 2006 ġew sinkronizzati mas-sistema mat-Traffic Lights junction li hemm biswit il-Funtana ta’ l-Iljun sabiex il-kontrol tat-traffiku jkun integrat u għaldaqstant is-sistema tat-traffiku tkun iktar effiċjenti u jitnaqqsu l-kjuwijiet u d-delays tat-traffiku.