Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġetti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid sa liema data jistgħu jiġu sottomessi kontijiet għall-ħlas ta' xogħoljiet ta' proġetti permezz ta' fondi tal-Protokol Taljan u tal-pre-accession funds mill-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-kontijiet relatati ma xogħolijiet ta’ proġetti tal-Protokol Taljan jistgħu jiġu sottomessi sat-30 ta’ Settembru 2007. Fil-każ tal-Pre-Accession Funds, il-Programmi ngħalqu kollha minbarra dak tas-sena 2003. Fil-każ ta’ dan il-Programm (2003) il-kontijiet riedu jiġu sottomessi sat-30 ta’ Novembru tas-sena l-oħra (2006) ħlief għall-proġett ta’ l-impjant tad-drenaġġ ta’ Għawdex. Għal dan il-proġett, il-kontijiet iridu jkunu mħallsa kollha u sottomessi mill-Gvern lill-Kummissjoni Ewropea sat-30 ta’ Settembru 2007.

Eżenzjoni mis-surcharge

Question

Tista' l-Ministru tivverifika għaliex il-familja, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma tikkwalifikax skond l-iskema għall-eżenzjoni mis-surcharge fuq kontijiet ta' l-ilma u l-elettriku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Protokoll Taljan — Proġetti

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26239 u jgħid sa liema data jistgħu jiġu sottomessi kontijiet għall-ħlas ta' xogħoljiet ta' proġetti permezz ta' fondi tal-Protokol Taljan u tal-pre-accession funds mill-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 26239.

Sliema — Tigne' - Konġestjoni tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri se jiġu proposti sabiex tingħeleb il-problema tat-traffic congestion li se tkun ikkawżata mill-proġetti kbar residenzjali li qegħdin isiru fil-ponta ta' Tigne', Sliema?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2005 l-Awtorita’ Dwar it-Trasport ippreparat Draft Transport Action Plan għall-Penisola ta’ Tigne’. Dan il-pjan dettaljat jinkludi livelli ta’ traffiku attwali kif ukoll kundizzjonijiet ta’ kif inhu mistenni li ser ikun it-traffiku la darba jinbdew ix-xogħlijiet fuq numru ta’ żviluppi kbar li huma ippjanati f’din iż-żona urbana traffikuża. Wara li saret ħafna konsultazzjoni dwar dan it- Transport Action Plan , l-Awtorita’ Dwar it-Trasport irċeviet numru ta’ kummenti u suġġerimenti minn membri interessati f’dan il-qasam kif ukoll minn membri tal-pubbliku. B’riżultat ta’ dan saru numru ta’ modifikazzjonijiet f’dan it- Transport Action Plan .

Korp tal-pulizija — Avukati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm membri tal-korp tal-pulizija ggradwaw bħala avukati matul dawn l-aħħar tmien snin? Kemm minn dawn ma baqgħux fil-korp tal-pulizija wara li ggradwaw u x'kienet ir-raġuni għala spiċċaw mill-korp?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar tmien snin iggradwaw bħala avukati 12-il membru mill-Korp tal-Pulizija, li minnhom wieħed spiċċa mill-Korp minħabba raġunijiet ta' saħħa.

Dingli — Rabat Road - Estenzjoni tad-drenaġġ

Question

Issa li reġa' qed jiġi estiż id-drenaġġ f'Rabat Road, Dingli, jista' l-Ministru jara li d-djar u l-irziezet kollha f'dawn l-inħawi jiġu mqabbda mas-sistema tad-drenaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-parti l-kbira ta’ l-irziezet li rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant qegħdin f’livell baxx wisq biex ikunu kkumunikati mas-sistema tad-drenaġġ mingħajr ma ssir pumping station ġdida.

Lift fi blokk ta' apparatamenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar mit-talba għall-istalazzjoni ta' lift fi blokka ta' appartament tal-gvern li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-istallar tal-lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant ġiet rakkomandata mill-Bord ta' l-Awtorita' tad-Djar u qed jiġu kompilati d-dokumenti biex issir l-applikazzjoni meħtieġa lill-MEPA.

