Legislature:
Category:
Reset
Active:

Personal files

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24667 jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għandux access għal personal files ta' l-impjegati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li m'hemmx iżjed x'inżid mar-risposti diġa' mogħtija.

Ħaż-Żebbuġ — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jivverifika li x-xogħol li qiegħed isir fil-bini tal-parti l-ġdida ta' Triq Għar Ram, Ħaż-Żebbuġ qiegħed isir skond il-pjanti għax jidher li hemm taħwid sħiħ fl-allinjament tat-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Bħal ma jaf l-Onorevaoli Interpellant, il-linja u l-livelli tat-toroq jiġu stabbiliti u mmarkati fuq il-post mill-MEPA kif ġara f'dan il-każ. Bħalissa l-ADT qed tivverifika jekk bini eżistenti fit-triq imsemmija inbeniex qabel jew wara li ġew definiti dawn il-linji.

Mosta — Embellishment tal-pjazza

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 25527, x'inhu l-valur tal-kontribut ta' l-ADT għax-xogħol ta' l-embellishmenttal-pjazza tal-Mosta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-kontibut ta' l-ADT għax-xogħol ta' l-embellishment tal-pjazza tal-Mosta huwa ta' Lm90,000. S'issa tħallsu Lm60.000. It-Lm30,000 l-oħra se jitħallsu fl-2008..

Bdil ta' appartamenti

Question

Tista' l-Ministru tispjega x'inhi l-proċedura sabiex żewġ familji jbiddlu l-appartament li jikru mingħand il-gvern ma' xulxin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-proċedura dwar il-każ indikat mill-Onor. Interpellant hi li kull waħda mill-familji jagħmlu applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali fejn jindikaw li jixtiequ jibdlu l-post kif ukoll jagħtu l-indirizz alternattiv u r-raġuni għaliex jixtiequ jibdlu. Jekk dawn l-applikazzjonijiet jiġu kkunsidrati bħala ġustifikati, l-applikanti jiġu nfurmati u jsiru kuntratti ġodda tal-kirja. Ninsab infurmata wkoll li, f’dan il-każ, l-applikanti jiġu mitluba jikkonfermaw b’ġurament li ma għaddew ebda flus bejn parti u oħra biex issir il-bidla.

Ħatra ta' Assistent Direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-proċess tal-ħatra ta' Assistant Director Human Resources skond iċ-ċirkolari 1/2006

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-ħatra ta’ Assistant Director Human Resources skond iċ-Ċirkolari Nru. 1/2006 saret b’effett mill-21 ta’ Marzu 2006.

VRT Stations

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 25206 jista' l-Ministru jgħid kemm hemm VRT stations li jagħmlu testijiet fuq vetturi tat-tielet klassi? Kemm kellu vetturi li m'għaddewx mit-test (tat-tielet klassi) kull VRT station?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li hemm ħames (5) VRT stations li jagħmlu testijiet fuq vetturi tat-tielet klassi. Kien hemm 1,901 (elf, disa mija u wieħed) vettura tat-tielet klassi li m’għaddewx mit-test matul is-sena li għaddiet. Ma nħossx li din l-informazzjoni għandha tingħata għal kull VRT station.

Mtarfa bypass

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 24671 u 24846 u 25205 u jara li l-fetħiet li hemm fis-centre strip ta' Mtarfa bypass jingħalqu minnufih għax huma ta' periklu kbir għal kull min jgħaddi minn din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24862 u 25203 u jgħid jekk hux ippjanat li jsir culvertgħall-ilma tax-xita fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar? Jekk fl-affermattiv dan il-culvertgħandu l-permess tal-MEPA? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta li turi r-rotta ta' dan il-culvert?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħlijiet tal-bini mill-ġdid tal-Bypass ta’ San Pawl tinkorpora sistema ta’ culverts għal ġbir ta’ l-ilma tat-triq u l-ilmijiet li jiġu mill-egħlieqi. Qed tiġi wkoll mibnija sistema ta’ “French Drains’ sabiex jinġabar l-ilma tax-xebgħa mill-egħlieqi u b’hekk dan ma jidħolx taħt il-pedamenti tat-triq. Is-sistema tal-ġbir ta’ l-ilma tax-xita tinkorpora ukoll żewġ ġibjuni, wieħed fir- roundabout ta’ l-Erba’ Mwieżeb u ieħor fir- roundabout tax-Xemxija, li ser jintużaw għat-tisqija tas-siġar u pjanti fir- roundabouts .

Plots tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ma tħossx li qiegħda ssir inġustizzja ma dawk il-persuni li jiżviluppaw id-dar tagħhom li tkun fuq plot tal-gvern billi jikkonvertuha f'appartamenti, jintalbu jħallsu somma flus meta l-ammont ta' appartamenti hu akbar minn numru ta' tfal li jkollu s-sid id-dar, allavolja l-appartamenti ma jkunux se jinbiegħu? Ma tikkonsidrax li għallinqas issir ipoteka fuq l-appartamenti għas-somma mitluba u din titħallas biss f'każ li l-appartamenti jinbiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-policy adottata mill-Awtorita’ tad-Djar fil-każijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant hi li fuq l-appartamenti li jkunu se jservu bħala residenza ordinarja għat-tfal ta’ l-applikant issir ipoteka. L-ammont ipotekat ikun dovut li jitħallas lill-Awtorita’ jekk l-appartament jinbiegħ lil terzi. Fuq l-appartamenti l-oħra trid titħallas is-somma dovuta, pro rata skond in-numru ta’ appartamenti li jkunu se jinbnew.

