Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjant ta’ Sant’ Antnin – balal tal-RDF mitfugħa fil-landfill tal-Għallis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex, kuntrarju għal dak li qalet il-Wasterserv fi stqarrija maħruġa fl-10 ta’ Settembru 2014, il-balal tal-RDF li sa ftit ilu kienu qed jinħażnu fl-Impjant ta’ Sant’Antnin issa qed jintefgħu fil-landfill tal-Għallis? Min ta l-ordni biex isir dan?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-WasteServ li fil-verità l-prassi li l-balal tal-RDF jinħażnu fl-Għallis għada tiġi eżerċitata u ila fis-seħħ mill-2010.

Impjant ta’ Sant’Antnin — Skart ittrasporat għal-landfill tal-Għallis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex nhar it-Tlieta, 16 ta’ Settembru 2014, l-iskart baqa’ jiġi ttrasportat mill-Impjant ta’ Sant’Antnin għal-landfill tal-Għallis sal-10pm meta l-permess tal-MEPA għal din il-landfill jistipula li operazzjoni bħal din għandha tieqaf sas-7pm?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-permess tal-MEPA bin-numru IP 0001/06/B jistipula li, fil-ġurnata msemmija, il-landfill tista’ topera sa l-għaxra ta’ bil-lejl.
Leg 12 PQ #10842 Sitting 187 2014-10-15 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjant ta’ Sant’Antnin — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret mill-uffiċjali tal-MEPA minn Marzu 2013 ’l hawn biex jiġi assigurat li l-operat tal-Impjant ta’ Sant’Antnin qed ikun skont il-kundizzjonijiet imposti mill-MEPA stess fil-ħruġ tal-permess għall-operat tal-Impjant?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lil-Onor. interpellant li minn Marzu ta' l-elfejn u tlettax, il-MEPA wettqet disa' spezzjonijiet fl-imsemmi mpjant, fid-dati sussegwenti: 1. 22 ta' Mejju 2013; 2. 27 ta' Gunju 2013 (flimkien mal-Kumitat ta' Monitoragg ta' Sant'Antnin); 3. 2 ta' Awwissu 2013; 4. 30 ta' Settembru 2013; 5. 14 ta' Frar 2014 (flimkien mad-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali) 6. 20 ta' Marzu 2014; 7. 9 ta' Gunju 2014; 8. 23 ta' Lulju 2014; u 9. 16 ta' Settembru 2014 (spezzjoni saret matul il-lejl).

Skart iġġenerat mill-borża l-griża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ skart iġġenerat mill-borża l-griża, xahar b’xahar minn Marzu 2013 ’l hawn?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-ammont ta’ skart mill-borża l-griża li ġie ddepositat għand il-WasteServ fil-perjodu indikat.

Impjant ta’ Sant’ Antnin – ipproċessar tal-boroż il-griżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-perjodu medju li l-boroż il-griżi jitħallew jistennew biex ikunu pproċessati fl-Impjant ta’ Sant’Antnin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, il-perjodu medju li l-borża l-griża titħalla maħżuna qabel l-ipproċessar, kemm issa kif ukoll fl-aħħar snin, huwa ta’ erbat ijiem.

Żurrieq – Miżbla ta’ Wied Fulija – riabilitazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet mal-MEPA dwar ir-riabilitazzjoni tal-miżbla magħluqa ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq? Jista’ jgħid jekk għandux xi mira sa meta dan il-proġett għandu jitlesta?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jien infurmat mill-WasteServ li wara diskussjonijiet bejn il-kumpanija u l-MEPA, ġie deċiż li ssir applikazzjoni għar-riabilitazzjoni ta’ Wied Fulija. Huwa ttamat li l-WasteServ tkun tista’ tapplika għall-Fondi Ewropej għal dan il-għan, għaldaqstant għadu kmieni wisq biex wieħed jagħti timeline.

Palm infettat mir-Red Palm Weevil

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ palm infettat mir-Red Palm Weevil minn Marzu 2013 ’l hawn? Jista’ jgħid kemm minn dan il-palm inqala’ s’issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, mill-ewwel ta’ Marzu 2013 sal-wieħed u tletin ta’ Awissu 2014, in-numru ta’ palm infettat bir- Red Palm Weevil fil-gżejjer Maltin kien ta’ 702, li minnhom ġew maqlugħa 630.