Mosta — Triq Filippo Apap Bologna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li saru mis-segretarjat għan-negozji żgħar fi Triq Nikol Muscat kantuniera ma' Triq Filippo Apap Bologna, Mosta li permess tagħhom ingħalqet it-Triq Filippo Apap Bologna inkluż speċi ta' flower pot kbir kienx kopert bil-permessi tal-MEPA meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li t-triq imsemmija minn dejjem kienet magħluqa permess ta' ħajt tas-sejjieħ. Dan il-ħajt kien qed jifred parti ta' din it-triq minn oħra peress li hemm diżlivell ta' madwar metru u metru u nofs. Din iż-żona kienet ukoll post fejn ta' sikwit kien jintrema skart. Peress li inħasset il-ħtieġa li titnaddaf din l-area, waqa' dan il-hajt u tela’ ieħor minfloku li kien ukoll jinkorpora post fejn jitħawlu xi sigar. Madankollu, billi x-xogħlijiet saru fi triq li hija proġettata skond l-Iskemi ta' 1988 (Provvedimenti Temporanji) u l-Pjan Lokali rispettivament, dawn ix-xogħlijet jinħtieġu permess ta' żvilupp. Għalhekk, ser jittieħdu l-passi meħtieġa mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kif stabbilit mill-Att Dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp.

Mosta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25930 u jgħid jekk ix-xogħlijiet li saru mis-segretarjat għan-negozji żgħar fi Triq Nikol Muscat kantuniera ma' Triq Filippo Apap Bologna, Mosta li permess tagħhom ingħalqet it-Triq Filippo Apap Bologna inkluż speċi ta' flower pot kbir kienx kopert bil-permessi tal-MEPA meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 25930.

Valletta — Triq il-Punent

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25933 u jinvestiga għaliex trinka li nfetħet fi Triq il-Punent, il-Belt proprju quddiem d-dar fejn kien joqgħod Dun Gorġ Preca u li ilha madwar tliet xhur miftuħa, tingħalaq għax qegħda toħloq inkonvenjent kbir lir-residenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li dawn ix-xogħlijiet li minnhom hija responsabbli l-Enemalta nbdew xi 5 ġimgħat ilu. L-Awtorita' għandha nformazzjoni li x-xogħlijiet ġew mwaqqfa ġimgħatejn mill-Kunsill Lokali peress li kien hemm xi ħsarat fil-culverts eżistenti. Il-kuntrattur ser ikompli bix-xogħol ta’ l-Enemalta wara li kien hemm qbil u x-xogħol hu ppjanat li jispiċċa fil-ġranet li ġejjin.

Manwel Dimech Bridge

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li qegħdin isiru fuq il-bridge fi Triq Manwel Dimech, San Ġiljan jista' l-Ministru jgħid: Meta nbeda x-xogħol X'persentaġġ minnu tlesta s'issa Meta suppost jitlesta skond il-kuntratt Meta fil-fatt hu maħsub li jitlesta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq il-Pont Manwel Dimech bdew fil-10 ta’ Ottubru, 2006. Din kienet id-data meta s-Supervisor fuq dawn ix-xoghlijiet ħareġ l-“access to site” notice lil kuntrattur. Bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ tqegħid ta’ forom u reinforcement fuq wieħed mill-pontijiet. Il-persentaġġ ta’ xogħol li tlesta fuq ix-xogħol totali taż-żewġ karreġġjati jammonta għal madwar ħamsa u tletin fil-mija. Il-perjodu għat-tlestija tax-xogħlijiet fuq iż-żewġ pontijiet huwa ta’ sena skond il-kuntratt. L-istess kuntratt għandu klawżola fejn l-Awtorita tista' tippermetti estensjoni ta’ l-istess perjodu ladarba din l-estensjoni tkun ġustifikata. S'issa l-Awtorita' aċċettat estensjoni ta’ xahar wara li ġiet evalwata talba għall-istess estensjoni mill-kuntrattur. Għalhekk id-data meta suppost jispiċċa skond il-kuntratt, sa issa hija l-10 ta’ Novembru, 2007. Minn evalwazzjonijiet li saru mill-Awtorita' u mis- Supervisors tal-proġett, jidher illi x-xogħol fuq l-istess pont waqgħa daqsxejn lura. L-Awtorita' ordnat lill-kuntrattur biex ifassal programm ta’ xogħol biex iż-żmien li qiegħed b’lura fuq il-programm oriġinali jkun irkuprat kemm jista' jkun.

