Legislature:
Category:
Reset
Active:

Isla — Dawl fix-Xatt

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li x-xatt tal-Belt Senglea jiġi mdawwal ferm aħjar milli huwa sabiex wieħed jħajjar aktar nies jinżlu jieklu hemm fil-għaxija anke fix-xhur tax-xitwa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli. 16.11.98
Leg 9 PQ #955 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tat-Turiżmu

Ħaddiema — Beach cleaners

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li l-ħaddiema impjegati taħt l-isem ta' beach cleaners jingħataw numru ta' lezzjonijiet fuq l-importanza tal-kultura u l-ambjent ta' pajjiżna u dan sabiex japprezzaw aħjar ħidmiethom?

Response (REFALO, MICHAEL)

Napprezza s-suġġerimenti ta' l-Onor. Membru u sejjer nara' x'jista' jsir f'dan ir-rigward. Nittama wkoll li l-Onorevoli Ħabib tiegħi jaċċetta kull eventwali stedina li lest nagħmillu biex igħin fil-proċess li qed jissuġġerili nħejji.
Leg 9 PQ #956 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Bormla — Poliklinika

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra meta l-Poliklinika ta' Bormla mistennija li tkun lesta billi x-xogħol fuqha jidher ċar li tul dawn l-aħħar ġimgħat ingħata attenzjoni speċjali u għaddej b'pass tajjeb?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Bħalissa kollox jindika illi x-xogħol strutturali tal-kuntrattur jitlesta sa l-aħħar tas-sena u ċ-Ċentru tas-Saħħa jinfetaħ fi żmien xahrejn wara.
Leg 9 PQ #957 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Fgura — Poliklinika

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur viċin tiġi installata jew mibnija Poliklinika ġewwa l-Fgura billi l-maġġornaza kbira tan-nies ta' hemm għandhom diffikulta' biex jużaw dawn is-servizzi billi jridu jitilgħu Raħal Ġdid?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma hemm l-ebda ħsieb bħalissa li fil-futur viċin tiġi installata jew mibnija Poliklinika ġewwa l-Fgura.
Leg 9 PQ #596 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Tindif — Maċina, Senglea

Question

Jista' l-Ministru jara li fi żmien qasir fil-Maċina ġewwa l-belt Senglea, li għamel żmien użat bħala ċentru Laburista jsir: (1) tindif ġenerali billi dan għadu mimli b'imbarazz varju ta' l-istess partit Laburista fosthom statuti antiki, ritratti u kartelluni ta' varji mexxejja; (2) li jinqalgħu bil-galbu s-suffetti, partitions varji u oġġetti oħra simili li l-kreattivita' ta' l-istess irnexxilha toħloq sabiex tisnatura l-karattru tal-post u; (3) sabiex il-fireplaces kollha li kien hemm u li għal xi raġuni tul dak iż-żmien inqalgħu jerġgħu jitqiegħdu f'posthom minn fejn ttieħdu u dan kollu sabiex fil-futur qasir il-bini jkun jista' jingħata ħajja aktar dinjituża?

Response (BORG, TONIO)

S'issa l-Gvern għadu ma ddeċidiex l-użu li għandu jsir mill-Maċina. Id-Dipartiment tal-Artijiet ħa jieħu l-passi neċessarji ma' l-aħħar inkwilini sabiex il-proprjeta' tiġi mnaddfa u mħollija fi stat tajjeb. 10.11.98

Kottonera — Job centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se titwettaq il-proposta li kienet saret oriġinarjament fi żmien il-Gvern Nazzjonalista ta' qabel u li Gvern Laburista kien wiegħed li jwettaq iżda li wara ma wettaqx li jinfetah job centre biex iservi għal parti t'isfel ta' Malta, preferibbilment ġewwa l-Kottonera fejn hemm numru sewwa ta' nies ifittxu x-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Instab post fiċ-ċentru ta' Bormla fejn fi żmien qasir ser jinfetaħ 'Job Centre' biex jaqdi l-bżonnijiet tan-naħa ta' isfl ta' Malta w aktar speċifikament dawk tal-Kottonera. 10.11.98

