Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imdina — Tindif ta' ġnien

Question

Peress li kemm il-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura u kif ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent qalu li m'humiex responsabbli mit-tindif tal-ġnien taħt il-bieb prinċipali ta' l-Imdina f'mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista' l-Prim Ministru jindika min hu l-ministru responsabbli għal dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

ADT

Question

Peress li rreferejt għal każ ieħor fejn persuna li ġiet interdettjata mill-qorti reġgħet ingħatat ix-xogħol fl-ADT wara maħfra presidenzjali, jista' l-Ministru jgħid min hi din il-persuna, ta' liema reat instabet ħatja u liema kariga tokkupa fl-ADT?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li fuq parir mogħti mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-persuna li kienet interdettjata mill-Qorti kienet ġiet trasferita għal Sezzjoni oħra fl-ADT fejn ma jkollhiex responsabilta' ta' ġbir ta' flus. Wara kienet ġiet trasferita għal Dipartiment tal-Gvern. Din il-persuna, li l-isem tagħha qiegħed jingħata b'mod konfidenżjali lill-Onorevoli Nterpellant, kienet instabet hatja ta' frodi.

Attard — St Anthony Street

Question

Jista' l-Ministru jara x'jista jsir sabiex St Anthony Street, H'Attard il-parti wara l-Palazz ta' San Anton titlesta għax ix-xogħol f'din it-triq ilu sejjer ix-xhur u qiegħed joħloq inkonvenjent kbir lir-residenti ta' l-inħawi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fil-parti tat-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant tlestew. Ninfurmah ukoll li l-WSC kienu responsabli għal dawn ix-xogholijiet.

Tempji ta' Ħaġrat

Question

Jista' l-Ministru jivverifika kif inħareġ permess mill-MEPA għall-iżvilupp fi Triq San Pietru, Mġarr proprju biswit "it-tempji ta' Ħaġrat" meta dan l-iżvilupp żgur se jkollu effett mill-aktar negattiv fuq l-istess tempji?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-sit li fuqu saret l-applikazzjoni PA 1272/00 fil-fatt huwa diġà mibni u okkupat minn garaxx. Din l-art ilha fiż-żona għall-iżvilupp sa mill-1988 u hija barra l-archaeological buffer zone. Fil-fatt l-applikazzjoni kienet oriġinarjament għall-Demilition of existing garage and construction of a terraced house with an underlying ground floor garage. Din l-applikazzjoni ġiet approvata wara li nbidlu l-pjanti ta’ l-iżvilupp propost u tneħħiet il-basement. L-applikazzjoni, li ġiet approvata ukoll mis-sezzjoni ta’ l-Integrated Heritage Management fi ħdan id-Direttorat ta' l-Ambjent, kienet approvata b’diversi kundizzjonijiet fosthom il-kundizzjoni li jsir monitoraġġ minn arkeologu waqt li jkun qed isir ix-xogħol. Għalkemm l-applikazzjoni ġiet approvata, permess jista’ joħroġ biss wara li tiġi ppreżentata garanzija bankarja ta' Lm2,500 (elfejn u ħames mitt Lira Maltin) biex tiġi salvagwardata din il-kundizzjoni.

Rifuzjoni tal-VAT

Question

Jista' l-Prim Ministru jivverifika x'inhi r-raġuni għala t-talba għar-rifużjoni tal-VAT ta' l-ewwel dar tagħha magħmula mill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħatu separatament, sal-lum għadha ma ġietx proċessata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub sabiex jirreferi lill-applikant għand id-Dipartiment ikkonċernat.

