Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paul – Kap eżekuttiv

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk wara li twaqqaf Bord ta’ Tmexxija għar-residenza San Vinċenz de Paul hux qed jiġi kkunsidrat ukoll li jinħatar kap eżekuttiv fuq l-istess linji ta’ sptarijiet pubbliċi oħra?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #1210 Sitting 18 2013-05-14 Oral · Interim From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ingaġġ ta' konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsulenti ġew ingaġġati mal-Ministeru s'issa? Kif intgħażlu? X'inhu x-xogħol tagħhom? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tal-kuntratti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #1211 Sitting 18 2013-05-14 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Ġenerali t'Għawdex — riżenja ta' supretendent

Question

Jista' l-Ministru jgħid is-supretendent tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex irreżenjax? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni li dan irreżenja wara biss xahar li ġie maħtur minnu?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li kienet inkarigata bħala ad hoc acting medical director kien talab biex tiġi maħtura persuna oħra minfloku.
Leg 12 PQ #1212 Sitting 18 2013-05-14 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Xagħra (Għawdex) — Triq Ġnien Xibla - platform tal-konkos

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-platform tal-konkos fin-nofs tat-Triq Ġnien Xibla, ix-Xagħra sarx minn ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex? Jekk iva, kien hemm permessi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u Transport Malta biex din issir? Jista' jgħid jekk il-Kunsill Lokali tax-Xagħra ġiex ikkonsultat?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-każ qed jiġi investigat.

Suq tal-bdiewa — xiri ta' prodotti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni, b'seħħ mis-Sibt 4 ta' Mejju 2013, dawk li jarmaw fis-suq tal-bdiewa ma tħallewx jixtru prodotti li ma jkollhomx huma mingħand bdiewa oħra li ma jarmawx fl-istess suq? Ma jaħsibx li din il-projbizzjoni hija ta' żvantaġġ għall-konsumtar kif ukoll għall-bejjiegħa f'dan is-suq li huma lkoll bdiewa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-iskop li twaqqaf is-suq tal-bdiewa kien li bidwi seta’ jbiegħ direttament il-prodott tiegħu lill-konsumatur, għal ġid tiegħu stess u tal-konsumatur. Ninsab infurmat li jekk bidwi jbiegħ lil bidwi ieħor ikun qiegħed jieħu post il-pitkala jew ix-xerrej u ma jilħaqx l-iskop msemmi.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — prekawzjoni kontra t-tixrid ta' mard infettiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'prekawzjonijiet jittieħdu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fit-trażżin tat-tixrid ta' STIs/STDs u mard infettiv ieħor li jittieħed permezz tas-sess? Teżisti politika ta' projbizzjoni, politika ta' protezzjoni jew it-tnejn?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kull meta tkun se ssir xi extended visit bejn priġunier u l-partner dawk li jkunu ġejjin minn barra l-faċilità, jitħallew idaħħlu magħhom priservattivi.
Leg 12 PQ #1118 Sitting 17 2013-05-13 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Monte Karmeli — Minorenni bi problemi mentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt it-18-il sena li ddaħlu l-Isptar Monte Karmeli jsofru minn problemi mentali kkawżati minn xi tip ta' abbuż?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #1119 Sitting 17 2013-05-13 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għas-Saħħa

Suwiċidji – Minorenni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt it-18-il sena li l-mewt tagħhom kienet kawża ta' suwiċidju fl-aħħar għaxar snin?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li ninsab infurmat li skont ir-Reġistru Nazzjonali ta’ l-Imwiet, in-numru ta’ każijiet ta’ mwiet f’residenti Maltin f’dawk taħt l-età ta’ 18-il sena meqjusa bħala r-riżultat ta’ suwiċidju kienu ta’ tlieta: tnejn fl-2004 u wieħed fl-2010.

Aġenzija Appoġġ — Minorenni rraportati minn awtoritajiet edukattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt it-18-il sena li ġew riferuti lill-Aġenzija Appoġġ mill-awtoritajiet edukattivi fuq suspett ta' xi tip ta' abbuż?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fis-sena skolastika 2012/2013 kien hemm 193 każ riferut lill-Aġenzija Appoġġ mill-awtoritajiet edukattivi ta' tfal taħt it-18-il sena fuq suspett ta' xi tip ta' abbuż.

Kulleġġi — korsijiet ta' parenting skills

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kulleġġi li f'dawn l-aħħar ħames snin, organizzaw korsijiet dwar parenting skills għall-ġenituri tat-tfal li jattendu f'xi skola fi ħdan l-istess kulleġġi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — ingaġġ ta' konsulent

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema taqsima tal-Ministeru tagħha ġie ingaġġat bħala konsulent l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Xi kwalifiki għandu l-individwu? Tista' tpoġġi s-CV tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Saret sejħa biex jiġi magħżul dan il-konsulent? Xi ħlas u kundizzjonijiet oħra hemm marbuta ma' din il-konsulenza? Dan il-konsulent jista' jkompli bix-xogħol privat tiegħu?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Leg 12 PQ #838 Sitting 16 2013-05-07 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — membri tas-segretarjat

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri tal-istaff tas-segretarjat tiegħu u l-kariga li kull persuna għandha fis-segretarjat privat tiegħu? Jista' jindika min mill-persuni indikati ġew impjegati minn barra s-settur pubbliku?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-Segretarjat tiegħi dsatax (19)-il persuna ġiet impjegata minn barra s-Settur Pubbliku. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-karigi u n-numru t’ impjegati f’kull kariga.

