Komunikazzjoni Nazzjonali – Konvenzjoni qafas dwar il-bidla fil-Klima
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6952, jista’ l-Ministru jipprovdi lil din il-Kamra timeline speċifiku ta’ meta din il-komunikazzjoni nazzjonali se tiġi sottomessa, dan fid-dawl li tliet xhur wara d-data ta’ sottomissjoni li kellha tkun l-1 ta’ Jannar 2014, jidher li għadha ma saret l-ebda sottomissjoni f’isem Malta?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Komunikazzjoni ser tiġi sottomessa din il-ġimgħa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġitx sejħa biex timtela l-pożizzjoni ta’ HR Manager fil-Wasteserv? Jekk le, jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterju intgħażlet il-persuna li llum qed tokkupa din il-pożizzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-HR Manager li hemm illum kienet appuntata fis-sena 2012 taħt l-amministrazzjoni preċedenti u ma kienx hemm sejħa għall-applikazzjonijiet. Jidher li l-persuna ntgħażlet fuq dak li l-management ta’ dak iż-żmien ikkunsidra li kien wieħed ta' meritu.
ELC – tmexxija ta’ partijiet mill-Park tal-Familja
Question
Jista’ jgħid jekk il-Ministeru li hu responsabbli għalih ikkunsidrax li jilħaq ftehim mal-Environment Landscaping Consortium dwar l-iżvilupp u t-tmexxija ta’ partijiet mill-Park tal-Familja, liema ftehim seta’ anke jippermetti li l-faċilitajiet f’dan il-park jibqgħu jitgawdew mill-familji mingħajr il-bżonn li jsir ħlas għalihom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li bħal ma ġie imħabbar fil-konferenza għall-istampa li saret fid-19 ta' Marzu 2014 fil-Park tal-Familja, għada kif ħarġet sejħa għal turija ta' interess għal min jixtieq jinvolvi ruħu fit-tmexxija ta' diversi żoni fil-Park.
Għaldaqstant kull entita jew persuna inkluż dik indikata mill- Onor. Interpellant għanda l-opportunita li tagħmel il-proposti illi tkun tixtieq fil-parametri tal-kundizzjonijiet imħabbra.
Jista' l-Ministru jassigura lil din il-Kamra li l-kandidati li se jagħmlu l-eżami fil-livell ordinarju tal-Malti (Sec) fir-Rebbiegħa 2014 se jkollhom allokata lilhom kwarta kull wieħed għall-parti orali tal-eżami?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-eżaminaturi tal-orali tal-Malti fil-livell tas-SEC li se jsir bejn it-2 u d-9 t’April 2014 ingħataw taħriġ dwar dan l-eżami u struzzjonijiet biex jallokaw kwarta għal kull kandidat.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lirika tar-rock opera Ġensna li se tittella’ fl-MFCC fit-22 ta’ Marzu 2014, bħala parti mill-attivitajiet nazzjonali organizzati mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-lirika ta’ Gensna li se tittella iktar tard dan ix-xahar hija l-istess lirika li intuzat fil-produzzjoni li ttellgħet fl-2009 f’Dar il-Mediterran u li skont il-gazzetta Il-Mument tat-8 ta’ Marżu ta dik l-istess sena, kienet deskritta bħala l-aqwa rock opera li nkitbet f’Malta
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lirika tar-rock opera Ġensna li se tittella’ fl-MFCC fit-22 ta’ Marzu 2014, bħala parti mill-attivitajiet nazzjonali organizzati mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali?
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — skemi ta' rtirar kmieni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-Segretarjat privat tiegħu, fil-Ministeru, dipartiment u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu hemmx persuni impjegati li bbenefikaw minn skemi ta’ rtirar kmieni jew skemi oħra simili mnedija mill-Air Malta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
B'referenza għal din il-mistoqsija, ninsab infurmat li hemm tliet persuni li qabel kienu mal-kumpanija msemmija mill-Onor. Interpellant u issa huma mpjegati f'entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. L-entitajiet huma l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, il-Malta Libraries u l-MCAST.