Liċenzja għal ġarr tal-merkanzija

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga d-diffikultajiet li qegħdin isibu dawk il-persuni li jridu japplikaw għal liċenzja internazzjonali għall-ġarr tal-merkanzija?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li skond ir-regolamenti eżistenti (A.L. 146 ta’ l-2003 u A.L. 160 ta’ l-2003) biex impriża tkun tista’ tikkwalifika għal liċenza ta’ operatur fil-ġarr tal-merkanzija jew tal-passiġġieri trid tissodisfa tliet rekwiżi, jiġifieri li tkun ta’ kondotta tajba, li jkollha pożizzjoni finanzjarja xierqa u li jkollha persuna impjegata magħha li jkollha ċertifikat ta’ kompetenza professjonali. Jekk l-impriża tkun persuna naturali allura tista’ tkun dik l-istess persuna li tamministra l-operat tagħha u li tkun fil-pussess taċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonali. Biex persuna takkwista ċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonali trid tattendi kors ta’ taħriġ ta’ livell professjonali għal dan l-iskop. Peress li dawn il-korsijiet, li ma tistax tipprovdihom l-Awtorità dwar it-Trasport billi hi l-awtorità regolatorja, għadhom m’humiex isiru, qed isiru diskussjonijiet biex dawn il-korsijiet ikunu jistgħu jsiru minn terzi. Jien infurmat ukoll li d-diskussjonijiet bħalissa qed isiru ma’ l-MCAST. Tajjeb li jingħad li l-għoti ta’ liċenza internazzjonali, kemm għall-ġarr ta’ merkanzija kif ukoll għall-ġarr ta’ passiġġieri, hu marbut mal-għoti ta’ Liċenza tal-Komunità. Permezz ta’ din il-liċenza l-operaturi stabbiliti f’Malta mhux biss ikunu jistgħu joperaw bla ebda xkiel bejn Malta u kull Stat Membru ieħor, iżda wkoll bejn kull Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea u anki, għal perjodu limitat, jagħmlu xogħol ta’ kabotaġġ fl-istess Stat Membru tal-Komunità. Għaldaqstant kulħadd irid jifhem li mhux biss iridu jkunu segwiti r-regoli kollha ta’ l-Unjoni Ewropea u l-liġijiet ta’ l-Istati Membri, iżda wkoll trid tintuża l-istess proċedura użata f’kull Stat Membru ieħor fil-ħruġ u l-użu tal-Liċenza ta’ Operatur u tal-Liċenza tal-Komunità. Ebda operatur ma jista’ jippretendi li jopera f’xi pajjiż ieħor mingħajr ma dak l-operatur ikollu l-iċken idea jew għarfien ta’ x’regoli u leġislazzjonijiet jeżistu, partikolarment dawk li jkopru s-sigurtà fit-toroq, l-użu tat- tachographs, u l-liġijiet dwar il-kundizzjonijiet soċjali tax-xufiera u dawk li jakkumpanjawhom, l-aktar importanti fosthom il-ħinijiet tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ.

Proġetti finanzjati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 27050, 26906 u 26698 u 26868 u jgħid kemm tħallsu flus fuq kull proġett sal-lum? Meta hi l-aħħar data li fiha jistgħu jiġu sottomessi kontijiet għal xogħlijiet pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi għar-rigward ta’ l-ewwel parti tal-mistoqsija, it-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-uniku proġett li għadu eliġibbli għal fondi ta’ l-EU huwa il-Gozo Sewage Treatment Plant u l-aħħar data li fiha jistgħu jiġu sottomessi kontijiet hija it-30 ta’ Settembru 2007.

Overspeeding — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet għal overspeeding permezz tad-diversi speed cameras matul dawn l-aħħar 12-il xahar, kull speed camera u kull xahar separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' ċitazzjonijiet li saru f'kull lokalita' permezz ta' l-ispeed camers tul dawn l-aħħar tnax-il xahar hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proġetti finanzjarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 26906 u 26698 u 26868 u jgħid kemm tħallsu flus fuq kull proġett sal-lum? Meta hi l-aħħar data li fiha jistgħu jiġu sottomessi kontijiet għal xogħlijiet pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Vapuri tas-sajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-vapuri tas-sajd Sqallin iħallsux ta' l-imriġġ meta jorbtu mal-mollijiet fil-portijiet Maltin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-bastimenti tas-sajd Sqallin iħallsu ta’ l-irmiġġ meta jorbtu mal-mollijiet fil-portijiet Maltin. Dawn il-bastimenti jħallsu wkoll il-port dues.

Tindif ta' ġnien taħt l-Bieb ta' l-Imdina

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ġnien ta' taħt il-bieb prinċipali ta' l-Imdina jitnaddaf peress li llum hemm ħafna skart li jagħti dehra kerha lil dawk l-inħawi li huma tant popolari mat-turisti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Balzan — Traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġu nstallati traffic lights fil-junctionbejn Triq Birbal u Vjal il-Bon Pastur/Wesgħa Prof. Guze Aquilina, Hal Balzan peress li matul ir-rush hour hu diffiċli li wieħed jimmanuvra f'dawn it-toroq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku qed tinvestiga din il-talba ħalli naraw x’jista jsir.

Valletta Rehabilitation Project

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tal-Valletta Rehabilitation Project fil-proġett tal-pavimentar tat-toroq tal-Belt?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-proġett tal-pavimentar tat-toroq tal-Belt Valletta qiegħed jitmexxa mid-Dipartiment tal-Bini u l-Inġinerija u mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet. Il-Valletta Rehabilitation Project mhux involut direttament fl-eżekuzjoni ta’ dan il-proġett.