Triq il-Merkanti — Pavimentar

Question

B'referenza għax-xogħol ta' pavimentar li ser isir fi Triq il-Merkanti l-Belt, jista' l-Ministru jgħid jekk sarx il-kordinament tas-servizzi qabel ma nbeda x-xogħol? Jekk fl-affermattiv liema servizzi se jinbidlu u meta hu maħsub li se jitlesta x-xogħol fuq is-servizzi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi qabel ma nbeda ix-xogħol fuq il-pavimentar illi ser isir fi Triq il-Merkanti, fil-Belt, sar ko-ordinament sħiħ mas-servizzi kollha. Se jsiru servizzi ġodda għal Melita Cable, Maltacom u Water Services Corporation u medda ġdida(extra) għal Enemalta Corporation. Dan ix-xogħol fuq is-servizzi qiegħed għaddej u għandu jitlesta fl-aħħar kwart ta’ din is-sena.

Ħajt madwar sit ta' kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jivverifika l-pożizzjoni li ħajt ta' lqugħ li nbena madwar sit ta' kostruzzjoni fit-tarf ta' Triq Birbal, Balzan/B'Kara peress li dan inbena fit-tarf tal-bankina bil-konsegwenza li llum ma fadalx bankina għan-nies li jgħaddu minn din it-triq traffikuża, b'periklu kbir għalihom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li wara investigazzjoni mit-Taqsima għall-Infurzar ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) irriżulta li f'tarf Triq Birbal, Ħal Balzan, qiegħed isir xogħol ta’ tħammil kopert b'permess PA4235/04. Kif stipulat fil-kundizzjonijiet tal-permess, ittella’ ħajt ta' lqugħ li però qiegħed f'tarf il-bankina. Kien ikkuntatjat il-perit responsabbli u dan ikkonferma li minħabba n-natura tal-blat u d-djuq tal-bankina eżistenti, il-ħajt ta’ lqugħ kellu jittella’ hekk. Min-naħa tiegħu l-perit kiteb lill-Awtorità dwar it-Trasport u din irrakkomandat li fiċ-ċirkostanzi għandha ssir zebra crossing temporanja. Ġie notifikat ukoll il-Kunsill Lokali u dan qabel mal-proposta u għandu jinforma lill-perit fejn tista’ ssir din iż-zebra crossing. Kemm id-Dipartiment tat-Toroq kif ukoll il-Pulizija ġew infurmati b'dan ix-xogħol.

Proġetti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid sa liema data jistgħu jiġu sottomessi kontijiet għall-ħlas ta' xogħoljiet ta' proġetti permezz ta' fondi tal-Protokol Taljan u tal-pre-accession funds mill-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permessi u l-pjanti approvati PA 1948/04 li jirrigwardaw il-bypass ta' San Pawl il-Baħar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permessi u pjanti li jirrigwardaw il-bypass ta' San Pawl il-Baħar kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Inċident fl-ajru

