Reklamazzjoni tal-art – espressjonijiet ta’ interess
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid minn min huwa magħżul il-kumitat ta’ evalwazzjoni ta’ proposti marbutin mas-sejħa ta’ espressjonijiet ta’ interess għal proġetti li jinvolvu reklamazzjoni tal-art?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tal-proposti għal proġetti li jinvolvu reklamazzjoni tal-art ġie magħżul mill-Gvern.
Reklamazzjoni tal-art – espressjonijiet ta’ interess
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti proposti marbutin mas-sejħa ta’ espressjonijiet ta’ interess għall-proġetti li jinvolvu reklamazzjoni tal-art? Fl-istess lista, jista’ jindika l-konsorzji/kumpaniji/individwi li għamlu kull waħda minn dawn il-proposti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej l-evalwazzjoni tal-proġetti proposti. Hi l-intenzjoni tal-Gvern li fi stadju tal-evalwazzjoni, l-informazzjoni mitluba ssir pubblika.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid għala l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma ħassitx il-ħtieġa li tifformola policy dwar reklamazzjoni tal-art qabel ma ħarġet sejħa għall-espressjonijiet ta’ interess għal proġetti li jinvolvu reklamazzjoni tal-art? Issa li ġew sottomessi l-proposti, jista’ jgħid jekk tali policy hux se tiġi fformulata?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-proċess tal-espressjonijiet ta’ interess għal proġetti li jinvolvu reklamazzjoni tal-art huwa intenzjonat li jiddetermina l-livell ta' interess f'dan il-qasam kif ukoll in-natura tal-proġetti tagħhom. Diġà hemm qafas ta' liġijiet u policies li ma jinħtigux policy speċifika fuq is-suġġett.
reklamazzjoni ta’ art — Espressjoni ta’ interess – estensjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li għaliha ġiet estiża is-sejħa għall-espressjonijiet ta' interess fi proġetti li jirrikjedu reklamazzjoni ta' art?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-espressjoni ta’ interess ġiet estiża wara li kien hemm diversi talbiet biex jiġi estiż iż-żmien minn persuni interessati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' skart separat miġbur mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Novembru 2013, lokalità b'lokalità, f'Malta u Għawdex?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
B’referenza għall-inċidenzi ta’ kaċċa illegali fuq l-ajkla f’Ottubru 2013, fejn huwa allegat li saru diversi tfittxijiet għand balzmaturi u kolletturi illegali, jista’ jgħid kemm kien in-numru u x’kienet l-ispeċi tal-għasafar ibbalzmati maqbuda? Fejn spiċċaw l-għasafar ibbalzmati maqbuda wara li nqabdu?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi b’riżultat tal-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija dwar kaċċa illegali fuq ajkli, kienu ġew maqbuda 623 tajra ibbalzmata, kif jidher fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan it-tajr qed jinzamm fil-mużew tal-istorja naturali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni qed tiġi pjanata sabiex tindirizza dik li tidher li hi problema dejjem tikber ta’ kaċċa illegali fil-Buskett?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-azzjonijiet prinċipali li ttieħdu dis-sena sabiex tiġi indirizzata l-kaċċa illegali kemm fil-Buskett kif ukoll f’żoni oħra magħrufa għall-isparar fuq tajr protett huma:
- Iż-żieda fuq is-sorveljanza li rduppjat fir-rebbiegħa u l-ħarifa meta mqabbla mas-snin ta’ qabel.
- Ingaġġar ta’ aktar nies għas-sorveljanza fejn fil-qofol tal-passa ġew ingaġġati 4 uffiċjali mill-kavallerija tal-Pulizija.
- It-twaqqif tal-Ispecialist Enforcement Branch tal-Wild Birds Regulation Unit.
- Iż-żieda fil-penali b’seħħ minn Ottubru 2013 fejn il-penali għar-reati serji rduppjaw.
Ninsab infurmat ukoll li fl-isforz sabiex jiżdied aktar l-infurzar qed tiġi diskussa proposta sabiex jitwaqqaf Wildlife Crime Investigation Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
B’referenza għall-emendi l-ġodda għall-Avviż Legali Nru 79 tal-2006 permezz ta’ Avviżi Legali 341 u 403 tal-2013 li introduċew diversi miżuri fosthom sistema ta’ multi u tribunal li jirrevedi multi amministrattivi, jista’ l-Ministru jgħid kif din is-sistema se tkun qed taħdem? Jista’ jgħid kemm inħarġu multi s’issa u l-ammont ta’ kull waħda? Jista’ jgħid jekk sarx xi ftehim mal-Korp tal-Pulizija biex il-pulizija jingħataw taħriġ fit-tħaddim ta’ din is-sistema? Jista’ jgħid jekk it-tribunal bediex jaħdem, u jekk fl-affermattiv kemm-il seduta saret s’issa? Jista’ jgħid min huma l-membri ta’ dan it-tribunal?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-iskeda VIII żdiedet mar-Regolamenti b’lista ta’ reati żgħar suġġetti għal-multi amministrattivi, dment li tali reati ma jitwettqux flimkien ma’ fatturi oħra aggravanti, f’liema każ min iwettaq tali reati jitressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u jekk jinstab ħati jkun suġġett għal-multi speċifikati f’regolament 27 (2) u (3). Min jeħel multa amministrattiva jista’ jappella quddiem it-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva. L-emendi jispeċifikaw ukoll li qabel ma jitħallsu l-multi pendenti, l-liċenzja ma tkunx tista’ tiġedded.
