Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess sabiex jitwaħħlu traffic lights fi Triq l-Imdina, Ħ'Attard, b'applikazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-istess lokalità?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-programm tas-sistema tat-traffiku huwa lest u l-controller tat-traffic lights huwa programmat. Kollox mistenni li jiġi installat fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jagħti figuri u jgħid minn kemm-il Carnet de Chasse ġew miġbura l-figuri ppubblikati mill-MEPA u l-Wild Birds Regulation Unit għas-snin 2010, 2011, 2012 u 2013?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jiena nfurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li n-numru ta’ Carnet de Chasse kienu ta’ 12,660 għas-sena 2010, 13,511 għas-sena 2011, 13,209 għas-sena 2012 u 13,486 għas-sena 2013.
Jista’ l-Ministru jagħti figuri ta’ kemm ġew mibgħuta SMSs kuljum, ġurnata b'ġurnata, għall-għasafar tal-għana li nqabdu fl-istaġun tal-insib li għalaq f'Diċembru li għadda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-informazzjoni relatata mal-qbid tal-għasafar tal-għana għada qed tiġi proċessata u analizzata flimkien ma’ dettalji oħra. Din l-informazzjoni titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta tiġi kkompilata.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk talabx lin-nassaba jirritornaw iċ-ċrieket li ma ntużawx, kemm inġabru minnhom u x'passi ser jittieħdu kontra min ma jirritornax iċ-ċrieket u ma ddikjarax li qabad għasafar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretariat Parlamentari li l-Wild Birds Regulation Unit, fuq rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis, stabbiliet proċedura sabiex ċrieket, hekk msejħa single-use, li ma’ ntużawx waqt l-insib, jiġu miġbura lura. Skond il-Liġi Sussidjarja 504.124, ċrieket single-use li ma ntużawx min-nassaba waqt l-istaġun miftuħ għandhom jiġu rritornati lura lill-Wild Birds Regulation Unit wara l-għeluq tal-istaġun flimkien mal-Carnet de Chasse. Dawn iċ-ċrieket mhux użati, flimkien mal-Carnet de Chasse riedu jiġu ritornati f’xi waħda mil-fergħat tal-Maltapost f’Malta u Għawdex, bejn it-Tnejn 2 ta’ Frar u t-13 ta’ Frar 2015, iż-żewg dati nklużi. Dawk in-nassaba tal-għasafar tal-għana li ma rritornawx iċ-ċrieket f’dan il-perjodu stabbilit għandhom jiġu mmultati €5 ta’ kull ċurkett mhux ritornat. Nassaba li ma jirritornawx tali ċrieket jew ma jħallsux il-multa ma jistgħux iġeddu l-liċenzja. Din il-proċedura ġiet mgħarrfa lin-nassaba liċenzjati kollha, li għandom il-liċenzja speċjali, permezz ta’ ittra reġistrata mibgħuta lilhom f’Jannar ta’ din is-sena, kif ukoll permezz ta’ avviżi ċirkulati lill-għaqdiet tal-kaċċaturi u permezz ta’ pubblikazzjoni fil-gazzetta tal-kaċċaturi u nassaba “Il-Passatemp”.
B ‘referenza għal dak li ħabbar fi stqarrija maħruġa permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni fid-29 ta’ Diċembru li għadda (PR 143014), jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-estensjoni msemmija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tal-estensjoni msemmija.
Wild Birds Regulations Unit – ingaġġ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kwalifiki akkademiċi tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li ġie ingaġġat mal-Wild Birds Regulations Unit fi ħdan il-Ministeru tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jien infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, fil-fatt għandha Master of Science Degree fil-Konservazzjoni u l-Maniġment tal-Biodiversita` mill-Universita` ta’ Londra.
Transport Malta – Ħ'Attard — Triq in-Nutar Zarb - żebgħa taż-zebra crossing
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandhiex il-ħsieb li tiffriska ż-żebgħa taż-zebra crossing fi Triq in-Nutar Zarb f'Ħ'Attard minħabba li din iċċarat ħafna u qed toħloq diffikultà għal min jużaha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Line Markings f’din l-area inkluż refreshing ta’ Pelican Crossings se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se titnieda l-kampanja edukattiva dwar is-separazzjoni tal-iskart li għaliha saret referenza fid-diskors tal-baġit għall-2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-ġimgħat li għaddew il-Ministeru beda l-kampanja li tindirizza l-importanza tal-immaniġġjar tal-iskart. Din il-kampanja tinkorpora messaġġi fuq social media, fuq LED display boards, kif ukoll fuq gazzetti online. Fil-frattemp, ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru diġa beda wkoll jaħdem sabiex iniedi kampanja edukattiva dwar is-separazzjoni tal-iskart fit-tul u fuq skala akbar, li ser issegwi l-implimentazzjoni tal-istrategija tal-Gvern dwar l-immaniġġjar tal-iskart.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ ristrutturar li saret referenza għalih fid-diskors tal-baġit għall-2014? Meta ser jispiċċa dan il-proċess?