Pavimentar tal-Belt Valletta

Question

B'referenza għax-xogħol ta' pavimentar li qiegħed isir fil-Belt Valletta, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma ttieħditx l-opportunita' sabiex il-cables ta' l-Enemalta jitpoġġew taħt wiċċ it-triq bħalma sar meta ġew pavimentati toroq oħra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi fi Triq il-Merkanti u t-toroq u l-pjazzez tal-madwar, fil-Belt Valletta, il-cables ta' l-EneMalta diġa' għaddejjin minn taħt l-art. Barra minnhekk, tpoġġew duet routes ġodda f'każ li l-EneMalta ikollha bżonn tgħaddi xi servizzi ġodda f'din it-triq. Tqiegħed ukoll duet route ġdid sabiex jinxtgħel bini storiku f'din it-triq. Dan ix-xogħol kollu qiegħed isir bi qbil ma' l-EneMalta li ser tieħu ħsieb ukoll li jtejjbu u jżidu s-sistema ta' street lighting.

Imtarfa bypass — Street lighting

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu d-diskussjonijiet ma' l-Enemalta sabiex jiġi provdut street lighting fil-bypass ta' l-Imtarfa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li ġie deċiż li jsir lighting man-naħa tal-pedestrian facilities li hemm f’din it-triq peress li fi triq se jitwaħħlu il-‘cats eyes’.

Valletta — Pavimentar

Question

B'referenza għall-pavimentar ta' toroq fil-Belt Valletta, jista' l-Ministru jgħid meta nħarġet it-tender għax-xiri tal-materjal għall-pavimentar? Meta se jibda x-xogħol ta' pavimentar u meta suppost jitlesta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi t-Tender għall-provvista u tqegħid ta’ pavimentar fi Triq il-Merkanti u Triq San Ġwann fil-Belt Valletta, ġiet ippublikata fit-13 ta’ April, 2007 u għalqet fil-5 ta’ Ġunju, 2007. Bħalissa għaddej il-proċess ta’ aġudikazzjoni ta’ l-offerti sotomessi. Ix-xogħol ta’ pavimentar jinbeda meta tingħata din it-Tender.

Permess tal-MEPA

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-MEPA għax-xogħlijiet li qegħdin isiru fi triq il-Merkanti u Triq Santa Luċija fil-Belt? Dawn il-permessi jinkludu ċ-ċaqliq tal-monti għal quddiem is-suq?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess Nru.PA4716/06 kif mitlub mill-Onor Interpellant. Dan il-permess ikopri x-xogħol fi Triq il-Merkanti u Triq San Ġwann fil-Belt Valletta iżda ma jkoprix ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq Santa Lucia. Dawn ix-xogħlijiet huma żvilupp permess skond DNO Class 3 Section 1(ii) – (titjib u manutenzjoni ta’ toroq eżistenti). Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess tal-MEPA ta' dawn ix-xogħolijiet ħareġ wara perjodu ta' evalwazzjoni u konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet kollha konċernati. Dan jikkontrasta bil-kbir ma' dak li ġara fuq il-permess ta' Strada Repubblika (PA01017/98) li f'xaharejn kien ġie evalwat u approvat. Dwar iċ-ċaqliq tal-Monti, l-Onorevoli Interpellant hu ġentilment mitlub jagħmel din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

H'Attard — Provvista' ta' l-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26869 u jgħid x'inhi r-raġuni għala l-provvista ta' l-elettriku qiegħda tiġi sospiża b'mod regolari ma' Malta kollha u b'mod partikolari b'mod frekwenti ħafna fl-inħawi ta' H'Attard?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li numru ta' sospenenzjonijiet fil-provvista ta' l-elettriku kienu kkaġunati minn ħsarat fuq l-impjant tal-ġenerazzjoni u fuq HV Cables. Dawn il-ħsarat affetwaw partijiet varji f'Malta. Partijiet minn Ħ'Attard kienu affetwati tlett darbiet, darba fil-15 u darbtejn fit-18 ta' Ġunju.

Proġetti finanzjarji

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26698 u 26868 jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus fuq kull proġett sal-lum? Meta hi l-aħħar data li fiha jistgħu jiġu sottomessi kontijiet għal xogħlijiet pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Ġnien taħt il-Bieb ta' l-Imdina — Tindif

Question

Jista' l-Ministu jara li l-ġnien ta' taħt il-bieb prinċipali ta' l-Imdina jitnaddaf peress li llum hemm ħafna skart li jagħti dehra kerha lil dawk l-inħawi li tant huma popolari mat-turisti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-ġnien imsemmi jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.