Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħajt madwar bini

Question

B'referenza għar-regolament li permezz tiegħu plots vakanti fl-iskemi tal-bini jrid jinbnielhom ħajt ta' tmien filati faċċata mat-triq, f'każ li s-sidien tal-plot ma jkunux magħrufa, il-kunsill lokali għandu r-responsabbilta' li jibni dan il-ħajt a spejjeż tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f'każ li s-sidien ma jkunux magħrufa u jinħareġ avviz ta' infurzar u jingħata żmien tliet xhur skond l-iskema u ma jsirx ix-xogħol, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tinforma lill-Kunsill Lokali rispettiv li ix-xogħol fuq is-sit partikolari ma sarx u għaldaqstant jista’ jsir min-naħa tal-Kunsill. Il-Kunsill jissottometti lista ta’ l-ispejjeż involuti biex jittella’ dan il-ħajt lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Wara li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tivverifika dawn l-ispejjeż, tikkonferma li x-xogħol jista’ jsir. Il-Kunsill joħroġ l-ispejjeż involuti u wara jibgħat il-kont lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u din tirrifondi l-ispejjeż lill-Kunsill. Din il-proċedura kienet ġiet maqbula ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali.

Proġett ta' Housing

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien stmat li se jiġi jqum il-proġett ta' housing fil-Wied ta' l-Imsida fejn l-Għajn tal-Ħasselin? Kemm fil-fatt ġie jqum dan ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jiena qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għat-tielet fazi tal-proġett jiġifieri dak bejn Triq il-Wied u Triq il-Kunċizzjoni l-Imsida. Dan kien stmat li se jqum Lm1,029,091 u ġie jiswa Lm1,276,957.”

Liberalizzazzjoni tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li bħalissa qegħdin isiru taħdidiet bejn l-ADT u l-ATP dwar il-liberalizzazzjoni tat-trasport pubbliku? F'liema stadju waslu dawn it-taħdidiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejjin taħdidiet bejn l-ADT u l-ATP dwar riforma ħolistika fil-qasam tat-Trasport Pubbliku bi skeda, liema riforma qiegħda tiġi nnegozjata b’ konformita ma’ l-obbligi ta’ l-Unjoni Ewropeja, fejn jirrigwardja l-ogħti ta’ kuntratti fil-qasam tas-servizz tat-Trasport Pubbliku. It-taħdidiet bejn l-ADT u l-ATP bħalissa huma ffukati fuq l-obbligi li joħorġu minn tali kuntratt. Oqsma oħra tar-riforma li qiegħdin jiġu diskussi jinkludu:- · Aktar effiċjenza u titjib fl-iskeda; · Introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda; · Titjib fl-infrastruttura; · Bdil ta’ xarabanks m’oħrajn ġodda

Bus Shelter

Question

Jista' l-Ministru jara li l-bus shelters li kien hemm fuq iż-żewġ naħat ta' Triq is-Siġġiewi (Haz-Zebbuġ) fejn l-uffiċji tal-GO jerġgħu jitwaħħlu peress li huma mportanti ħafna għat-tfal ta' l-iskola?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Kuntrattur Faces LTD informa lill-ADT li dawn il-Bus Sheters ser jiġu nstallati fit-3 ġimgħa t'Ottubru, 2007.

Triq b'nuqqas ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li t-triq li tagħti mill-pont tal-Mosta sa San Pawl tat-Tarġa (fuq il-wied, Santa Margherita) tiddawwal peress li din it-triq saret ħafna traffikuża u n-nuqqas ta' dawl adegwat jista' jwassal għal inċidenti serji?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Din it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Hal Far

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27334 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'possibilta' hemm li l-post ġewwa Hal Far fl-akwati fejn jinżammu t-tlielaq tal-kwart ta' mil tal-karozzi sa ħdejn il-fabbrika Brandt tiġi mdawla aktar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Floriana — Mall

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27297 u jgħid kemm qamet ir-reception li saret fil-ftuħ tal-ġnien tal-Mall fil-Floriana?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-ispiża tar-receptionli saret fil-ftuħ tal-ġnien tal-Mall fil-Furjana kienet ta' Lm2,475.64.

Lufthansa Teknik

Question

Peress li l-Prim Ministru ħabbar li l-bini tal-hanger ġdid għall-kumpanija Lufthansa Tecknik hu joint venture bejn il-gvern u l-kumpanija jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' l-ispejjeż tal-bini li se jitħallas mill-gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

CVA

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' flus invoiced kull xahar għal ħlas ta' CVA min meta bdiet taħdem sal-lum? Kemm fil-fatt tħallsu flus?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ kontijiet li nħargu u l-ammont ta’ flus li tħallsu sa l-aħħar tax-xagħar t’Awwissu kienu:

Viset

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-somma li kellhom iħallsu l-konsorzju Viset, Port Cottonera u l-CWG għal xogħlijiet artistiċi skond il-kuntratt taċ-ċens tal-proprjeta' li ingħataw tħallsitx? Kemm kienet din is-somma f'kull każ? Fhiex intnefqu dawn il-flus?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Din it-twegiba tinghata f'seduta ohra.

