Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mosta — triq Pantar - traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir xi ħaġa biex tiġi solvuta l-problema ta' traffiku li qed jinġema' fit-tarf ta' Triq Pantar li tmiss ma' Triq il-Belt Valletta fil-Mosta, liema sitwazzjoni nibtet meta nfetaħ l-aċċess minn Triq Pantar għal Triq il-Belt Valletta direzzjoni Birkirkara għall-karozzi kollha u mhux tal-linja biss?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta għamlet modifiki fis-sistema tal-horizontal line markings li jwasslu għal din il-junction.

Il-Mosta — proġett ta’ shopping village – traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani qed isiru għat-traffiku in vista tal-proġett massiċċ li ħareġ approvazzjoni għalih mill-MEPA u li permezz tiegħu se jinbena shopping village fiż-żona li qabel kienet tappartjeni lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qegħdin jintbagħtu separatament u li tmiss ma' Triq Pantar, ma' Triq il-Belt Valletta u maċ-Charles Abela Memorial Stadium fil-Mosta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni għall-iżvilupp PA 1766/14 li ġiet approvata mill-MEPA fil-31 ta’ Lulju 2014 u li tikkonċerna dan il-proġett, tistipula l-kundizzjoni li l-iżviluppatur għandu l-obbligu jiffinanzja parti mill-upgrading tal-inkroċju tas-sinjali tat-traffiku bejn Triq Pantar u Triq Valletta, kif ukoll il-parti tar-roundabout bejn Triq Valletta u Vjal il-Labour. It-Traffic Impact Statement (TIS) li ġie ppreparat għal din l-applikazzjoni kien qed ibassar li sas-sena 2020, biż-żieda fil-volum tat-traffiku, u mingħajr l-iżvilupp innifsu, kien jirrikjedi modifiki f’dawn iż-żewġ inkroċji sabiex ilaħqu ma’ din iż-żieda. Għaldaqstant it-TIS analizza disinji alternattivi u nstab li ż-żewġ inkroċji setgħu jitħaddmu b’mod sodisfaċenti fil-futur qarib u bl-iżvilupp mistenni, billi jsiru xi modifiki minuri fi-disinn u l-operat ta’ dawn l-inkroċji. Id-disinn modifikat għall-inkroċju tas-sinjali tat-traffiku jinkludu l-obbligu li l-iżviluppatur iċedi parti mill-propjetà tiegħu sabiex titwessa Triq Pantar sabiex takkomoda volum ikbar tat-traffiku kif ukoll isir aġġustament fl-operat tas-sinjali tat-traffiku. Fir-rigward tar-roundabout bejn Triq Valletta u Vjal il-Labour jinħtieġ isiru xi aġġustamenti fil-ġeometrija tat-toroq li jwasslu għall-istess roundabout u tkabbir fil-wisa’ tal-karreġġjata ta’ madwar ir-roundabout.

Pensjonanti li jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għalqu l-età tal-pensjoni u li għadhom fl-impjieg kemm mas-settur pubbliku jew ma' xi entità pubblika kif ukoll mas-settur privat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandu f’idejh id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, jirriżulta li hemm 9,935 persuna li qiegħdin jirċievu l-pensjoni tal-irtirar, u li għandhom impjieg miftuh u irreġistrat mal-Korporazzjoni tal-Impjiegi u Taħriġ (ETC). Inżid ukoll illi, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma għandux fil-pussess tiegħu l-informazzjoni mitluba rigward is-settur tal-impjieg għaliex mhix neċessarja sabiex tiġi maħduma l-pensjoni kontributorja.

persuni b’eta ta’ mitt sena jew iktar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini Maltin u Għawdxin li għandhom mitt sena jew aktar u li jgħixu f'pajjiżna? Jista' jindika l-età u n-numru ta' persuni f'dik l-eta'?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #11375 Sitting 190 2014-10-22 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Settur pubbliku – sick leave meħud

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont globali ta' sick leave meħud minn persuni impjegati fis-settur pubbliku mill-1 ta' Ottubru 2013 sal-1 ta' Ottubru 2014?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Bring-in Sites — tibdil

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ħsieb biex il-bring-in sites li llum ilhom fis-servizz madwar għaxar snin jibdew jiġu mibdula? Huwa minnu li din l-ispiża se tgħaddi fuq il-kunsilli rispettivi? Jekk le, x’inhu l-pjan biex dawn jinbidlu b’mod gradwatorju?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-WasteServ li l-bring-in sites kienu koperti b’kuntratt bejn il-WasteServ u l-Kunsilli Lokali li skada f’Awwissu li għadda. Teknikament minn dakinhar dawn saru responsabbilita` tal-Kunsilli Lokali. Madankollu għaddejjin diskussjonijiet mal-Minsteru kkonċernat sabiex tkun identifikata l-aħjar triq il-quddiem.

