Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Rimi llegali ta' demel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu hux qed jinvestiga l-allegazzjoni ta' rimi llegali ta' demel f'diversi żoni f'Għawdex? Peress li huwa magħruf li f'Għawdex mhemmx post ċentrali fejn jista' jitpoġġa materjal bħal dan, jista' jgħid jekk hemmx pjani li jindirizza din il-problema?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li d-Direttorat tal-Agrikoltura jispezzjona u jsegwi pass pass, skont il-liġi, kull rapport ta’ infrazzjonijiet li jirċievi li jirrigwardja ksur tal-leġislazzjoni dwar in-Nitrati, kif ukoll iwettaq programm ta’ spezzjonijiet matul is-sena fuq bażi ta’ analiżi tar-riskju u dan sabiex jitnaqqas l-abbuż. Fir-rigward tal-aħħar parti tal-mistoqsija nassigura lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qiegħed jittratta l-materja bis-serjeta` meħtieġa u kif tħabbar ġimgħat ilu twaqqaf working group biex jeżamina bir-reqqa din il-materja u s-soluzzjonijiet possibli li jindirizzaw il-problema.
Leg 12 PQ #9223 Sitting 146 2014-05-07 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Rimi illegali ta' demel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru tiegħu hux qed jinvestiga l-allegazzjoni ta' rimi llegali ta' demel f'diversi żoni f'Għawdex? Peress li huwa magħruf li f'Għawdex mhemmx post ċentrali fejn jista' jitpoġġa materjal bħal dan, jista' jgħid jekk hemmx pjani li jindirizza din il-problema?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #9224 Sitting 146 2014-05-07 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reviżjoni fil-politika dwar l-ODZ

Question

Peress li l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima ġie rrapurtat li qal f'intervista ma' "The Sunday Times" tat-13 ta' April 2014 li ma kienx ġie konsultat dwar ir-reviżjoni fil-politika dwar l-ODZ, jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni 'l għala tali konsultazzjoni ma saritx?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Wara li din il-policy ġiet diskussa fil-Kumitat tal-Kamra issa r-rapport flimkien mal-proċess ta' l-iscreening ta' l-strategic environment assessment (SEA) jghaddi ghand l-SEA Audit team u l-Ministeru ta' l-Ambjent biex jagħmlu ir-rakkomandazzjonijiet li jħossu li għandhom jagħmlu.

Interogazzjoni ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni 'l għala l-pulizija ħasset il-ħtieġa li tinterroga lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal tliet darbiet fi spazju ta' ftit jiem? Jidhirlux li tali azzjoni tista' tiġi interpretata, kif fil-fatt ġiet, bħala intimidazzjoni?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nifnorma lill-Onor. Interpellant li l-persuna in kwistjoni li hu l-ufficjal inkarigat mil-Komunikazzjoni f’isem il Bird Life Malta kien ġie mitkellem f’żewġ okkażżjonijiet, darba fit-12 u darba oħra fil-21 ta’ April 2014. Il-Pulizija kellmet lil din il-persuna fuq inċidenti li ltaqgħa magħhom jew kien involut hu u li ġew għal konjizzjoni tal-Pulizija, li dawn bilfors kellhom ikellmuha. Madankollu, kuntrarjament għal dak li qed jigi allegat, il-Pulizija fl’ebda ħin ma ntimidat lil-istess persuna.

Interogazzjoni ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni 'l għala l-Pulizija ħasset il-ħtieġa li tinterroga lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għaliex kien qiegħed ma' crew televiżiv f'post pubbliku? Jista' jgħid jekk il-pulizija aġġixietx fuq inizjattiva tagħhom jew wara rapporti li waslulhom? Jekk ir-raġuni kienet din ta' l-aħħar, jista' jgħid x'kien irrapurtat li għamel dan il-preżentatur biex il-pulizija ħasset il-ħtieġa li tibgħat għalih?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-individwu li dettalji dwaru ntbgħatu separatament intalab jattendi volontarjament għand il-Pulizija biex jiġi mitkellem dwar reati li hu allegatament skopra u li kien semma f’dokumentarji li kien għamel matul il-perjodu li kien qiegħed Malta. Hu ġie mitkellm dwar ir-reati msemmija u intalab riedx jgħaddi xi informazzjoni relatata u li dwarhom kien għamel accenn fuqhom, lil-Pulizija. L-Individwu sostna li l-Bird Life Malta kellha din l-informazzjoni u hu ma kellux. Bird Life Malta intalbet tattendi għand il-Pulizija, pero ma marrux. Meta ġie mitkellem dwar l-inċident tal-Miżieb, huwa qal li dan l-inċident għadda u ma kellu xejn xi jżid.

