Universita' — Dipartiment tal-Psychology - Studenti
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'se jiġri wara Frar 1999 mill-istudenti li qed jattendu għal Certificate Course in Education (Classroom support trainee) organizzat mid-Dipartiment tal-Pyschology fl-Universita' ta' Malta flimkien mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm flus intnefqu mill-NTOM f'reklamar barra minn Malta biex jinġibdu aktar turisti hawn u fejn dawn intnefqu fis-snin 1996, 1997 u 1998?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-National Tourism Organisation - Malta (NTOM) nefqet l-ammonti li jidhru hawn taħt f'reklamar barra minn Malta:
1996 Lm1,832,835
1997 Lm1,334,896
1998 Lm 751,000
L-Onor Membru japprezza li l-kumplament tal-Mistoqsija hi ta' natura kummerċjali u għalhekk ma jkunx xieraq li din tingħata. Madankollu lest biex nagħtih l-informazzjoni kunfidenzjalment.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk id-Dipartiment tas-Saħħa bgħattx u għamilx spezzjonijiet ġewwa Triq A.M. Valperga kantuniera ma' Triq il-Ġiżi, Fgura għal diversi problemi konnessi ma' l-iġjene?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjonijiet li saru fl-akkwata ta' Triq A.M. Valperga ma' Triq Giżi, Fgura, ġie identifikat sit ta' art privata fejn jinstab ammont ta' skart. Id-Dipartiment qiegħed fi proċedura sabiex jittieħdu l-passi neċessarji kontra s-sid ta' l-art sabiex din titnaddaf.
Peress li ma kienx hemm indikazzjoni ta' problemi oħra konnessi ma' iġjene, qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal dan is-sit bħala l-problema konnessa ma' l-iġjene.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra minn kemm nies hija komposta is-Sezzjoni tal-Klieb mal-Kontrollur tad-Dwana u kemm saru spezzjonijiet u sejbiet mill-istess sezzjoni fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (DALLI, JOHN)
Is-Sezzjoni tal-Klieb tad-Dwana hija komposta minn tmienja min-nies li wieħed minnhom huwa wkoll l-instructor.
Dwar id-dettalji mitluba fuq kemm saru spezzjonijiet u sejbiet mill-istess sezzjoni fis-sena 1995, 1996, 1997 u 1998 qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni bħala `Table A` u `Table B`.
Wieħed irid jgħid ukoll illi:
a. Bejn Jannar 1995 u Awissu 1997 is-sezzjoni kienet komposta min uffiċjal u għaxar assistenti.
b. fis-sena 1997 kien hemm anki tibdil fis-sistema tat-Targetting biex l-Ispezzjonijiet ikunu ikkonċentrati fejn ikun l-aktar meħtieġ.
c. Il-figuri tas-sena 1998 jinkludu biss il-figuri sa Novembru 1998.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx ikkonsidrat u ppjanat sabiex fil-futur qarib isir ġnien publiku aħjar ġewwa l-Fgura bejn is-Swar tal-Kottonera u l-abitat b'mod li wieħed ikun jista' jimxi minn barra tulhom, mill-Malta Drydocks sa l-aħħar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-suġġeriment tal-Onor. Interpellant ser jiġi mgħoddi lill-Awtorita kompetenti li qed tippjana ir-rijabilitazzjoni tal-area kollha msemmija fid-domanda.
Jista' l-Ministru jibgħat numru ta' nies sabiex inaddfu u jġibu fi stat tajjeb dik il-parti ta' ġnien pubbliku li hemm fl-aħħar ta' Cottonera Avenue, Fgura inti u sejjer lejn Ħaż-Żabbar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Din il-lokalita' taqa taħt l-awtonomija tal-Kunsill Lokali tal-Fgura li għandu kuntratt ma entita privata biex isir ix-xogħol mixtieq fir-raħal tiegħu.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta hemm ippjanat li t-triq li għandha is-servizzi kollha mgħoddija u ċioe' Triq Orlando, Żabbar ġewwa ir-raħal tax-Xgħajra, issir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment, naturalment wara li jiġi assigurat li s-servizzi kollha meħtieġa jkunu tqegħdu fil-post.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk jikkonsidrax li jagħmel lista aċċessibbli għal pubbliku, tat-toroq li hemm il-ħsieb li jsiru tul is-sena li ġejja bid-dati relattivi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li programm ta` xogħolijiet ghad-diversi lokalitajiet għadu qiegħed jitfassal u informazzjoni dwaru tkun tista` tingħata aktar `il quddiem.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta hemm ippjanat li l-parti tat-triq li jonqos li ssir ġewwa Triq l-Għarnuq, Fgura issir issa li s-servizzi għaddew kollha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment, naturalment wara li jiġi assigurat li s-servizzi kollha meħtieġa jkunu tqegħdu fil-post.
