Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta’ Qali – civic amenity site

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq is-civic amenity site li qed tinbena f'Ta' Qali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-Civic Amenity Site li qed tinbena f’ Ta’ Qali hija maħsuba li titlesta lejn l-aħħar ta’ Diċembru ta’ din is-sena.

Inizjattivi għall-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima

Question

Jista' l-Ministru jagħti update dwar kull inizjattiva li hemm fil-politika tal-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima għal Malta? Jista’ jgħid kull inizjattiva fejn waslet, jekk hemmx problemi fuq kull inizjattiva u f'każ li hemm x'inhuma u meta se tkun implimentata kull inizjattiva?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn rapport li kien ġie ippreżentat lili bħala Ministru mis-Segretarju Permanenti preċedenti, rriżulta li d-dettalji li ngħatawli kienu jitrattaw il-politika tal-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima għal Malta sal-bidu ta’ Marzu ta’ din is-sena. Dan tlesta fis-sena 2009. Minn din l-informazzjoni jidher illi minn 96 rakkomandazzjoni, 11 biss ġew attwati u kompluti, 26 rakkomandazzjoni għadu ma nbediex ix-xogħol fuqhom b’uħud minħabba nuqqas ta’ data , fuq 5 oħra nbeda x-xogħol fuqhom b’mod marġinali (filwaqt li waħda ma baqgħetx relevanti) u fil-każ ta’ 53 rakkomandazzjoni x-xogħol inbeda u jinsab għaddej. Il-politika dwar il-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima għal Malta hija mibnija fuq rakkomandazzjonijiet li r-rapport stess iħeġġeġ li għandhom jiġu riveduti b’mod kostanti, jiġu validati, rikunsidrati, ri-orjentati u prijoritizzati mill-ġdid biex tali politika tinżamm dinamika. Fil-qafas ta’ politika ġdida b’mandat ġdid, din ir-reviżjoni kostanti ser tkun għan ewlieni tal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima. Dan il-Gvern huwa impenjat u determinat li rakkomandazzjonijiet pendenti, anke f’kuntest ta’ politika ta’ mitigazzjoni aġġornata, ma jkomplux jieħdu żmien daqs qabel biex jiġu indirizzati.

L-Għallis – Fondi Ewropej għal Hazardous Waste Facility

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tkun żviluppata l-hazardous waste facility fl-Għallis u kemm hemm fondi Ewropej għal din l-inizjattiva?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-hazardous waste facility mistennija li titlesta sal-aħħar tal-2014. Il-fondi Ewropej assenjati għal din l-inizjattiva jammontaw għal €4,176,832(ex VAT).

Politika tal-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema unit fi ħdan l-MSDEC qed jimplimenta l-politika tal-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti għandu l-obbligu li jara l-politika tal-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima tiġi implimentata.

Politika tal-Adattazzjoni għat-Tibdil fil-Klima

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema unit fi ħdan l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima qed jimplimenta l-politika tal-adattazzjoni għat-tibdil fil-klima?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti għandu l-obbligu li jara l-politika tal-adattazzjoni għat-tibdil fil-klima tiġi implimentata.