Skejjel — Konferenza dwar manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi rwol għandu fil-Ministeru tal-Edukazzjoni l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li akkumpanjah fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret dan l-aħħar dwar il-manutenzjoni fl-iskejjel? Jista' jgħid x'karigi okkupa fi ħdan id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi l-individwu fl-aħħar ħames snin? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-job descriptions tal-karigi li okkupa l-individwu fid-direttorat imsemmi u fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol fl-aħħar ħames snin minn Marzu 2008 sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament kien jokkupa l-kariga ta' Service Manager, Technical Services fid-Dipartiment ta' Riżorsi tal-Iskejjel fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi mill-1 ta' Lulju 2009 sat-12 ta' Lulju 2012. Mid-19 ta' Settembru 2007 sat-30 ta' Ġunju 2009 kien fil-grad ta' għalliem. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt bħala Service Manager li jinkludi fih il-job description.

Djar għall-Persuni b'Diżabilità

Question

Peress li fil-ħarġa ta' The Times tas-Sibt 27 ta' April 2013, is-Segretarju Parlmentari għall-Persuni b'Diżabilità ġie rappurtat li qal li "There are no State homes for disabled people with the only available facilities belonging to Church-run organisations and individual priests" tista' l-Ministru tgħid jekk għadhomx joperaw it-tmint idjar għall-persuni b'diżabilità f'Vajrita 2, f'Wied il-Għajn, fil-Fgura, f'Ħal Kirkop, fl-Imtarfa, f'Bormla, u f'Birżebbuġa li jaqgħu taħt l-Aġenzija Sapport, li tagħmel parti mill-Ministeru tagħha u li ġew miftuħa minn Gvern Nazzjonalista? Tista' tgħid ukoll jekk il-Ministeru tagħha hux se jonora l-ftehim li sar taħt amministrazzjoni Nazzjonlista biex jinxtraw s-servizzi residenzjali għal numru ta' persuni b'diżabilità mingħand erba' għaqdiet mhux governattivi li huma l-Arka, Dar Pirotta, Dar il-Wens u Dar tal-Providenza?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant, li l-kwotazzjoni li qiegħed jagħmel referenza għaliha mhix tal-Onor. Franco Mercieca, iżda konklużjoni li għamel l-awtur tal-artiklu inkwistjoni. Informata wkoll li hemm sebat idjar b’kollox għall-persuni b’diżabbiltà u mhux tmienja. Dawn huma tnejn f’Wied il-Ghajn (Vajrita 1 u 2), Imtarfa, Fgura, Kirkop, Bormla u Birżebbuġa. Fir-rigward tad-dar f’Birżebbuġa, informata li l-operat tagħha għadu ma bediex minħabba li għad m’għandhiex l-istaff neċessarju kollu. Madankollu l-ewwel żewġ klijenti bdew it-tranżizzjoni tagħhom u għalhekk qegħdin imorru fl-istess dar biex iqattgħu ħin fiha.

Pensjonijiet tas-Servizz — pjanijiet tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern dwar it-twettiq tal-miżura mwiegħda fil-programm elettorali tal-Partit Laburista intenzjonata biex tikkoreġi l-anomaliji li nħolqu fil-pensjoni tas-servizz li jolqtu lil numru ta' ħaddiema li ħadmu mal-Gvern qabel l-1979?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà nbdew taħditiet mal-għaqdiet tal-penzjonati u dawk involuti, kif ukoll mal-Ministeru tal-Finanzi. It-taħditiet għadhom fi stadju bikri.