Outside Development Zones — reviżjoni

Question

Peress li f'intervista ma’ The Sunday Times of Malta tat-13 ta' April 2014 il-Ministru ammetta li l-Ministeru tiegħu ma ġiex kkonsultat dwar ir-reviżjoni tal-policy dwar l-Outside Development Zones (ODZ), jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu kkontribwixxiex formalment għall-proċess ta' din il-policy li se jkollha impatt ambjentali sostanzjali u jekk iva, kif?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi filwaqt li m’għandiex xi nżid ma’ dak li stqarrejt pubblikament, ngħarrfek li bħala Ministeru għamilna kif huwa dmirna, l-evalwazzjoni teknika tagħna.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi — Wasteserve

Question

Peress li f'intervista li ta lill-ġurnal Malta Today il-Ministru qal li operatur u regolatur ta' entità pubblika m'għandhomx ikunu taħt l-istess Ministeru, jista' l-Ministru jgħid jekk bit-twaqqif tal-Awtorità għall-Ambjent, bħala operatur tal-iskart il-Wasterserv hux se tkun taqa' taħt ministeru ieħor peress li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi jingħad li se tkun ir-regolatur ta' dan il-qasam?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-mument opportun jingħata t-tagħrif kollu mitlub.

Separazzjoni ta’ skart — problema

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani għandu biex jindirizza dik li huwa stess iddeskriva bħala "racket" u ċjoe’ li ċerti operaturi tal-iskart qed iħalltu skart miġbur mid-djar ma' skart miġbur minn entitajiet kummerċjali b'mod li jġib fix-xejn l-isforzi li jiġi separat l-iskart mid-djar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jista’ jserraħ rasu li żgur mhux ser nagħmlu bħall-Gvern ta’ qabel, jiġifieri dak li jagħlaq għajnejh għall-dawn l-abbuzi fis-sistema. L-istakeholders group ser ikun qed jiġi kkonsultat u aġġornat dwar dan kollu – l-istess kif ser ikun il-pubbliku ingenerali fil-mument opportun.

Kaċċa – infurzar ta’ regolamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq l-infurzar tar-regolamenti tal-kaċċa minn Marzu 2013 sa Marzu 2014? Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' fiex saret din n-nefqa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li n-nefqa relatata ma infurzar kienet tlaħħaq madwar €675,000 u kienet tikkonsisti f’salarji tal-uffiċċjali tal-Wild Bird Regulations Unit relatati ma infurzar; salarji u spejjeż ta’ fuel għall-armata u salarji u spejjeż ta’ fuel għall-pulizija. Ta’ min ifakkar li x-xogħol ta’ infurzar irid isir il-ħin kollu sabiex Malta tista’ tonora l-obbligi tagħha.
Leg 12 PQ #9098 Sitting 145 2014-05-06 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Baġit 2014 – konferenza tal-aħbarijiet mill-Gvern

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 7802 u 6097 u ċjoè: Peress li fid-diskors tiegħu fil-Parlament ta' nhar it-Tlieta 12 ta' Novembru 2013, il-Prim Ministru indika li jaf kemm ġiet tiswa l-kampanja pubbliċitarja marbuta mal-Baġit 2014, jista' l-Prim Ministru issa jagħti tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 5816 u 5817? Jista' jgħid ukoll kemm ġew kommessi fondi għal din il-kampanja, fit-totalità tagħha, li qed issir riferenza għaliha?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għal mistoqsija Nru 7957
Leg 12 PQ #9087 Sitting 144 2014-05-05 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Fuljett Fidi u Tradizzjoni — pubblikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-fuljett 'Fidi u Tradizzjoni' li ġie ppubblikat mill-Ministeru għal Għawdex? Kemm-il kopja saret? Inħarġu tenders biex ġie ppubblikat dan il-fuljett? Min għamel ix-xogħol ta' stampar ta' dan il-fuljett?

Response (REFALO, ANTON)

Il-fuljett li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant sewa €800, kienu stampati 5,000 kopja u kien stampat wara sejħa pubblika għall-offerti.