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet dwar inċident li seta' kellu konsegwenzi nazzjonali serji ħafna b'mod partikolari fuq l-irħula ta' Mosta, H'Attard u Haż-Żebbuġ meta ajruplan ta' l-Air Malta kien se jaħbat ma' ajruplan żgħir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li wara l-imsemmi inċident ġie nfurmat il-Bureau of Aircraft Accident Investigation u dan indika li fiċ-ċirkostanzi l-inċident kellu jiġi nvestigat mid-dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili skond l-arranġamenti miftehma. Għaldaqstant id-Dipartiment beda jagħmel investigazzjoni teknika li tinvolvi l-ġbir ta' informazzjoni mingħand min kien involut kif ukoll mingħand l-Awtoritajiet Taljani billi kien hemm mdaħħlin ajruplani u pilota Taljan. Sar ukoll smiegħ tar-recordings tal-Komunikazzjonijiet bir-radju tal-kontrol tat-traffiku ta' l-ajru u ġew eżaminati r-recordings tar-radar. Id-Dipartiment qiegħed fl-aħħar fażi li jiffinaliżża r-rapport preliminari.
Leg 10 PQ #25943 Sitting 525 2007-05-15 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Proġetti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25638 u 25202 u jgħid min hu l-perit inkarigat minn kull proġett, kull proġett separatament? X'kienu l-kriterji li permezz tagħhom intgħażlu dawn il-periti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-periti nkarigati mill-proġetti ta' tisbiħ separatament kien kif jidher hawn taħt: Proġetti ta' tisbieħ tal-prodott turistiku Id-diżinn mill-ġdid ta' Pjazza Sant' Anna f'Marsaskla - Bezzina & Cole Ġnien Belvedere f'Pembroke viċin tlett lukandi ewlenin - Edward Bencini & Associates Faċilita' edukattiva, ġnien promenade fil-Qawra - Grech, Cassar & Ebejer Partners Tisbiħ ta' Triq tul il-baħar f'San Pawl il-Baħar - Design & Technical Resources Ltd (F'dan il-każ il-perit intagħżel mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl) Żvillup ta' Bajjiet L-iżvillup tal-bajja Ix-Xtajta tal-Qawra f'San Pawl il-Baħar; It-titjib tal-bajja f'Fond Għadir f'Tas-Sliema - Alfred Grech & Associates Il-kriterji li permezz tagħhom intgħażlu dawn il-periti li jinkludu kumpanniji huma esperjenza professjonali, riżorsi tekniċi, esperjenza fi proġetti pubbliċi u kapaċita' li jitwettaq ix-xogħol tal-proġett. L-għażla saret wara sejħa għall-periti/ditti ta' periti biex jesprimu l-interess tagħhom għal xogħol bħal dan.

Imtarfa bypass

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25639 ċioe': B'referenza għall-Imtarfa bypass jista' l-Ministru jgħid: Meta se jingħalqu l-ftuħ li hemm fic-centre strip u li huma ta' periklu kbir għas-sewwieqa? Tista' ssir xi tip ta' faċilita' għal qsim tal-bypass min-nies peress li huma ħafna dawk li jmorru r-Rabat bil-mixi u allura jridu jaqsmu l-bypass b'sogru kbir għalihom? Tista' tiġi ddisinjata junction bejn il-bypass u t-toroq li tagħti access għall-Imtarfa min-naħa tan-Nigret (Rabat) peress li l-ħruġ tal-vetturi mill-Imtarfa minn dan l-aċċess u l-qsim tal-bypass hu ta' periklu kbir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ftuħ fic-centre strip hu ppjanat li jingħalqu fil-ġranet li ġejjin. Filwaqt li għaż-żewġ proposti l-oħra l-ADT qiegħda tistudja l-importanza tagħhom u kif jistgħu jiġi mplimentati.

Dħul mit-tariffa ta' CVA

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25713 u jgħid jekk id-dħul mit-tariffa ta' CVA hux se jinqasam bejn il-kuntrattur li jipprovdi s-sistema, il-Kunsill Lokali tal-Belt u l-gvern? Min hu l-kuntrattur li qiegħed iħaddem din is-sistema? F"liema persentaġġi se jinqasam dan id-dħul?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li d-dħul kollu mis-sistema se jmur direttament għand l-Awtorità dwar it-Trasport f’isem il-Gvern. L-ADT se tħallas dritt ta’ amministrazzjoni ta’ kull xahar lill-operatur tas-sistema skond il-kuntratt li sar wara sejħa għal proposti. Dan il-ħlas isir biss jekk l-operatur iħaddem b’suċċess is-sistema skond kif meħtieġ u kemm-il darba jiġbor fil-ħin ċertu perċentaġġ ta’ dħul li jkun dovut lill-ADT minn sidien ta’ vetturi li jidħlu fiż-żona ta’ aċċess bi ħlas u li jdumu f’dik iż-żona għal aktar minn 30 minuta. Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ser jingħata 50% tat-tariffa tar-reġistrazzjoni sabiex ikopri l-ispejjeż aministrattivi. Il-kumpanija li qed topera s-sistema f’isem l-ADT hi CVA Technology Ltd .

Belt Valletta — CVA

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25709 ċioe: Issa li ġiet fis-seħħ is-sistema ta' CVA u ż-żona pedonali fil-Belt, jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li minnhom wieħed jista' jidħol u joħroġ mill-Belt?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 25709, tiegħu stess, fis-seduta tal-bieraħ.