Tnejn minn dawn il-persuni għażlu xogħol alternattiv mal-Gvern. Fil-każ tat-tielet persuna, din daħlet l-MCAST u kienet ħadet l-Early Retirement Scheme mill-Air Malta. Skont il-provvedimenti taċ-Ċirkulari tal-OPM numru 4/2012, l-MCAST qed tieħu l-passi biex tirkupra s-somma proporzjonali dovuta lura lill-Gvern u din ser tiġi mgħoddija lill-Fond Konsolidat.
Impjant ta’ Sant’Antnin – trattament ta’ skart organiku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jiġi trattat skart organiku fl-impjant ta’ Sant’Antnin u kemm hi l-ġenerazzjoni ta’ elettriku minn dan l-impjant? Jista’ jippreżenta din l-informazzjoni xahar b’xahar għal dawn l-aħħar tnax-il xahar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterju/i ttieħdet id-deċiżjoni biex Triq il-Linja f’Ħ’Attard terġa’ tinfetaħ għat-traffiku miż- żewġ naħat fil-ħinijiet ta’ filgħodu? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li saru, jekk saru, li juru li l-arranġament li kien hemm qabel kellu xi effett negattiv?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li parti minn Triq il-Linja u parti minn Triq San Anton reġgħu nfetħu għat-traffiku fiż-żewġ direzzjonijiet wara li saret analiżi bid-data 23 ta’ Awwissu 2012, minn konsultent ta’ Transport Malta li kien mexxa l-każ mill-bidu tiegħu. Kopja tal-istudji li saru qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-investigazzjoni li saret mill-pulizija dwar il-qtil ta’ annimali fil-Mosta li ilhom isiru mill-2011 ‘l hawn? Kien hemm persuna jew persuni li ġew interrogati dwar dan il-qtil? Kemm-il persuna ttellgħet il-Qorti mixlija dwar moħqrija tal-annimali kull sena mill-2008 ‘l hawn?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, nerġa naċċerta lill-Onorevoli Membru illi l-Pulizija għada għaddejja b’investigazzjoni meħtieġa u qed tagħmel kull sforz sabiex jigi identifikat kull minn hu involut f’dawn ir-reati u jitressaq quddiem il-Qorti skond il-liġi. Għal darba oħra ma’ nħossx illi f’dan l-istadju ta’ l-investigazzjoni għandu jingħata aktar tagħrif. Tgħarif pubbliku li jista' jxekkel l-istħarriġ li għaddej bħalissa.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar sitt snin il-pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra tmienja u tmenin (88) persuna fuq akkużi ta’ moħqrija fuq annimali kif jidher fit tabella hawn taht.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6097 u ċjoè: Peress li fid-diskors tiegħu fil-Parlament ta' nhar it-Tlieta 12 ta' Novembru 2013, il-Prim Ministru indika li jaf kemm ġiet tiswa l-kampanja pubbliċitarja marbuta mal-Baġit 2014, jista' l-Prim Ministru issa jagħti tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 5816 u 5817? Jista' jgħid ukoll kemm ġew kommessi fondi għal din il-kampanja, fit-totalità tagħha, li qed issir riferenza għaliha?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-impjant ta’ Delimara l-gass hux ħa jkun imħallat b’markers magħrufin bħala mercaptan biex jagħtu riħa karatteristika lill-gass, ħalli l-leaks jintgħarfu mill-ewwel bħalma jsir fil-gass tad-djar?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant il-ġdid tal-gass se jkollu l-ogħla livelli ta’ miżuri ta’ ħarsien tas-saħħa u sigurta’, fosthom ‘gas detectors’ li se jkunu installati f’kull parti tal-impjant. Normalment, f’impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tal-gass jew faċilitajiet industrijali oħrajn li jużaw il-gass, ma jużawx ‘olfactory markers’ għaliex il-miżuri ta’ ħarsien tas-saħħa u sigurta’ li jintużaw ikunu biżżejjed biex f’każ ta’ ‘leak’, jiġi ddentifikat mill-ewwel u jiġi protett l-impjant. Madankollu, fl-impjant il-ġdid, hemm pjanijiet biex xorta waħda jintużaw ‘olfactory markers’ bħala prekwazjoni addizzjonali, biex l-impjant ikun dejjem aktar sikur.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar minnu l-proġett ippjanat mill-Gvern preċedenti biex fis-Siġġiewi jsir impjant għat-trattament tad-demel tal-baqar? Għaliex il-Gvern qed jgħid li issa jrid jittratta dan ir-riżors fl-impjant tal-Għallis?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-pjan tal-Gvern għar-rilokazzjoni ta’ rżieżet tal-baqar minn żoni urbani kien ilu jiġi diskuss mill-amministrazzjoni preċedenti sa mill-inqas mill-2006 u sa Marzu 2013 ma kien hemm xejn iffinalizat ħlief studji u kontro studji, proposti u kontro proposti, fosthom dik li jinbena bio digester fil-post fejn jiġu rilokati dawn l-irżieżet.