Bormla — Knisja tal-Madonna tas-Sokkors

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta se jsir it-tindif tal-partijiet prinċipali interni u esterni tal-Knisja tal-Madonna tas-Sokkors f'Bormla u tal-Mina ta' Santa Liena li kienet ġiet restawrata sew minn Gvern Nazzjonalista preċedenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt lid-Dipartiment tal-Mużewijiet biex jinsisti ma' min hu responsabbli mill-Programm tar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera biex jieħu ħsieb dan it-tindif. Fil-fatt id-Dipartiment tal-Mużewijiet ma hux responsabbli direttament għal dan it-tindif, u jekk l-Onor. Membru jibqa' ma jiġix sodisfatt napprezza li jirrivolġi ruħu lejn il-Ministru konċernat.

Skejjel — Kotba bil-lingwa Franċiża

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm inxtraw kotba bil-lingwa Franċiża tul dawn l-aħħar ħames snin għal-libreriji pubbliċi u jekk kemm-il darba kienx bord ad hoc li ħa d-deċiżjoni liema kotba partikolari jinxtraw?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'dawn l-aħħar ħames snin inxtraw madwar 312 ktieb bil-lingwa Franċiża għall-użu fil-Libreriji Pubbliċi. Dawn intagħżlu permezz ta' Kumitat apposta (Book Selection Committee) imwaqqaf mill-Librerija Pubblika għas-selezzjoni tal-kotba. L-għażla saret ukoll fuq pariri ta' nies midħla fis-suġġett tal-Franċiż filwaqt li ġiet ikkonsidrata d-domanda tal-pubbliku inġenerali.

Xgħajra — Tiswija ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta hu ppjanat li t-toroq: Triq Tumbrel, Triq Orlando, Triq Ħaż-Żabbar u Triq Mahoney li għandhom mhux żviluppati fir-raħal tax-Xgħajra jsiru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li minħabba xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, l-asfaltar ta' dawn it-toroq isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment, sintendi wara li jkun zgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b'mod permanenti.

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

In vista tal-fatt li d-dar ta' l-anzjani ġewwa Bormla sfortunatament għadha m'hijiex lesta iżda l-kappella tagħha hija fi stat li tiġi wżata, jikkonsidra l-Ministru li din tiġi fi żmien qasir miftuħa għall-pubbliku u għall-użu reliġjuż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm id-dar ta' l-anzjani ġewwa Bormla għada m'hijiex lesta, l-kappella li qiegda ma' ġenbha se tinfetaħ kmieni s-sena d-dieħla biex tkun tista' tintuża mill-pubbliku għall-użu reliġjuż 9.11.98

Kalkara — Forti Rikasoli

Question

Jista' l-Ministru jgħid li ladarba partijiet kbar u sewwa tal-Forti Rikasoli ġewwa l-Kalkara ġew mnaddfa b'ħila u attenzjoni minn operaturi ta' film li se jinġibed f'dawn ix-xhur li: (1) l-ewwel jiġi ppreparat pjan ta' azzjoni sabiex dak li nbeda jkompli jsir u l-forti tiġi kompletament restawrata u salvata mill-elementi u; (2) li flimkien mal-Ministeru tat-Turiżmu dan jibda jinfetah fuq bażi regolari hekk kif jispiċċa l-ġbid tal-film imsemmi?

Response (GALEA, LOUIS)

Naqbel u napprezza li l-Forti Rikasoli fil-Kalkara bbenifika ħafna mill-ġbit ta' film li se jsir ġewwa dan il-post fix-xhur li ġejjin. Il-produtturi tal-film aċċettaw li jkopru l-ispiża għat-tindif u r-restawr ta' partijiet kbar ta' din il-fortizza. Dan ix-xogħol ta' restawr sar taħt id-direzzjoni tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet u bis-superviżjoni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Il-Forti Rikasoli għad għandu bżonn ħafna xogħol ta' restawr u jixraqlu jibqa' miftuħ għall-pubbliku fuq bażi permanenti. Għal dan l-iskop informat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qed tlesti 'Development Brief' għall-Forti Rikasoli sabiex dan il-monument jista' jiġi użat b'mod aktar adattat għall-karattru storiku u kulturali.