Impjant ta’ Sant’ Antnin – xogħlijiet fuq il-hydrolyser

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta tlesta x-xogħol fuq il-hydrolyser fl-Impjant ta’ Sant’Antin u kemm sewa biex issewwa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, ix-xogħolijiet fuq il-hydrolyser tlestew f’Mejju 2014 bl-ispiża tammonta għal tlett mija ħamsa u għoxrin elf, erbgħa mija wieħed u ħamsin Ewro.

Impjant ta’ Sant’Antnin – bibien tat-tinda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-bibien tat-tip fast roller shutter li bihom hija mgħammra t-tinda fl-impjant ta’ Sant’Antnin, fejn jiġi pproċessat l-iskart tal-borża s-sewda qed jitħallew miftuħa waqt li tkun għaddejja l-operazzjoni b'kawża li l-irwejjaħ joħorġu barra l-impjant, kuntrarju għal kif kien isir qabel? Jekk dan huwa l-każ għal-liema raġuni qed isir dan?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, mhux minnu li qed issir xi ħaġa li qabel ma kinitx issir. Mgħarraf li l-Konsultenti tas-Saħħa u Sigurta` fil-WasteServ jagħmlu spezzjonijiet regolari mal-impjant ta’ Sant Antnin u jirrikmandaw rimedji immedjati fejn tinħass il-ħtieġa. Kien hemm diversi okkażjonijiet fejn ir-roller shutters kellhom jinżammu miftuħin għal intervalli qosra meta nħass li jista’ jkun hemm periklu għall-impjegati fl-impjant. Dan ma jsirx fuq bażi regolari imma skont il-ħtieġa kif mistenni fl-interess tas-saħħa u sigurta` fuq il-post tax-xogħol. Minħabba li dawn huma miżuri temporanji u okkażjonali meħuda għar-raġunijiet ta’ saħħa u sigurta` ma jinħassx il-bżonn li l-WSM toqgħod tinforma lill-MEPA. M’hemm l-ebda ħsieb li ttul din il-prattika għaliex qed jittieħdu miżuri oħra kemm ta’ manutenzjoni fil-makkinarju tal-impjant kif ukoll fis-sistemi li jintużaw biex tiżdied l-effiċjenza u jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tal-ambjent u tal-arja fl-impjant.

Impjant ta’ Sant’Antnin – ħinijiet tal-operat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħinijiet tal-operat tal-impjant ta’ Sant’ Antnin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, il-ħinijiet tal-operat tal-impjant ta’ Sant’ Antnin matul il-ġimgħa huma skont il-permess tal-MEPA, jigifieri mis-6:30 sal-22:30 għall-Mechanical Treatment Plant / Anaerobic Digestion u mis-6:30 sas-18:30 għall-Materials Recovery Facility.

Wasteserv – ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta’ ħaddiema assenjati xogħol mal-Wasteserv? Jista’ jindika n-numru ta’ kull kategorija ta’ ħaddiema u f’liema sezzjoni tal-kumpanija jaħdmu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni miġbura.

Impjant ta’ Sant’Antnin – Skart RDF

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu twil il-perjodu ta’ żmien li fih l-iskart RDF qed jitħalla maħżun fl-Impjant ta’ Sant’Antin qabel ma jinbiegħ skont il-politika kurrenti ta’ dan il-Gvern?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, il-perjodu medju li fih il-materjal RDF jitħalla maħżun fl-impjant ta’ Sant Antnin huwa dak ta’ ġimgħa.

Wasteserv – skart RDF — tenders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tender ħarġet il-Wasteserv minn Marzu 2013 ’l hawn biex jinbiegħ l-iskart RDF iġġenerat? Jista’ jindika d-dati li fihom ħarġu dawn is-sejħiet għall-offerti, jekk fil-fatt ħarġu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, minn Marzu 2013 ‘l hawn inħarġu 3 tenders. Id-dati rispettivi kienu fis-26 ta’ Lulju 2013, fit-23 t’Awwissu 2013 u fit-13 ta’ Ġunju 2014.