Din is-sistema hija amministrata mil-WBRU, permezz ta' kooperazzjoni mal-Pulizija, li jiskopru reati u jirreferu riferti għal ipproċessar mill-WBRU.
Bejn il-25 t’Ottubru u l-11 ta’ Diċembru ngħataw 15-il multa amministrattiva, inkluż 14-il multa ta’ 250 Euro – il-waħda, u multa ta’ 500 Euro għal żewġ reati.
L-emendi kollha msemmija ġew diskussi mal-istakeholders kollha f’dan is-settur, inkluż il-Pulizija.
Fir-rigward ta’ multi amministrattivi mniżżla fi Skeda VIII, il-liġi tipprovdi għal-possibilta’ ta’ appell quddiem It-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva, mfassal taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva (Kap. 490). Ir-Regolamenti tal-2013 li jemendaw ir-Regolamenti dwar it-Twaqqif ta’ Elenki fit-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva jinkludu f’dan it-Tribunal diġa stabbilit, ir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi.
Ninsab infurmat ukoll li sallum ma kienx hemm appelli. It-Tribunal jikkonsisti minn Imħallef u żewġ avukati.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex ir-rapporti dwar carnet de chasse maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ilhom ma jiġu ppubblikati mill-2009? Jista’ jara li dawn ir-rapporti li jindikaw l-iskala tal-kaċċa waqt l-istaġuni tal-ħarifa u x-xitwa jiġu ppubblikati kull sena? Jista’ jgħid jekk dawn il-figuri ġewx komunikati lill-Kummissjoni Ewropea?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li f’Novembru 2012 il-Ministeru tat-Turiżmu u l-Kultura ta’ dak iż-żmien, u li taħtu kienet taqa’ il-MEPA, kien kiteb lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru għal awtorizzazzjoni biex il-MEPA tkun tista’ tippubblika r-rapport inkwistjoni għas-sena 2010.
Għalkemm il-MEPA kienet ikkuppjata f'din il-korrispondenza, jidher li l-istess MEPA qatt ma rċeviet l-awtorizzazzjoni biex tkun tista’ tippubblika dan ir-rapport. Ir-rapporti tal-Carnet de Chasse huma rapporti nazzjonali. Rapporti oħra li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea, fosthom dawk magħrufa bħala ‘derogation reports’, kienu mibgħuta kif kien rikjest jew mistenni.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ir-rapporti dwar carnet de chasse m’għadhomx jiġu ppubblikati? Jista’ jara li dawn ir-rapporti li jindikaw l-iskala tal-kaċċa waqt l-istaġuni tal-ħarifa u x-xitwa jiġu ppubblikati kull sena? Jista’ jgħid jekk dawn il-figuri ġewx komunikati lill-Kummissjoni Ewropea?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-informazzjoni tal-Carnet de Chasse ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni Ewropea bħala parti mir-rapporti tal-Gvern dwar id-derogi tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Ninsab infurmat ukoll li dan l-aħħar, il-MEPA għaddiet l-informazzjoni tal-Carnet de Chasse għas-snin 2010–2012 lill-Wild Birds Regulation Unit (WBRU), li twaqqfet riċentament, u qiegħda fil-proċess li tipprepara dawn ir-rapporti biex fil-ġimgħat li ġejjin jiġu ppubblikati. L-informazzjoni tal-Carnet de Chasse għas-sena 2013 tiġi estratta wara li l-kotba tal-Carnet de Chasse jinġabru fi Frar 2014.