In vista tar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 964 rigward il-Palazz ta' Bighi, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema partijiet oħra tal-post se jiġu restawrati u x'proposti hemm għalihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-bini li fadal u li għandu bżonn ikun restawrat huwa l-'West Wing' u l-'Infections Wing'.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li jiġi mwaqqaf u stabilit Kunsill ta' l-Arti fformat minn artisti, mużiċisti u persuni tal-palk?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kwestjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-promozzjoni tal-kultura u l-arti qed jiġu konsidrati mill-ġdid bil-ħsieb li nasal għal deċiżjoni dwar l-aħjar strutturi għal dan l-iskop.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra minn kemm persuni huwa ffurmat l-uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ġewwa Bormla? X'inhuma l-gradi rispettivi li dawn għandhom u hemmx bżonn ta' aktar nies, in vista tax-xogħol kbir li hemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-istaff ta' l-Ufficcju Distrettwali tas-Sigurta' Soċjali ta' Bormla hu kif indikat hwan taħt:
Staff Eżistenti Kompliment
_______________ __________
1 Welfare Officer Grad 3 1
0 Uffiċċjal Eżekuttiv 1
3 Skrivani 2
1 Skrivan li jagħmel xogħol fuq Distretti 1
oħra meta jinħass il-bżonn (Floater)
1 Messaġġier 1
u Charwoman li tattendi darba fil-ġimgħa biex tnaddaf il-post.
Ma jidhirx li hemm ħtieġa li l-istaff jiżdied għax skirvana minnhom hija mistennija li tilħaq Uffiċċjal Eżekuttiv għall-aħħar ta' April u għalhekk mistennija li tibqa' taħdem f'dan l-Uffiċċju f'din il-kariga.
Nixtieq inżid ukoll li hu mistenni li fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla ser ikunu kompjuterizzati l-pagamenti tal-Assistenza Soċjali dwar id-disimpjegati. Dan għandu jħaffef ix-xogħol fl-Uffiċċju Distrettwali. Minbarra dan għaddejjin taħdidiet biex l-Employment and Training Corporation tiftaħ uffiċċju tagħha fil-lokal. Dan ifisser li r-reġistrazzjoni ta' persuni, li jsir minn impjegati tal-Korporazzjoni, fil-futur qarib mhux ser isir aktar fl-Ufficcju Distrettwali iżda f'post ieħor. Dan għandu inaqqas ix-xogħol fl-Uffiċċju Distrettwali msemmi.
4.12.98
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk id-Dipartiment tas-Saħħa għamilx studji li minnhom jirriżulta li l-proċess msejjaħ bħala grit blasting huwa ta' ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u fil-każ li iva, dawn jiġu ppreżentati, u fil-każ le, dawn isiru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda studju mid-Dipartiment tas-Saħħa dwar l-effetti tal-grit blasting fuq is-saħħa tal-bniedem. Id-Dipartiment qed jikkonsidra jekk dan għandux isir fil-futur.
In vista tar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 962 rigward il-problema tad-drenaġġ fix-Xgħajra, jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jkun hemm pjan li permezz tiegħu l-problema mhux tiġi kkontrollata wara li sseħħ, iżda li tiġi evitata kompletament billi forsi jkun hemm għeluq ta' kull ftuħ u jkun hemm pipes akbar u aktar adegwati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tad-Drenaġġ huwa konxju tal-problema li teżisti fix-Xgħajra u għalhekk qiegħed jagħmel manutenzjoni regolari fuq din il-parti tas-sistema, liema sistema hija soġġetta għall-influss qawwi ta' drenaġġ li joriġina minn diversi 'farms' u li konsegwentement ikollu kontenut għoli ta' solidi li jistgħu jikkawżaw 'stoppages' mingħajr ebda indikazzjoni preliminari.