Waste Transfer Station u CA Sites

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda jaħdem il-Waste Transfer Station f’Għawdex u c-CA Site tal-Pitkalija għax fi stqarrija pubblika l-WasteServ qalet li dawn il-proġetti qegħdin on-track?

Response (BRINCAT, LEO)

Nikkonferma li mill-informazzjoni mgħoddija lili mill-WasteServ, il-proġetti qegħdin on-track. Il-Waste Transfer Station f’Għawdex ser jibda jaħdem għall-aħħar tas-sena 2015, filwaqt li s-CA Site f’Ta’ Qali ser tinfetaħ għall-użu tal-pubbliku qabel l-aħħar tas-sena 2014.

Impjant ta' Sant'Antnin – monitoraġġ ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala s-sit elettroniku tal-Wasteserv qed jindika (għall-anqas sat-8 ta' Ottubru) li l-aħħar monitoraġġ ambjentali tal-Impjant ta' Sant'Antnin sar f'Jannar 2014? Għaliex ma ttellgħux aktar rapporti minn dak ix-xahar sal-lum? Huwa każ li ma sarux, jew li ma ġiex aġġornat is-sit?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-WasteServ tikkonferma li l-monitoraġġ ambjentali jsir kull tlett xhur. Il-kumpanija tikkonferma li l-monitoraġġ sar anke fix-xahar ta’ Ġunju 2014. Ir-riżultati għadhom ma jidhrux fuq is-sit elettroniku għax dan għadu jrid jiġi aġġornat. Il-WasteServ tikkonferma ukoll li dan l-istess monitoraġġ qiegħed isir anke matul ix-xahar t’Ottubru.

TTF emission readings

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala skont statistika mtella' fuq is-sit elettroniku tal-Wasteserv bejn it-3 u s-6 ta' Ottubru 2014 it-TTF emission readings immarka 0? Ġew investigati dawn ir-riżultati? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni għalihom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, fl-istatistika mtella' fuq is-sit elettroniku tal-WasteServ bejn it-3 u s-6 ta' Ottubru 2014, it-TTF emission readings immarka 0 minħabba li l-impjant kien mitfi għal manutenzjoni ta’ rutina.

Wied il-Għajn – Il-Magħluq — riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għandux il-ħsieb jintervjeni sabiex jiġi riabilitat u mmonitarjat aħjar is-sit fil-Magħluq f'Wied il-Għajn li huwa wkoll parti min-network Natura 2000? Hemm il-ħsieb li jiġu rilokati papri li ġew introdotti minn xi nies xi ftit tas-snin ilu u li jingħad li qed jattiraw għad kbir ta' firien?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-materja nkwistjoni taqa’ taħt ir-responsabilità tal-MEPA. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat

Tibdil fil-Klima – stima ta’ Commitments

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stima ta’ kemm huwa pproġettat li se jiswew lil pajji¿na l-commitments li għamel aċċenn għalihom il-Prim Ministru fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-bidla fil-klima fit-23 ta' Settembru li għadda, speċjalment dawk il-commitments li jmorru lil hinn mill-commitments li għandha Malta mal-EU dwar l-istess qasam?

Response (BRINCAT, LEO)

Nixtieq ninforma lil-Onor. Interpellant illi l-impenji li għamel referenza għalihom il-Prim Ministru waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidla fil-klima fit-23 ta’ Settembru li għadda, huma relatati mal-impenji li Malta għandha bħala membru fil-Kyoto Protocol taħt il-UNFCCC u b’hekk ukoll l-impenji li għanda Malta mal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam. Malta għandha l-obbligu li, bħala pajjiż żviluppat, kif inhi rikonoxxuta fl-Anness Nru. I tal-Kyoto Protocol u bħala Membru tal-Unjoni Ewropea, tipprovdi r-riżorsi neċessarji kemm b’mod finanzjarju kif ukoll permezz ta’ assistenza teknika sabiex timplimenta u tassisti pajjiżi aktar vulnerabbli minnha sabiex huma ukoll jimplimentaw l-istess protocol. F’dan ir-rigward, wieħed mill-impenji teknikċi sabiex jintlaħqu dawn l-obbligi huwa li Malta ser tagħti boroż ta’ studji lill-pajjiżi aktar vulnerabbli u pajjiżi oħra li għadhom qed jiżviluppaw. Għalhekk dawn il-boroż ta’ studji ser ikunu parti mill-obbligu li pajjiżna ser jikkometti għall-implimentazzjoni tal-Kyoto Protocol rigward l-azzjonijiet favur il-klima.
Leg 12 PQ #10843 Sitting 188 2014-10-20 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjant ta’ Sant’Antnin — spezzjonijiet

Question

Peress li fi stqarrija l-Wasteserv qalet li saru seba’ spezzjonijiet mill-MEPA fl-Impjant ta’ Sant’Antnin sa minn Marzu 2013 biex jiġi assigurat li l-operat tiegħu jkun skont il-permess maħruġ, jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn ir-rapporti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, kopja ta' kull rapport tal-MEPA li kien mgħoddi lil WasteServ Malta Ltd.