Għajnuna lill-għaqdiet li jirrappreżentaw lill-kaċċaturi u n-nassaba
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru hux qed jagħti xi tip ta’ għajnuna finanzjarja diretta jew indiretta lil xi għaqda jew għaqdiet li jirrappreżentaw lill-kaċċaturi u n-nassaba jew għaqda jew għaqdiet li jirrappreżentaw lil dawk li jaħdmu favur il-protezzjoni tal-għasafar? Jekk din l-għajnuna fil-fatt tingħata, għal kemm tammonta u għal-liema raġuni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li il-Ministeru qiegħed jipprovdi għajnuna finanzjara kemm lill-BirdLife (Malta) u kemm lill-FKNK. L-għajnuna lill-BirdLife (Malta) hija pprovduta permezz ta’ ftehim tal-immaniġjar għar-riservi naturali tas-Simar u tal-Għadira. L-ammont ta’ din l-għajnuna huwa ta’ 28,650 Ewro favur l-Għadira u 11,650 Ewro favur is-Simar, fis sena. Apparti dawn l-ammonti jingħata ukoll pagament in kind. Fil-każ tal-FKNK, l-għajnuna hija pprovduta ghall-disseminazzjoni ta’ informazzjoni regolatorja lill-kaċċaturi, sħubija f’organizazzjonijiet internazzjonali u parteċipazzjoni f’laqgħat. FKNK tircievi l-ammont ta' 10,000 Ewro fis-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li tressqu l-Qorti u ġew mixlija li nasbu illegalment għall-pluvieri (golden plovers) u għall-merilli (song trush) xahar b’xahar waqt l-istaġun li fetaħ fl-20 ta’ Ottubru 2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi matul l-istaġun li fetah fl-20 ta’ Ottubru ta’ din is-sena, kien hemm persuna waħda li nstabet tonsob illegalment għal-pluvieri (golden plover) f’Novembru, filwaqt li ma nstab ħadd li kien qed jonsob illegalment la għall merilli (blue rock trush) u lanqas għall malvizz (song trush).
Insib illegali fuq sponsuni – konfiska ta’ apparat mill-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jikkjarifika x’inhu l-modus operandi tal-pulizija meta jiltaqgħu ma' siti fejn ikun qed jiġi minsub b’mod illegali l-isponsun? Il-pulizija qed tikkonfiska l-apparat u l-għasafar li jinqabdu b’dan il-mod? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-materjal konfiskat u d-dati meta ġew konfiskati? Jista’ jgħid x’sar mill-materjal u mill-isponsuni konfiskati?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi meta l-pulizija tiltaqa` ma’ siti fejn ikun qed isir insib illegali għal kwalunkwe għasfur tal-għana, inkluż l-isponsun, jittieħdu l-proċeduri skont il-liġi kontra il-persuna jew persuni li jkun qed jonsbu bi ksur tal-ligi. Fejn ma jinstab hadd fuq is-sit u ma jkunx magħruf min kien qed juża dak is-sit, l-għasafar, jekk ikun hemm, jiġu meħlusa dak il-hin stess fuq il-post u x-xbieki jinġabru u jiġu meqruda. Fil-każ li l-persuna tkun magħrufa, il-pulizija jżomm biss dak l-apparat li ma jkunx konformi mal-ligi. Dan l-apparat susegwentement jiġi esebit fil-proċeduri quddiem il-Qorti.
Qed inpoġġi lista ta’ oġġetti maqbuda mill-pulizija matul dan l-istagun li kienu bi ksur tar-regolamenti dwar kaċċa u nsib fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ liċenzji għall-insib f’Malta u Għawdex separatament?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li waqt dan l-istaġun preżenti, l-insib huwa permess biss b’Liċenzja Speċjali għal żewġ speċi: il-pluviera u l-malvizz. Ninsab infurmat ukoll li hawn 916 liċenzja speċjali f’Malta u 248 liċenzja speċjali f’Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ pulizija li jagħmlu rondi fil-kampanja fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata f’Malta u f’Għawdex matul il-perijodu li tapplika għalih din id-deroga? Jista’ jgħid kemm-il ronda saret xahar b’xahar f’Malta u Għawdex separatament mill-20 ta’ Ottubru sal-lum?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħmel ronda b’mod regolari f’ħinijiet differenti u għaldaqstant mhux possibli li wieħed jikkwantifika kemm saru.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ għasafar midruba li ntlaqgħu mill-pulizija, mill-awtoriitajiet responsabbli mill-ħarsien tal-annimali u mid-diviżjoni veterinarja tal-Gvern mill-1 ta’ Jannar sal-lum u x’kienet l-ispeċi tagħhom separatament? Jista’ jgħid x’kienet id-djanjosi tagħhom? Kemm minn dawn l-għasafar kienu vittmi ta’ kaċċa illegali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'konsulenti ġew ingaġġati mal-Ministeru s'issa? Kif intgħażlu? X'inhu x-xogħol tagħhom? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tal-kuntratti?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2429.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li għandu fil-Ministeru għal Għawdex jew ma’ xi wieħed mid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħtu, il-kwalifiċi tal-istess konsulenti, u l-pakkett finanzjarju ta’ kull konsulent? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta’ dawn il-konsulenti?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2429.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport imħejji mill-kumitat konsultattiv dwar is-siġar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-rapport imħejji fuq is-siġar kien wieħed purament kunsultattiv u għaldaqstant f’dan il-każ it-talba tal-Onor. Membru mhux se tiġi milqugħa billi dan mhux dokument uffiċċjali.