Response (BRINCAT, LEO)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant l-intervent ta’ ristrutturar li kien hemm bżonn fil-WasteServ huwa wieħed kunsiderevoli u dan, għaliex kif jixhdu d-diversi rapporti indipendenti li kummissjonajna, aħna sibna stat miskien, bil-kumpanija nieqsa minn sens xieraq ta’ akkontabbilta’. Sal-lum, minbarra ċ-Chief Executive, ġol-WasteServ kienu ingaġġati Chief Project Manager, Chief Corporate Services Officer, Chief Officer Strategy Implementation, Chief Financial officer, HR Manager, IT Manager, Health & Safety Manager, 2 Plant Engineers u diversi pożizzjonijiet oħra sabiex intejbu l-operat u l-effiċjenza u nżidu l-akkontabilita’. Dan minbarra ċaqliq fl-iskedi tax-xogħol sabiex ikun żgurat iżjed effiċjenza. Il-proċess ta’ ristrutturar huwa wieħed dinamiku u kontinwu sabiex nilqgħu sew għall-isfidi tal-kumpanija.
Wied il-Għajn – Park tal-Familja – pjan għall-manutenzjoni u l-immaniġġjar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefaq sa issa fuq it-tfassil tal-pjan għall-manutenzjoni u l-immaniġġjar tal-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn li għalih saret referenza fid-diskors tal-baġit għall-2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-nefqa għall-manutenzjoni u għall-immaniġġjar tal-Park tal-Familja ġewwa Wied il-Għajn għas-sena 2014, s’issa, t'ammonta għal €324,256.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-programm pilota ta’ investiment fi qsari li jsebbħu ż-żoni urbani u li għalih saret referenza fid-diskors tal-baġit għall-2014? Meta ser jispiċċa dan il-proċess?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’Lulju li għadda kien ġie ffirmat Memorandum of Understanding (MOU) bejn il-Ministeru u erba’ Kunsilli Lokali: Fgura, Msida u San Pawl il-Baħar f’Malta, u Victoria ġewwa Għawdex. B’dan il-ftehim il-Kunsilli nvoluti ntrabtu li jsebbħu r-raħal tagħhom b’diversi siġar, buxxelli u qsari skont il-ħtiġijiet ta’ tali kunsilli. Il-Gvern, minn-naħa tiegħu iffinanzja din l-inizjattiva.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-programm pilota ta’ investiment fi qsari li jsebbħu ż-żoni urbani u li għalih saret referenza fid-diskors tal-Budget għal 2014? Meta ser jispiċċa dan il-proċess?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru ikkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba għaċ-ċittadinanza Maltija tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Il-persuna konċernata applikat sabiex tkun naturalizzata bħala ċittadin ta’ Malta. Din l-applikazzjoni għadha qiegħda tiġi proċessata. Kif tiġi ffinalizzata din il-persuna tingħata risposta tad-deċiżjoni bil-miktub.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini Maltin u Għawdxin li għandhom mitt sena jew aktar u li jgħixu f'pajjiżna? Jista' jindika l-età u n-numru ta' persuni f'din l-età?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-Reġistru Pubbliku jinżammu Atti ta' twelid, żwieġ u mewt f'tlett reġistri differenti. Ir-reġistrazzjonijiet tat-twelid jmorru lura sas-sena 1863 u għaldaqstant tfiċċija dwar kemm hemm atti ta' nies ta' mitt sena jew aktar fir-reġistri, ser tirriżulta f'ħafna. Izda peress li, r-Reġistru Pubbliku ma jkollux informazzjoni dwar fejn jgħixu tali nies, jekk emigrawx, jew saħansitra kemm minnhom mietu barra minn Malta; u peress li fl-istess ħin hemm nies barranin u ċittadini Maltin oħra li ma twieldux Malta, iżda huma rreġistrati fir-Reġistru Pubbliku meta dawn mietu f'Malta, ma tistax tingħata tweġiba għall-mistoqsija, ma tistax tingħata ċifra preċiża.