Rapport dwar it-tniġġiż tal-arja

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar it-tniġġiż tal-arja mħejji għall-gvern mis-Sur Martin Scicluna u li l-Ministru kkonferma li kien sar mal-ġurnal The Malta Independent fil-ħarġatal-10 ta' April, 2014? Jista' l-Ministru jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta' azzjoni dwar it-tniġġiż tal-arja li wkoll skont l-istess rapport tħejja mis-Sur Scicluna?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-Sur Martin Scicluna ma ħejja l-ebda rapport iżda biss memorandum non-binding – konsultattiv – li ġie mitlub minni. F’dawn iċ-ċirkustanzi ma nħossx li huwa opportun jew xieraq li nilqa’ it-talba magħmula speċjalment meta huwa maħsub li jiġi kkunsidrat biss wara l-qasma tal-MEPA.

Strateġija Nazzjonali dwar l-Ambjent — inizjattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-inizjattivi meħuda mill-Ministeru tiegħu bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Ambjent minn Marzu 2013 ‘il hawn? Jista' l-Ministru jgħid liema inizzjattivi mniżżla fl-istess pjan ma setgħux jiġu implimentati u għaliex?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tniegħda proċess ta’ monitoraġġ sabiex jara kif il-politika nazzjonali tiġi implimentata. Ta min ifakkar illi l-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent fiha 39 policy u 208 miżura li jiddependu mill-ħidma ta’ diversi Ministeri u entitajiet sabiex jiġu mwettqa. Għal dan il-għan ġew appuntati Focal Points għall-implimentazzjoni tal-NEP fil-Ministeri kollha. Il-Ministeru fir-rwol ta’ koordinament għamel sensiela ta’ laqgħat mal- Focal Points biex isegwi l-ħidma tagħhom. L-istatus riċenti juri li m’hemm l-ebda miżura li ma tistax tiġi mwettqa.

Kumitat dwar is-siġar — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ltaqa' l-aħħar il-kumitat dwar is-siġar li kien waqqaf xi xhur ilu? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta' dan il-kumitat mit-twaqqif tiegħu sa issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kif jafu l-membri tal-kumitat nfushom, il-kumitat kien wieħed ad hoc u purament konsultattiv, li twaqqaf bil-ħsieb li l-Gvern tal-lum, fi stadju ulterjuri, jkun jista’ jikkunsidra l-ħsara li saret lis-siġar wara li l-Gvern preċedenti kien għadda avviż leġali li bih, fil-fehma ta’ ħafna esperti, fosthom xi membri tal-kumitat spiċċa biex dgħajjef il-ħarsien tas-siġar fiż-żoni urbani. Għaldaqstant ma nħossx li jkun xieraq li t-talba tal-Onor. Interpellant tiġi milqugħa.

Kunsill Xjentifiku Konsultattiv dwar l-Ambjent

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tal-Kunsill Xjentifiku Konsultattiv dwar l-Ambjent li dan l-aħħar ġie mħabbar li se jitwaqqaf? Minn min se jkun kompost? Meta dan jitwaqqaf, lejn min se jkun iwieġeb, lejn il-Ministeru jew lejn l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan il-Kunsill Xjentifiku Konsultattiv dwar l-Ambjent ser jitwaqqaf għall-istess skop li għalih twaqqfu kumitati simili f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Dan il-Kumitat ser jitwaqqaf matul din is-sena amministrattiva u bħal f’pajjiżi oħra ser ikun responsabbli lejn il-Ministru li jaħtru.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi — Tribunal