Mġarr — Triq San Pawl

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-parti ta' Triq San Pawl fl-Imġarr li qiegħda ssir bħalissa hijiex tinbena fuq il-linja t-tajba peress li tidher li qiegħda toħroġ 'il barra mil-linja tat-triq eżistenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Mosta — Triq in-Naħal

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol li qiegħed isir fi Triq in-Naħal, Mosta huwiex ta' kwalita' aċċettabbli peress li jidher li partijiet minnha diġa' inqalgħet u se jerġa' isir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li ftit wara li bdew ix-xogħlijiet fi Triq in-Naħal Mosta, il'waste water section' tal-WSC infurmaw l-ADT rigward tibdil ta' mains tad-Drenaġġ f'din it-triq. It-tibdil ta' dan il-main sar mill-kuntrattur tal-WSC. Wara li saru t-testijiet meħtieġa fuq dan ix-xogħol irriżulta' li l-kwalita' tal-materjal llli intuża bħala backfilling għal din it-trinka ma kienx konformi ma' l-istandards tal-ADT u b'hekk l-ADT ħadet il-passi meħtieġa biex dan il-materjal ħażin jitneħħa u jinbidel. Ix-xogħol fit-triq in-Naħal ser jitkompla bil-proċeduri normali skond standards tal-ADT.

Mosta — Embellishment tal-pjazza

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' dwar it-Trasport kenitx involuta fix-xogħlijiet ta' embellishment tal-pjazza tal-Mosta? Jekk fl-affermattiv, x'kien il-valur ta' dan il-kontribut?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar għall-embellishment tal-Pjazza tal-Mosta sar mill-Kunsill Lokali. L-Awtorita' tat-Trasport ikkontribwixxa parti mill-ispejjeż ta' dan il-proġett.

Mosta — Ta' Mliet - xogħlijiet ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awtorita' dwar it-trasport kenitx involuta fix-xogħlijiet ta' toroq li saru fil-housing estate Ta' Mliet, fil-Mosta? Jekk fl-affermattiv, x'kien il-valur ta' dan il-kontribut?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li saru fil-Housing Estate Ta' Mliet, fil-Mosta saru mill-Kunsill Lokali.

Mosta — Ta' Mliet - proġett ta' embellishment

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk id-dipartiment tal-kostruzzjoni u manutenzjoni tad-djar kienx involut fil-proġett ta' embellishment tal-housing estate Ta' Mliet, fil-Mosta? Jekk fl-affermattiv, x'kien il-valur ta' dan il-kontribut?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, minbarra l-ispejjeż tal-periti li se jagħmel tajjeb għalihom il-Kunsill Lokali, il-proġett indikat mill-Onor. Interpellant hu finanzjat kollu mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar u mistenni jiswa madwar Lm300,000.

Pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tivverifika jekk l-ammont ta' pensjoni li qiegħda tingħata l-armla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, huwiex korrett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna indkikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Każ ta' housing

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni ta' persuna, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għal bdil ta' appartament f'Ħaż-Żebbuġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi proċessata.
Leg 10 PQ #25202 Sitting 517 2007-04-24 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Proġetti ta' tisbiħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-sitt proġetti ta' tisbiħ li ġew proposti bħala parti mit-titjib tal-prodott turistiku? Min huma l-periti nkarigati minn dawn il-proġetti, kif intgħażlu u kemm tħallsu professional fees s'issa fuq kull proġett?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi s-sitt proġetti ta’ tisbieh proposti bħala parti mit-titjib tal-prodott turistiku huma dawn: · Id-diżinn mill-gdid ta’ Pjazza Sant’ Anna f’ Marsaskala · Ġnien Belvedere f’Pembroke viċin tliet lukandi ewlenin · Faċilita edukattiva, ġnien u promenade fil-Qawra · Tisbiħ tat-triq tul il-baħar f’San Pawl il-Baħar · L-iżvilupp tal- bajja Ix-Xtajta tal-Qawra f’San Pawl il-Baħar · It-titjieb tal-bajja f’Fond Għadir f’ Tas-Sliema. F’Diċembru ta’ l-2006, l-MTA ħarġet sejħa għal servizzi ta’ konsulenza ta’ arkitettura. Minn dawk li wrew interess, l-MTA għazlet erba’ kumpaniji biex jaħdmu fuq dawn il-proġetti wara evalwazzjoni ta’ kriterji relevanti. Dawn kienu Bezzina & Cole, Alfred Grech & Associates, Grech, Cassar & Ebejer Partners u Edward Bencini & Associates. L-MTA iddeċidiet ukoll li l-kumpaniji l-oħra li wrew interess u ma ntagħżlux jinżammu bħala pool li minnhom tkun tistgħa tagħżel biex jitqabbdu fuq proġetti oħra li l-MTA jkollha fil-futur. Fil-każ tar-raba’ proġett li jidher fil-lista hawn fuq, irrid ngħid li l-perit kien ġie magħzul mill- Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Bahar peress li dan hu progett li ġie moghti lill-MTA mill-Kunsill Lokali biex eventwalment l-Awtorita' tikkonsidrah għall-iffinanzjar mill-Fondi Strutturali. S’issa għadu ħadd ma tħallas għal dan ix-xogħol.