SKEJJEL — Amministrazzjoni ta’ mediċini lill-istudenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' studenti fl-iskejjel primarji u sekondarji pubbliċi, tal-Knisja u indipendenti,li lilhom tiġi amministrata l-mediċina Ritalin waqt il-ħin tal-iskola, skont proċeduri stabbiliti? Kemm huwa n-numru ta' studenti fl-istess skejjel li jingħataw xi tip ta' kalmant waqt il-ħin tal-iskola? Kemm saru żjarat minn infermiera tal-MMDNA għal dan l-iskop mill-1 Ottubru 2012 sal-aħħar ta' April 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej: Skejjel Pubbliċi In-numru ta’ studenti fl-iskejjel primarji u sekondarji pubbliċi li ħadu l-mediċina ġenerika methylphenidate hydrochloride (li dawn jinkludu Ritalin u Equasym) bejn l-ewwel ta’ Ottubru 2012 u l-aħħar ta’ April 2013, kien ta’ 143 student u li bejniethom kellhom 11657 vista mill-infermiera tal-MMDNA waqt il-ħin tal-iskola. Ma tistax tingħata l-informazzjoni ta’ kemm hemm studenti li jieħdu kalmant imma jista’ jingħata t-tagħrif li hemm 9 studenti li ħadu mediċina anti-psikotika bħal risperidone, sulpride u fluanxol, u li bejniethom kellhom 315 vista mill-infermiera tal-MMDNA fl-istess perjodu waqt il-ħin tal-iskola. Skejjel tal-Knisja Dsatax–il student huma rrappurtati li qed jagħmlu użu mir-Ritalin fl-iskejjel tal-Knisja. Fl-ebda każ ma ġie rrappurtat użu mis-servizz mogħti minn infermiera tal-MMDNA. Skejjel Indipendenti Ġew rrappurtati sitt każijiet ta’ użu ta’ Ritalin fl-iskejjel Indipendenti. Kien biss fi skola waħda li ġie rrappurtat li infermier/a żar/et l-iskola darba kuljum bejn Ottubru 2012 u l-aħħar ta’ April 2013.
Leg 12 PQ #1964 Sitting 22 2013-05-27 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — bord ġdid

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1674. jista' l-Ministru jgħid x' sar mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li fl-istqarrija tal-Ministeru tiegħu maħruġa tramite d-Dipartiment tal-Informazzjoni meta tħabbar il-Bord ġdid tal-Gozo Channel ġie mħabbar li hija s-segretarja tal-Bord? Din irreżenjat? Jekk iva, meta? X' kienet r-raġuni?

Response (REFALO, ANTON)

Il-persuna ikkonċernata irreżenjar fuq raġunijiet personali.

WasteServ — Studji

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-istudji li għamel referenza għalihom waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar il-kompożizzjoni tal-bord il-ġdid tal-WasterServ? X'aspetti tal-operat tal-WasteServ qed ikopru dawn l-istudji? Min qed jagħmilhom? Sa meta għandhom jitlestew?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi l-istudji li rreferejt għalihom huma intiżi biex jagħmlu review strateġiku - skrutinju fid-dettal – ta’ l-operat kollu tal-kumpanija aktar u aktar wara sensiela ta' nuqqasijiet serji li ilhom li ġew elenkati kemm mill-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali u anki mill-istess ditta ta’ awdituri interni li qabbdet il-kumpanija innifisha. Il-ħsieb huwa li dawn iħarsu lejn kull qasam inkluż dak li huwa management, operat u anki dak finanzjarju fost oqsma oħrajn. Dan l-eżerċizzju komprensiv li mistenni jieħu madwar sitt gimgħat, kif ħabbart fil-konferenza tal-aħbarijiet, qed issir mill-kumpaniji NEXIA BT, RSM MALTA u IDEA MANAGEMENT CONSULTING SERVICES LTD. F'mod parallel hemm review team li għandu bħala Chairperson lil Profs. EA Mallia u bħala membri lil Dr Louiselle Spiteri Farrugia u lis- Sur A Pulis li qegħdin jħarsu lejn l-impatt ambjentali tal-impjant ta' Sant’ Antnin, kif ukoll dwar kemm dan qiegħed filfatt jilħaq il-miri tiegħu f'termini effettivi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mit-tħaddim tiegħu. Nittamaw u nawguraw li dak li nħeba u ġie mistur mill-pubbliku in ġenerali u mit - taxpayers Maltin għal dawn l-aħħar snin jitla fil-wiċċ ħalli toħroġ il-verita' kollha u kullħadd ikun mitlub u mistenni jġorr ir-responsabbilita' tiegħu. Anki dik politika. Nittama li fil-ġejjieni qrib inkun nista nirreferi wkoll għall-istudju li kien tħejja għall-Gvern preċedenti nnifsu, dwar abbużi u prattiċi ħżiena, fost affarijiet oħra, fil-kumpanija WasteServ, li għal raġunijiet mhux magħrufa baqa’ fuq l-ixkaffa, tant li wara li tlesta, il-kumpanija WasteServ baqgħet tagħmel il-maqlub ta’ dak li l-istudju nnifsu rrikmanda.
Leg 12 PQ #1748 Sitting 21 2013-05-21 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kariga ta’ Deputy Chief of Staff