Question

Peress li f'intervista ma' The Sunday Times of Malta tat-13 ta' April 2014 il-Ministru aċċenna għall-fatt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li se titwaqqaf se tkun tista’ tappella quddiem it-Tribunal tal-Appelli, jista' l-Ministru jgħid minn min se jkun magħmul dan it-tribunal u kif se jintgħażlu l-membri tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant suppost jaf li l-Gvern ħareġ biss dokument ta’ konsultazzjoni li għad irid jiġi ffinalizzat.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – rwolijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkjarifika liema entità, direttorat jew sezzjoni fi ħdan il-Ministeru tiegħu hija responsabbli għal kull wieħed mir-rwoli li ġejjin fil-qasam tal-ħidma marbuta mal-bidla fil-klima: a. Reporting relatat ma’ obbligazzjonijiet Ewropej; b. Reporting relatat ma’ obbligazzjonijiet internazzjonali; c. Diskussjonijiet politiċi fuq livell internazzjonali; d. Diskussjonijiet tekniċi fuq livell internazzjonali; e. Diskussjonijiet dwar il-ftehim internazzjonali l-ġdid li jieħu post il-protokoll ta’ Kyoto; f. Diskussjonijiet politiċi u leġislattivi fuq livell Ewropew; g. Diskussjonijiet tekniċi fuq livell Ewropew; h. Disinn u implementazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali; u i. Moniteraġġ ta’ implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninsab infurmat li fil-każ ta’ kull rwol li rrefera għaliħ l-Onor. Interpellant, is-Segretarjat Permanenti huwa responsabbli għal koordinazzjoni meħtieġa. Fil-każ ta’ l-aħħar żewġ rwoli l-koordinazzjoni meħtieġa hija mmexxija mid-Direttorat għall-Ambjent u Tibdil fil-Klima fi ħdan l-imsemmi Segretarjat Permanenti. Fil-każijiet l-oħra l-koordinazzjoni ssir mid-Direttorat għall-Iżvilipp tal-Politika u Implimentazzjoni tal-Programm tal-istess Segretarjat. F’kull każ issir il-koordinazzjoni kollha meħtieġa mar-regolaturi rispettivi u Ministeri relevanti skont il-każ fosthom il-Malta Resource Authority.

Roundabout ta’ Kastilja – siġar tal-Palm

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li se jinqerdu numru konsiderevoli ta' siġar tal-palm li hemm fir-roundabout ta' quddiem Kastilja minħabba l-monument il-ġdid propost tal-ex Prim Ministru Dom Mintoff? Jista' jgħid jekk inħarġux il-permessi meħtieġa biex dawn il-palm jinqerdu? Jista' jgħid jekk id-Dipartiment tal-Plant Health ħariġx il-permessi meħtieġa skont il-liġi? Jista' jgħid jekk hemmx palm infettat fil-post imsemmi u jekk iva jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikati maħruġa mid-Dipartiment tal-Plant Health li juru liema minn dawn il-palm huma infettati u li għalhekk iridu jiġu distrutti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti ġie nfurmat mill-bidu dwar dan il-proġett u għalhekk saru wkoll diversi spezzjonijiet sabiex jiġi magħruf l-istat fitosanitarju ta’ dawn is-siġar tal-palm. B’kollox, mill-ispezzjonijiet li saru mid-Direttorat ġie stabbilit li hemm ħames siġar tal-palm li għandhom sintomi ta’ nfezzjoni tal-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm. Ninsab infurmat ukoll li d-Direttorat ta struzzjonijiet li dawn is-siġar tal-palm għandhom jiġu distrutti taħt is-superviżżjoni u fil-preżenza ta’ uffiċjali xjentifiċi tad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti kif stipulat fil-liġi. Il-ħsieb huwa li l-kumplament tas-siġar tal-palm l-ieħor li hemm fil-viċinanza ser jitħawlu fil-bankina ta’ biswit.

Roundabout ta’ Kastilja – siġar tal-Palm

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li se jinqerdu numru konsiderevoli ta' siġar tal-palm li hemm fir-roundabout ta' quddiem Kastilja minħabba l-monument il-ġdid propost tal-ex Prim Ministru Dom Mintoff? Jista' jgħid jekk inħarġux il-permessi meħtieġa biex dawn il-palm jinqerdu? Jista' jgħid jekk id-Dipartiment tal-Plant Health ħariġx il-permessi meħtieġa skont il-liġi? Jista' jgħid jekk hemmx palm infettat fil-post imsemmi u jekk iva jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikati maħruġa mid-Dipartiment tal-Plant Health li juru liema minn dawn il-palm huma infettati u li għalhekk iridu jiġu distrutti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-pjazza ta’ Kastilja ser jinqalgħu erbatax-il palma ( tnax ‘Phoenix Canariensis’ u tnejn ‘Wasingtonia Filifera’) Ħamsa minn dawn il-palmi (‘Phoenix Canariensis’) huma infettati u se jinqerdu. Is seba ‘Phoenix Canariensis’ l-oħra se jerġgħu jitħawlu ġo Pjazza Kastilja u iż-żewġ ‘ Wasingtonia Filifera’ se jitħawlu ġo ġnien Herbert Ganado. Permess tal-Mepa huwa DN 00285/14