WasteServ – re-deployment ta’ professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irriżenjaw jew ġew re-deployed professjonisti mill-WasteServ f’dawn l-aħħar erba’ xhur? Jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni, każ b’każ, li dawn il-professjonisti ċċaqilqu mill-WasteServ? Jista’ jgħid kemm kienu ilhom il-professjonisti li matul dawn l-erba’ xhur irriżenjaw jew ġew re-deployed mal-WasteServ każ b’każ? Jista’ jgħid x’kienu l-aħħar responsabilitajiet ta’ dawn il-professjonisti, wieħed wieħed jew waħda waħda, qabel irriżenjaw jew ġew re-deployed?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni miġbura.

L-Inċineratur tal-Marsa, l-Impjant ta’ Sant Antnin u l-Landfill — operaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kwalifiki u l-esperjenzi tal-uffiċjali li llum qed joperaw l-inċineratur tal-Marsa, l-Impjant ta’ Sant Antnin u l-landfill tal-Għallis? Jista' jagħti din l-informazzjoni b’mod individwali għal kull impjant imsemmi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni miġbura.

WasteServ, l-Impjant ta’ Sant Antnin, l-Inċineratur u l-Landfill — organigrammi

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta l-organigramma tal-WasteServ kollha u kif ukoll l-organigramma tal-operat ta’ kull impjant, u ċjoè, Sant Antnin, Landfill u l-Inċineratur?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bl-informazzjoni miġbura. Tabella A turi l-organigramma tal-WasteServ, filwaqt li Tabella B turi l-organigramma ta’ Sant’ Antnin, l-organigramma tal-Landfill u l-organigramma tal-Inċineratur.

WasteServ – Żieda fir-Riċiklaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif fi stqarrija pubblika li ħarġet il-WasteServ qed jingħad li r-riċiklaġġ żdied f’dawn l-aħħar sentejn? Jista’ jippreżenta l-istatistika uffiċjali li turi dan?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni miġbura. L-informazzjoni titkellem waħidha.

Impjant ta’ Sant Antnin –skemi għal skart separat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskemi li llum idaħħlu skart separat fl-Impjant ta’ Sant’Antnin? Jista’ jgħid kemm daħal materjal għand il-WasteServ minn dawn l-iskemi sena b’sena tul dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jgħid x’kien l-introjtu għall-WasteServ minn dan is-servizz u mill-bejgħ tal-materjal sena b’sena tul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni miġbura.

Wasteserv – Tibdil fil-proċessi tal-Impjant ta’ Sant’Antnin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proċessi li skont il-Wasteserv iridu jinbidlu għaliex temmen li qed jikkontribwixxu għall-irwejjaħ fl-impjant ta’ Sant’Antin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żewġ proċessi li l-WasteServ temmen li minn dejjem ikkontribwixxew għall-irwejjaħ, u għaldaqstant huma komessi li jtejbu, huma l-proċess ta’ kif jidħol l-iskart fl-impjant ta’ Sant Antnin u l-proċess tal- Wet Treatment Plant.

Impjant ta’ Sant’ Antnin – elettriku ġġenerat mill-iskart organiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie ġġenerat elettriku mill-iskart organiku fl-impjant ta’ Sant’Antnin, xahar b’xahar minn Marzu 2013?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, wara x-xogħolijiet ta’ tiswija fuq il-hydrolyser, l-ammont ta’ elettriku li qed jiġi ġġenerat mill-iskart organiku fl-impjant ta’ Sant Antnin huwa ta’ madwar 35,000kWh fil-ġimgħa. It-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-elettriku ġġenerat minn Marzu 2013 sa nofs Settembru ta’ din is-sena.

Impjant ta’ Sant’ Antnin – bibien miftuħa

Question

Peress li fi stqarrija maħruġa fl-10 ta’ Settembru l-Wasteserv qalet li konsulent dwar is-saħħa u s-sigurtà ta parir li l-fast roller shutters fl-impjant ta’ Sant’Antnin iridu jinfetħu minn ħin għal ħin, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien issuġġerit mill-istess konsulent li jkunu twal l-intervelli li fihom il-bibien iridu jibqgħu miftuħa? Jista’ jgħid jekk il-MEPA ġietx infurmata mill-Wasteserv dwar dan il-parir u, jekk iva, meta? Kemm hemm il-ħsieb li ttul din il-prattika li qed tikkontribwixxi għal żieda fl-intejjen li joħorġu minn dan l-impjant?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għal-mistoqsija parlamentari 10825.