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema segretarjati ta' ministeri jeżisti l-grad ta' Deputy Chief of Staff? Fejn jeżisti, għal-liema raġuni ġie introdott?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għall-Guidelines for the Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats, li kopja tiegħu tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f’seduta numru 7, tal-15 t’April 2013. Il-grad ta’ Deputy Chief of Staff huwa maħsub biex iċ-Chief of Staff ikollu appoġġ fil-ħidma tiegħu ta’ kuljum. Filwaqt li l-complement tas-segretarjati privati ta’ kull Ministeru u ta’ kull Segretarjat Parlamentari huwa l-istess, huma fil-libertà li joħolqu din il-kariga fi ħdan dan l-istess complement.

Residenza San Vinċenz de Paul – Admissions board

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn min huwa magħmul l-admissions board għad-dħul tal-anzjani fir-residenza San Vinċenz de Paul? Kemm-il darba ltaqa' mill-11 ta' Marzu 2013 ’l hawn?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjonijiet għall-kura fit-tul se jibdew jgħaddu minn proċess ta’ assessjar minn tim multidixxiplinarju biex b’hekk jitqies kull aspett ta’ bżonn tal-applikant, kemm bżonnijiet kliniċi kif ukoll bżonnijiet soċjali. Dan il-proċess qiegħed ikun iffinalizzat u fil-ġimgħat li ġejjin se jkun jista’ jibda jiffunzjona.

Persuni b’diżabilità taħt is-60 sena

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ammont ta’ persuni b'diżabilità li għandhom anqas minn 60 sena li qegħdin jgħixu jew f'San Vinċenz de Paul jew xi djar tal-anzjani tal-Gvern? Tista’ tindika dawn l-ammonti dar b'dar u skont l-etajiet tal-persuni indikati?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni b’diżabilità – Servizzi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilità li jgħixu fil-komunità li qed jibbenefikaw mis-servizz tat-Telecare, Home Help jew servizz ta’ handyman? Tista’ tindika n-numru ta’ dawn il-persuni li jibbenifkaw minn kull servizz?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità ma jzommx informazzjoni dwar kemm persuni b’diżabilità qed juzaw is-Servizz tat-Telecare u s-Servizz tal-Handyman.In-numru ta' persuni b'diżabilità li jgħixu fil-komunità li qed jibbenefikaw mis-servizz tal-Home Care Help huwa ta’ 332.

Blue Sticker – Persuni intitolati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilità li bħalissa huma intitolati għall-blue sticker?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li numru ta' persuni b'diżabilità intitolati għall-Blue Sticker sa Mejju 2013 huwa l-ammont ta’ 6966.
Leg 12 PQ #1521 Sitting 20 2013-05-20 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

Persuni b’Diżabilità – Rifużjoni ta’ VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ VAT rifuż lil persuni b'diżabilità għax-xiri ta' apparat u tagħmir ieħor li jgħinuhom jgħixu ħajja aktar indipendenti?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li l-liġi tal-VAT m’għandhiex provvedimenti għal rifużjoni ta’ l-ammont ta’ VAT lill-persuni b’diżabilità fuq xiri ta' apparat u tagħmir ieħor li jgħinuhom jgħixu ħajja aktar indipendenti, l-ebda ammont ta’ VAT ma jiġi rifuż. Ta’ min jgħid iżda, li l-VAT fuq apparat u tagħmir ieħor għall-użu ta’ persuni b’diżabilità jiġi ġeneralment intaxxat b’rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 5%.
Leg 12 PQ #1674 Sitting 20 2013-05-20 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – bord tad-diretturi – ħatra ta’ segretarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid min inħatar bħala Segretarju tal-Bord tad-Diretturi tal-Gozo Channel? Din il-persuna għadha tokkupa din il-kariga? Jekk le min inħatar flokha u x'kienet ir-raġuni li inbidlet?

Response (REFALO, ANTON)

Għandi ninforma lill-Onorevoli interpellant li Dr Mandy Farrugia inħatret bħala segretarja tal-bord tad-diretturi tal-Gozo Channel u li hija għadha tokkupa din il-kariga.
Leg 12 PQ #1298 Sitting 19 2013-05-15 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali — Riżenja ta' Sindku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 237, jista'’ l-Ministru jgħid jekk, ladarba r-riżenja ma kenitx offruta mis-Sindku Laburista indikat, din intalbitx min-naħa tal-Ministeru jew dipartiment konċernat in vista tas-serjetà tal-każ?