abbuż ta' minorenni — Persuni kkundanati l-ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni ġew ikkundanati l-ħabs fuq abbuż ta' minorenni, sena b'sena, mill-2003 'l hawn? Jista' jindika s-sentenzi mogħtija f'kull każ? Jista' jgħid kemm minn dawk misjuba ħatja ddaħħal isimhom fir-reġistru ta' dawk misjuba ħatja ta' każijiet bħal dawn?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista mehmuża turi n-numru ta’ persuni li ġew ikkundannati priġunerija mill-Qrati Kriminali ta’ Malta fuq abbuż ta’minorenni sena b'sena, mill-2003 'l hawn. Il-lista ma tkoprix is-snin 2003 sa 2005 peress li dak iż-żmien tali informazzjoni ma kinitx tinżamm. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija fuq ir-reġistru, mill-20 ta’ Jannar 2012 sa issa hemm seba’ (7) persuni li ġew imdaħħla f’dan ir-reġistru. Sena Numru ta’ Persuni kkundannati Priġunerija Kemm Weħlu 2006 6 persuni misjuba ħatja u kkundannati priġunerija Tlett snin ħabs- 3 persuni Għaxar snin ħabs- 2 persuni Sitt snin u sitt xhur ħabs- persuna waħda 2007 5 persuni misjuba ħatja u kkundannati priġunerija Sitt snin ħabs- persuna waħda Għaxar snin ħabs- persuna waħda Sentejn u sitt xhur ħabs- persuna waħda Tlett snin ħabs- persuna waħda Sentejn ħabs- persuna waħda 2008 6 persuni misjuba ħatja u kkundannati priġunerija Sentejn ħabs-żewġ persuni Sentejn u ħames xhur ħabs- persuna waħda Tlett snin ħabs persuna waħda Ħmistax-il sena ħabs- persuna waħda Għaxar snin ħabs- persuna waħda 2009 7 persuni misjuba ħatja u kkundannati prġunerija Sentejn ħabs- żewġ persuni Tlett snin u sitt xhur ħabs-persuna waħda Erba’ snin ħabs- persuna waħda Ħames snin u tlett xhur ħabs- persuna waħda Għaxar snin ħabs- persuna waħda 2010 8 persuni misjuba ħatja u kkundannati priġunerija Sena ħabs- persuna waħda Erba’ snin ħabs –erba’ persuni Ħames snin ħabs- persuna waħda Ħames snin u sitt xhur ħabs- persuna waħda Tmien snin ħabs- persuna waħda 2011 Ħdax-il persuna misjuba ħatja u kkundannati priġunerija Sentejn ħabs- persuna waħda Tlett snin ħabs- tlett persuni Tlett snin u sitt xhur ħabs- persuna waħda Erba’ snin u sitt xhur ħabs- persuna waħda Ħames snin ħabs- tlett persuni Tmien snin ħabs- persuna waħda Għaxar snin ħabs- persuna waħda Sitta minn dawn ġew appellati u għadhom mhux deċiż 2012 Sitta u għoxrin persuna misjuba ħatja u kkundannati ħabs Sena u sitt xhur ħabs- ħames persuni Sena u erbgha xhur ħabs- persuna waħda Sentejn ħabs- persuna waħda Sentejn u sitt xhur ħabs- persuna waħda Tlett snin u sitt xhur ħabs-persuna waħda Erba’ snin ħabs- sitt persuni Ħames snin ħabs-żewġ persuni Sitt snin ħabs-tlett persuni Tmien snin u sitt xhur ħabs- persuna waħda Disa’ snin ħabs- persuna waħda Għaxar snin ħabs-tlett persuni Ħdax-il sena ħabs- persuna waħda Tnax minn dawn ġew appellati għadhom mhux deċiżi 2013 Għaxar persuni misjuba ħatja u kkundannati ħabs Sentejn ħabs- persuna waħda Tlett snin ħabs- żewġ persuni Erba’ snin ħabs- persuna waħda Erba’ snin u sitt xhur ħabs- persuna waħda Ħames snin ħabs- persuna waħda Ħames snin u sitt xhur ħabs- persuna waħda Sitt snin ħabs- żewġ persuni Ħmistax-il sena ħabs- persuna waħda Sitta’ minn dawn ġew appellati u għadhom mhux deċiżi
Leg 12 PQ #1117 Sitting 16 2013-05-07 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għas-Saħħa

Abbużi fiżiċi u sesswali — Minorenni li ddaħħlu l-Emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt it-18-il sena li ddaħħlu fid-Dipartiment tal-Emerġenza jew f'xi ċentru tas-saħħa jsofru minn ġrieħi kkawżati minn abbuż fiżiku jew sesswali?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li nħossni xxukkjat li ngħaddi din ir-risposta fejn ġejt mgħarraf li sal-lum ma tinżammx statistika ta’ numru ta’ tfal taħt it-18-il sena li jsofru minn ġrieħi kkawżati minn abbużż fiżiku jew sesswali. Filwaqt li nirringrazzja lil Onorevoli Bonnici għal din il-mistoqsija, inwiegħed li ser nieħu l-passi kollha meħtieġa biex dan ma jibqax iseħħ.

Ċentru għar-Riżorsi — learning support assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' learning support assistants assenjati f'kull ċentru għar-riżorsi (ex skejjel speċjali) li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tad-Diviżjoni għas-Servizzi Edukattivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' learning support assistants assenjati f'kull Ċentru għar-Riżorsi (eks Skejjel Speċjali) li jaqgħu taħt ir-responsabilità tad-Direttorat għall-Servizzi Edukattivi hu 112 u huma mqassmin kif ġej:- Kulleġġ ta' Għawdex - Sannat Special Unit - 9 Kulleġġ Maria Regina - Young Adults Education Resource Centre,Wardija - 37 Kulleġġ San Benedittu - Helen Keller Education Resource Centre, Qrendi - 23 Kulleġġ Santa Klara - San Miguel Primary Education Resource Centre, Pembroke - 20 Kulleġġ San Ġorġ Preca - Guardian Angel Education Resource Centre, Ħamrun - 23