Ninsab infurmat ukoll li fil-bidu ta’ dawn l-istudji u proposti, kienet qed tiġi kkunsidrata r-rilokazzjoni ta’ 17 ir-razzett u li mal-mogħdija taż-żmien dawn l-ewwel niżlu għal 12 imbgħad sallum jidher li n-numru ta’ rżieżet li jridu jiġu rilokati niżel għal 7. Jien infurmat li fid-dawl ta’ dan kollu u sa kemm tittieħed deċiżjoni finali jkun primatur li wieħed jagħti deċiżjoni finali dwar il-ħtieġa jew le tal-bini tal-bio digester.
Ninsab infurmat ukoll li kif kien dejjem maħsub mill-amministrazzjoni preċedenti, l-impjant tal-Għallis ser jittratta kemm skart solidu muniċipali kif ukoll madwar 39,000 tunnellata ta’ demel fejn dawn ta’ l-aħħar huma meħtieġa sabiex iservu ta’ lubrifikant għall-istess proċess ta’ trattament.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ġiegħel lill-Gvern ibiddel fehmtu dwar l-inċineratur tal-Marsa biex jgħid li jrid isir studju jekk ikabbrux? Jista’ jgħid jekk il-fatt li dan l-inċineratur huwa biswit il-biċċerija għadux meqjus bħala problema?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li m’hemmx pjanijiet mit-tmexxija preżenti tal-WasteServ Malta Ltd biex issir dan l-istudju.
Peress li l-pjan għall-immaniġġjar tal-iskart ma jgħid xejn dwar x’se jsir biex jintlaħqu l-miri marbuta mar-riċiklaġġ tal-iskart li ġej mill-industrija tal-kostruzzjoni, jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu biex tintlaħaq il-mira stabbilita tal-2018?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi se nkunu qed nonoraw l-wegħda tagħna li nikkonsultaw l-istakeholders group fil-fażijiet ewlenin tal-implimentazzjoni tal-Pjan kollu bħala għarfien tas-sehem li taw fit-tfassil tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern għall-ħaddiema li bħalissa qed jaħdmu l-Wasteserve u li l-impjieg tagħhom huwa mal-privat? Biħsiebu jimpjegahom hu jew se jerġa’ jagħmel sejħa għall-offerti wara li f’Ottubru li ġej jagħlaq il-kuntratt preżenti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi deċiżjoni tittieħed fil-mument opportun.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq abbozz tal-liġi marbut mat-tniġġiż mill-ħsejjes li l-Ministru rrefera għalih f’attivitajiet pubbliċi li saru fl-aħħar xhur?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi dak li wegħdna fil-Baġit għal din is-sena se nonorawh.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kunsilli lokali jistgħux jingħataw direzzjoni mid-dipartiment konċernat sabiex jintużaw prattiċi li huma aktar favur l-ambjent bħala grass cutters u mhux erbiċidi fil-qtugħ tal-ħaxix ħażin f’żoni kontrollati minnhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministri kkonċernati.