Response (VELLA, KARMENU)

L-Onorevoli Interpellant jifhem li l-każ għadu sub judice u għaldaqstat l-akkużat huwa preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati.

Residenza San Vinċenz de Paul — lift bil-ħsara

Question

Tista'’ l-Ministru tgħid għaliex lift użat ħafna fir-Residenza San Vinċenz de Paul ilu għal numru ta'’ ġimgħat bil-ħsara b'’inkonvenjenza għar-residenti, qraba u impjegati li normalment jagħmlu użu minnu?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li bħalissa hemm lift wieħed li mhux jiffunzjona f’dan l-isptar. Dan il-lift qiegħed fil-binja amministrattiva u ilu wieqaf mid-9 ta’ Mejju. Dan ġie rrapportat u ttieħdu l-passi biex tinxtara lift card ġdida.

Skejjel — amministrazzjoni ta' anti-dipressanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' studenti fl-iskejjel primarji u sekondarji li lilhom jiġu amministrati anti-dipressanti fl-iskejjel pubbliċi, tal-Knisja u indipendenti, waqt il-ħin tal-iskola, skont proċeduri stabbiliti? Kemm saru żjarat minn infermiera tal-MMDNA għal dan l-iskop matul l-2012?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont ir-records miġbura mill-Education Medical Services fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, m'hemmx studenti li jieħdu l-antidipressanti fl-iskejjel pubbliċi, tal-knisja u indipendenti waqt il-ħin tal-iskola. Għalhekk ma saru l-ebda żjarat għal dan l-iskop minn infermiera tal-MMDNA matul l-2012. Madankollu, ġie rrapurtat każ wieħed fi skola indipendenti li jikkonċerna studenta tal-ħames sena sekondarja. Infurmat li l-infermiera tal-MMDNA ma ġewx involuti f'dan il-każ.
Leg 12 PQ #1323 Sitting 19 2013-05-15 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Notte Gozitana — rock opera Ġensna

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju intgħażlet ir-rock opera Ġensna bħala parti min-Notte Gozitana 2013? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk sarux tibdiliet fil-lirika tal-verżjoni skedata għal waqt in-Notte Gozitana fid-dawl li l-lirika oriġinali tista’ tiġi interpretata bħala li fiha tagħwiġ storiku li jnaqqas l-importanza tal-Indipendenza li issa Gvern Laburista stess kemm-il darba tenna li kien pass storiku mill-aktar importanti għal pajjiżna? Jista' jgħid kemm finalment se jkunu nħarġu fondi pubbliċi biex tittella' din il-produzzjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li d-deċiżjoni sabiex tittella' 'rock opera' Ġensna bħala parti min-Notte Gozitana 2013, kienet wahda unanima mill-Kumitat Organizattiv ta' din l-attivita. Il-likrika ta' ' Gensna in Concert' hija l-istess lirika li intużat fil-produzzjoni li ttelleghet fl-2009 f'Dar il-Mediterran u li skont il-ħarġa tal- Mument tat-8 ta' Marzu ta' dik l-istess sena kienet deskritta bħala l-aqwa rock opera li nkitbet f'Malta. Din il-produzzjoni li kienet tinkludi cast ta' iktar minn disgħin ruh flimkien mal-ipprogettar ta' viżwali maħduma apposta għall-palk ġiet tiswa 23,600 Eur
Leg 12 PQ #1438 Sitting 19 2013-05-15 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali — Advisor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-advisor fuq kunsilli lokali mas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu? Kif intgħażel? Jista’ jpoġġi kopja tal-kuntratt tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-advisor huma s-Sur Michael Cohen. Is-Sur Cohen qiegħed jagħti pariri lis-Segretarju Parlamentari dwar l-Kunsilli Lokali. Hu gie identifikat bhala persuna li ghandha esperjenza vasta f’dan il-qasam billi serva bhala Sindku u President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Il-kuntratt għadu qiegħed jiġi ifformalizzat.