Wied il-Għajn – Il-Magħluq – Riabilitazzjoni u moniteraġġ
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għandux il-ħsieb li jintervjeni sabiex jiġi riabilitat u mmoniterjat aħjar is-sit fil-Magħluq f'Wied il-Għajn li huwa wkoll parti min-network Natura 2000? Hemm il-ħsieb li jiġu rilokati papri li ġew introdotti minn xi nies xi ftit tas-snin ilu u li jingħad li qed jattiraw għadd kbir ta' firien?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-MEPA, matul dawn l-aħħar sentejn, wettqet proġett li kien finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea u li permezz tiegħu ħejjiet pjan ta' ġestjoni għal dan is-sit, wara li kienet ħarġet offerta għall-tenders li kienet intrebħet minn konsorzju magħmul minn żewġt kumpaniji, li huma Adi Associates Environmental Consultants Ltd. u Epsilon International S.A. Dan il-pjan kien wieħed fost 22 pjan ieħor u 8 ordni ta' konservazzjoni li permezz taghħom ġew koperti is-siti Natura 2000 kollha fuq l-art.
Dan il-pjan ta' ġestjoni jinkludi numru ta' objettivi li huma akkumpanjati minn numru ta' miżuri u azzjonijiet li jridu jitwettqu sabiex dan is-sit ta' importanza naturali jinżamm fi stat ta' konservazjzoni tajjeb. Fost il-miżuri nsibu dawk ta' monitoraġġ ta' diversi speċi u ambjenti, il-manteniment fi stat tajjeb tal-konnessjoni li hemm bejn l-ilma tal-Magħluq u l-bajja, it-tneħħija tat-tjur li mhumiex naturali tal-post, installazjoni ta' tabelli li jiddeskrivu xi biodiversita' tal-post u kampanja pubblika biex tiżdied il-kuxjenza tal-importanza ta' dan is-sit kif ukoll it-tħejjija ta' skeda ta' sorveljanza biex jitjieb l-infurzar tal-liġi.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal it-tfassil tal-Politika Nazzjonali dwar l-ambjent li għaliha saret referenza fid-diskors tal-baġit għall-2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-isforz biex tkun imbuttata l-quddiem il-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent tal-2012, din is-sena, wara diskussjonijiet li saru fl-għola livelli, tniediet sistema ta’ Focal Points f’kull Ministeru responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha, bil-għan li naraw li jiġu implimentati l-miżuri tal-policy meqjusa fattibbli mill-Ministeri nfushom, sabiex tingħata spinta l-quddiem lill-implimentazzjoni u lill-monitoraġġ ta’ din il-Politika u dan wara li tlaqqaw is-Segretarji Permanenti rispettivi ukoll. Saru diversi laqgħat dwar il-miżuri msemmija fil-Politika mal-Focal Points fil-Ministeri u fejn kien hemm bżonn saru laqgħat mal-aġenziji kkonċernati li jaqgħu taħt kull Ministeru. Fl-istess żmien tkompliet tinġabar informazzjoni dwar l-istatus tal-miżuri fil-Policy.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal it-twettiq tal-istrateġija tal-Green Jobs li għaliha saret referenza fid-diskors tal-baġit għall-2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2014 sar xogħol konsiderevoli fuq din l-istrateġija li qed tkun pilotata mill-Ministeru tiegħi flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. Diġa tfassal abbozz preliminari flimkien ma’ lista ta’ miżuri proposti li qed ikunu diskussi mal-Ministeri l-oħra. Is-settur privat intalab ukoll jagħmel il-proposti tiegħu. Kif il-lista ta’ miżuri li għandhom il-potenzjal li jħaddru l-ekonomija tkun finalizzata u maqbula bejn il-Ministeri, din sa tiġi suġġetta għall-evalwazzjoni ekonomika biex jiġi identifikat il-potenzjal ta’ dawn il-miżuri għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol. Il-ħsieb huwa li l-abbozz ikun lest matul l-ewwel nofs tas-sena 2015.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11132, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-organigramma li ġiet iċċirkulata lil xi impjegati tal-Wasterserv mill-Kap Eżekuttiv ftit tal-ġranet ilu? Jista' jindika kemm hemm vakanzi għall-post ta' Facility Manager u għal Plant Engineer u fejn jeżistu dawn il-vakanzi? X'inhuma l-iskala u l-allowances marbuta ma' dawn il-gradi? Jista' jgħid jekk f'dawn l-aħħar tliet xhur imtlewx xi vakanzi f'dawn iż-żewġ rwoli u jekk iva, imtlewx minn barra jew minn ġewwa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jien infurmat mill-WasteServ li filfatt ma tqassmet l-ebda organigramma lil xi impjegat tal-WasteServ. Infurmat ukoll li fil-preżent ma hemmx vakanzi ta’ Facility Manager iżda hemm waħda ta’ Plant Engineer għall-proġett tal-Malta North.
L-iskala ta’ dawn il-gradi hija waħda maniġerjali skont l-istruttura tal-WasteServ li tinkorpora l-ħlas ta’
allowances
bħalma huma
obnoxious, disturbance
, mowbajl u
car allowance
.