Ta’ Qali – CA site

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-CA site li kellha tinfetaħ f’Ta’ Qali f’Diċembru 2013 għadha ma nfetħitx?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jiena nfurmat mill-WasteServ li għalkemm ix-xogħolijiet fuq il-kuntratt prinċipali tas-CA site ġie konkluż, baqgħu jsiru ċertu xogħolijiet ta’ mportanza b’żieda ma’ dak meħtieġ, bħal per eżempju installazzjoni ta’ traffic barriers u sistema ta’ CCTV, twaħħil ta’ madum mal-ħajt fil-binja tal-composter għall-fini ta’ iġene u tisbiħ permezz ta’ siġar u pjanti.
Leg 12 PQ #10324 Sitting 177 2014-07-15 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

Good Causes Fund — għotja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-għotja lill-għaqda li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatement imwegħda bil-miktub lill-imsemmija għaqda mill-amministrazzjoni preċedenti taħt il-Good Causes Fund, hux se tingħatalhom?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Tweġiba: Ngħarraf lill-Onor Interpellant li la darba tkun ippreżentata d-dokumentazzjoni kollha neċessarja u meta jkunu saru l-verifiki meħtieġa, kif jitolbu r-regolamenti tal-imsemmi Fond, l-impenji li saru fl-imgħoddi u dawk li jsiru fil-preżent, jkunu onorati.

Ħ'Attard — Kulleġġ San Nikola - tnaqqis ta' klassijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li mis-sena skolastika li jmiss jitnaqqsu klassijiet mill-iskola primarja, Kullegg San Nikola ta' Ħ'Attard? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk hux previst li se jkun hemm għalliema li fil-preżent qed jgħallmu f'din l-iskola li se jiġu redundant minn din l-iskola u jekk iva kemm hu n-numru ta' dawn l-għalliema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fis-sena skolastika 2014/2015 in-numru ta’ klassijiet fl-iskola primarja ta’ Ħ’Attard se jonqos peress li se jkun hemm tnaqqis fin-numru ta’ studenti li se jattendu f’din l-iskola fil-livell primarju. Waħda mill-għalliema se tiġi redundant minn din l-iskola u se tintalab isservi ġo skola oħra. Infurmat ukoll li dan it-tip ta’ eżerċizzju jsir kull sena għal kull waħda mill-iskejjel statali. Il-klassijiet jiżdiedu jew jonqsu skont il-ħtieġa.

Inċineratur Marsa — waqfien

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9983 jista' l-Ministru jgħid kemm mill-waqfiet tal-inċineratur tal-Marsa li seħħew fl-2012 u sal-15 ta' Marzu 2013 kienu waqfiet programmati għal maintanance ta' rutina skont l-maintenance plan tal-inċineratur u kemm kienu waqfiet minħabba problemi li żviluppaw? Jista' jispjega 'l għala fl-2013 l-impjant ħadem numru ta' sigħat inqas minn kemm ħadem fl-2012? X'miżuri qed jittieħdu sabiex in-numru ta' waqfiet mhux programmati jitnaqqsu jew jiġu eleminati matul il-bqija tal-2014?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ il-waqfiet li seħħew fl-2012 sal-15 ta' Marzu 2013, minħabba problemi mhux prevvisti, ammontaw għal 17 –il ġurnata jew aħjar 14% mit-total ta’ ġranet ta’ waqfien. Intant kuntrarju għal dak allegat mill-Onor. Interpellant, ma jirriżultax li fl-2013 l-impjant ħadem anqas mill-2012, fejn matul is-sena 2013 l-inċineratur twaqqaf total ta’ 104 il-ġurnata, meta fis-sena ta’ qabel twaqqaf 115 il-ġurnata.

Boroż ta’ studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il borża ta’ studju ingħatat lil studenti taħt l-iskemi Malta Government Scholarship Scheme (MGSS), Strategic Educational Pathways Scholarships (STEPS) jew xi skema oħra amministrata mill-Ministeru tiegħu għal studji relatati mal-ambjent kull sena minn kemm ilhom jiġu offruti? Jista’ jindika kemm ingħataw boro¿ ta’ studju għall-Masters u għal PhD separatement dwar l-istess qasam? Jista’ jindika kemm minn dawn il-boroż ta’ studju, jekk fil-fatt ingħataw, ingħatawx għal riċerka li tiffoka fuq il-bidla fil-klima?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Bidla fil-klima – riċerka

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi programmi ta’ riċerka għaddejjin bħalissa fl-Universita’ ta’ Malta li jiffokaw dwar il-bidla fil-klima? Jista l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ studji li saru f’dan ir-rigward mill-istess Universita’ mill-2008 ‘il hawn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.