Ricasoli — Fabbriki

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rilokati fabbriki minn Ricasoli sabiex isir il-proġett ta' SmartCity? Fejn ġew rilokati dawn il-fabbriki kull waħda separatment? Liema fabbriki (bl-isem) ma ġewx rilokati għax huma abbandunati eċċ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Emissions tal-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti permezz ta' l-sms dwar emissions tal-karozzi minn meta ġiet introdotta din l-iskema? Kemm ġew ittestjati vetturi u kemm minnhom instabu difettużi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li kien hemm 121,831 rapporti permezz ta’ l-SMS dwar emissions tal-karozzi minn meta ġiet introdotta l-iskema (Awissu 2005) sa Awissu 2007. Minn dak iz-zmien ġew ittestjati 3,254 vetturi u minnhom 533 vettura m’għaddewx. Apparti dawn, 913 vettura ġew mitluba jgħamlu test imma dawn m’attendewx u b’hekk ingħataw restrizzjoni fuq il-licenzja tal-vettura li ma tippermettix li tiġġedded il-liċenzja tal-vettura qabel ma jsir it-test u il-vettura tgħaddi minn dan it-test.

Malta Resources Authority

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Resources Authority tiġix konsultata kull meta jkun hemm bdil fil-prezz tal-fuels jew fir-rata tas-surcharge?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi skond l-Att dwar l-Enemalta, il-Ministru responsabbli mill-Enemalta jagħmel il-prezzijiet tal-fuels bi ftehim ma’ dik il-Korporazzjoni u, wara li jqis l-aspetti rilevanti soċjali u ekonomiċi, l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi tiġi nfurmata bit-tibdil f’dawn il-prezzijiet u tagħmel il-verifiki tagħha. Il-Ministru responsabbli għar-Riżorsi flimkien mal-Ministru responsabbli mill-Enemalta joħorġu r-regolamenti li jirregolaw is-surcharge ta’ l-elettriku. L-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi tiġi konsultata dwar dan it-tibdil qabel ma jinħarġu r-Regolamenti.

Omnibus Pool

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-ADT kemm issussidjat l-Omnibus Pool matul dawn l-aħħar għaxar snin, kull sena separatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ sussidju li thallas lill omnibus Pool mill-1999 lil hawn kien kif jammonta kif gej: Sena Ammont 1999 Lm73,000 2000 Lm63,371 2001 Lm70,000 2002 Lm85,000 2003 Lm85,000 2004 Lm90,000 2005 Lm100,000 2006 Lm100,000 * 2007 Lm100,000

Floriana — Mall

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qamet ir-reception li saret fil-ftuħ tal-ġnien tal-Mall fil-Floriana?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ħ'Attard — Bus Shelter

Question

Jista' l-Ministru jara li dak il-bus shelter li kien hemm imwaħħal f'Imdina Road, H'Attard u li ilu maqlugħ għal aktar minn tlett snin, liema bus shelter kien jinstab viċin l-industrial estate jerġa' jitwaħħal peress li n-nuqqas tiegħu qed joħloq inkonvenjent kbir lil kull min juża dan il-bus stop?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-Bus Shelter imsemmi filfatt ilu sena u xahrejn maqlugħ. L-ADT għamlet talba lill-Faces Ltd li huma inkarigati mit-twaħħil tal-Bus Shelters sabiex tiftaħ applikazzjoni mal-Mepa sabiex jerġà jitwaħħal dan il-Bus Shelter. Il-MEPA oġġezzjonat li dan il-bus shelter jerġà jitwaħħal fl-istess post u għaldaqstant, l-ADT reġgħet applikat mal-MEPA u indikat post alternattiv iżda fl-istess inħawi sabiex jerġà jitwaħħal dan il-Bus Shelter.

Performance Bonus

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitħallas il-performance bonus lill-periti u l-inġiniera fi ħdan id-diviżjoni tax-xogħljiet għas-sena 2006?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-performance bonus lill-periti u l-inġiniera fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet u t-Taqsima tas-Servizzi għas-sena 2006 tħallas.

Mdina — Ġnien

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27216 u peress li kemm il-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura u kif ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent qalu li m'humiex responsabbli mit-tindif tal-ġnien taħt il-bieb prinċipali ta' l-Imdina f'mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista' l-Prim Ministru jindika min hu l-ministru responsabbli għal dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Proġetti finanzjarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 26906 u 26698 u 26868 u jgħid kemm tħallsu flus fuq kull proġett sal-lum? Meta hi l-aħħar data li fiha jistgħu jiġu sottomessi kontijiet għal xogħlijiet pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27213.