Nifhem illi l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għal possibilita' li l-'manholes' tad-drenaġġ jiġu magħluqa biex ma jirriżulta l-ebda fawran minn l-istess 'manholes'. Ninsab infurmat ukoll illi dan ma jistax isir minħabba li dawn il-'manholes' iridu jkunu aċċessibbli għal skopijiet ta' manutenzjoni.
Id-Dipartiment tad-Drenaġġ qiegħed ukoll jevalwa numru ta' offerti għal servizz ta' konsulenza fuq it-tisħiħ infrastrutturali għan-Nofs in-Nhar ta' Malta. Din il-konsulenza hija intiża biex tissaħaħ is-sistema eżistenti, fejn jinsab li hemm bżonn, u biex jinbena jew jinbnew in-numru ta' impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ meħtieġa. Din għandha wkoll l-implikazzjoni illi f'dan iż-żmien l-entitajiet kummerċjali konċernati jirregolarizzaw irwieħhom għall-provvedimenti ta' l-Avviż Legali Numru 8 ta' l-1993.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra xi ħsara bata t-tempju ta' Ħaġar Qim? X'miżuri se jittieħdu mid-dipartiment biex dan jiġi rranġat u f'liema fażi wasal il-proġett oriġinarjament mibni minn Gvern Nazzjonalista għal preservazzjoni moderna tal-post?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li b'kawża tal-maltemp li kellna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, nhar is-Sibt wara nofsinhar, waqa' xi ġebel f'parti ta' ġewwa ta' Ħaġar Qim. Il-ħsara kienet lokalizzata f'post bejn l-ewwel żewġt Apsidi ta' fuq il-lemin tad-daħla tat-tempju. Id-Dipartiment mill-ewwel ħa dawn il-passi:
1. Għalaq is-sit temporanjament għall-pubbliku
2. Nhar il-Ħadd stess saret ħidma immedjata biex tiġi
stabilizzata s-sitwazzjoni
3. Dr Alex Torpiano, il-perit li kien għamel xogħol ta' restawr
fl-Imnajdra sentejn ilu, ġie mqabbad jagħmel rapport tekniku
tal-ħsarat u rakkomandazzjonijiet dwar miżuri meqjusa
essenzjali għall-ħarsien ta' wirt fost l-aktar prezzjuż
fid-dinja.
Id-Dipartiment ser jistenna r-riżultati ta' dan ir-rapport qabel ma jagħmel xogħol ta' rikostruzzjoni neċessarju. Id-Dipartiment tal-Mużewijiet qed jieħu l-passi biex jinforma organizazzjonijiet internazzjonali, bħal UNESCO, biex iqanqal kuxjenza u appoġġ konkret għall-proġett meħtieġ biex nippreservaw dan il-monument dinji.
Il-proġett tal-Park Nazzjonali ta' Ħaġar Qim qed jiġi żviluppat fażi fażi. Bħalissa għadu kif tlesta ħajt ta' sigurta' ġdid biex b'hekk jitneħħa dak li kien imbena xi 20 sena ilu. Fażijiet oħra ser jiġu konsidrati bi priorita' wara li nqisu r-rapport tal-Perit Torpiano.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba l-Gardjola li hemm fil-Bieb il-Belt Sengleana hijiex se tiġi restawrata f'dawn ix-xhur billi ilha bl-armar mingħajr ebda xogħol ta' xejn tul dawn l-aħħar sentejn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-armar li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant sar biex ikun jista' jsir xogħol ta' kejl u studju fuq l-istruttura tal-Gardjola. Dan ser iservi ukoll biex ikun jista' jsir ix-xogħol ta' manutenzjoni li hu maħsub li jkun jista' jibda s-sena d-dieħla hekk kif ikun ġie stabbilit il-metodu ta' restawr u x'għandu jsir.